|
19.9.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 241/12 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1567
tal-4 ta' Settembru 2019
dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “L-iżgurar tal-konformità tal-Politika Kummerċjali Komuni mat-Trattati tal-UE u mal-liġi internazzjonali”
(notifikata bid-dokument C(2019) 6390)
(It-test Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Is-suġġett tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “L-iżgurar tal-konformità tal-Politika Kummerċjali Komuni mat-Trattati tal-UE u mal-liġi internazzjonali” jirriferi għal li ġej: “Ir-regolazzjoni ta' tranżazzjonijiet kummerċjali ma' entitajiet tal-Okkupant ibbażati jew li joperaw f'territorji okkupati billi ma jitħallewx prodotti li joriġinaw minn hemm milli jidħlu fis-suq tal-UE.” |
|
(2) |
L-objettivi tal-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini jirreferu għal dan li ġej: “Il-Kummissjoni, bħala l-Gwardjan tat-Trattati, għandha tiżgura l-konsistenza tal-politika u l-konformità tal-Unjoni mad-drittijiet fundamentali u mad-dritt internazzjonali fl-oqsma kollha tal-liġi tal-UE, inkluża l-politika kummerċjali komuni (PKK). Għandha tipproponi atti legali li ma jippermettux lill-entitajiet legali tal-UE milli kemm jimportaw prodotti li joriġinaw minn insedjamenti illegali f'territorji okkupati u milli jesportaw lejn tali territorji, sabiex tiġi ppreżervata l-integrità tas-suq intern u biex ma tingħatax għajnuna jew assistenza lill-kontinwazzjoni ta' tali sitwazzjonijiet illegali”. |
|
(3) |
It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) isaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jqawwi aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, fost l-oħrajn, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta'inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. |
|
(4) |
Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini jkunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini, sabiex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli. |
|
(5) |
Att legali li jkopri s-suġġett tal-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini jista' jiġi adottat biss abbażi tal-Artikolu 215 tat-TFUE. |
|
(6) |
Madankollu, prerekwiżit biex att legali jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 215 tat-TFUE huwa li jkun hemm deċiżjoni adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jipprovdi għall-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjalment jew kompletament, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-pajjiż terz ikkonċernat. Il-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li tippreżenta proposti għal tali deċiżjoni. Fin-nuqqas ta' deċiżjoni korrispondenti adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li tippreżenta proposta għall-adozzjoni ta' att legali abbażi tal-Artikolu 215 tat-TFUE. |
|
(7) |
Għal dawn ir-raġunijiet, il-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini bit-titolu “L-iżgurar tal-konformità tal-Politika Kummerċjali Komuni mat-Trattati tal-UE u mal-liġi internazzjonali” taqa' b'mod manifest 'il barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament, meħud flimkien mal-Artikolu 2, il-punt 1, tiegħu. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “L-iżgurar tal-konformità tal-Politika Kummerċjali Komuni mat-Trattati tal-UE u mal-liġi internazzjonali” hija b'dan miċħuda.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bit-titolu “L-iżgurar tal-konformità tal-Politika Kummerċjali Komuni mat-Trattati tal-UE u mal-liġi internazzjonali”, irrappreżentata minn [data personali mħassra wara l-konsultazzjoni mal-organizzaturi] li jaġixxu bħala persuni ta' kuntatt.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Settembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Frans TIMMERMANS
L-Ewwel Viċi President