European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2944

2.12.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2944

tat-28 ta’ Novembru 2024

dwar l-istandards armonizzati għat-tagħmir li jaħraq karburanti gassużi abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/224

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), it-tagħmir u l-fittings li jkunu f’konformità mal-istandards armonizzati jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iridu jkunu preżunti li huma konformi mar-rekwiżiti essenzjali koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(2)

Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023) 4789 (3), il-Kummissjoni ressqet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN, European Committee for Standardization) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC, European Committee for Standardization) għar-reviżjoni tal-istandards armonizzati eżistenti abbozzati abbażi tal-mandat ta’ standardizzazzjoni M/BC/CEN/06-89 tad-29 ta’ April 1990 biex jiġi żgurat li dawn ikomplu jirriflettu l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku ġeneralment rikonoxxut sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426.

(3)

Abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2023)4789, is-CEN irreveda l-istandards armonizzati li ġejjin, li r-referenzi tagħhom huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/224 (4): EN 30-1-1:2021, EN 30-1-2:2023, EN 88-1:2022, EN 203-1:2021, EN 203-2-1:2021, EN 203-2-2:2021, EN 203-2-4:2021, EN 257:2022, EN 549:2019+A1:2023, EN 751-3:2022, EN 1106:2022, EN 1854:2022, EN 15502-1:2021, EN 15502-2-1:2022 u EN 16898:2022. B’riżultat ta’ dan, is-CEN adotta l-istandards armonizzati reveduti li ġejjin, rispettivament: EN 30-1-1:2021+A1:2023, EN 30-1-2:2023+A1:2024, EN 88-1:2022+A1:2023, EN 203-1:2021+A1:2023, EN 203-2-1:2021+A1:2023, EN 203-2-2:2021+A1:2023, EN 203-2-4:2021+A1:2023, EN 257:2022+A1:2023, EN 549:2019+A2:2024, EN 751-3:2022+A1:2023, EN 1106:2022+A1:2023, EN 1854:2022+A1:2023, EN 15502-1:2021+A1:2023, EN 15502-2-1:2022+A1:2023 u EN 16898:2022+A1:2023.

(4)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandards armonizzati reveduti mis-CEN jikkonformawx mat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2023) 4789.

(5)

Ir-referenza tal-istandard armonizzat EN 30-1-1: 2021 dwar is-sikurezza ġenerali għall-apparati domestiċi tat-tisjir li jaħarqu l-gass ġiet ippubblikata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/224 b’restrizzjonijiet. L-istandard armonizzat EN 30-1-1: 2021 + A1: 2023 ma jindirizzax dawk ir-restrizzjonijiet.

(6)

L-istandards armonizzati reveduti mis-CEN abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C (2023) 4789, ħlief għall-istandard armonizzat EN 30-1-1:2021+A1:2023, jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru u li huma stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426. Għalhekk, jixraq li r-referenzi ta’ dawk l-istandards jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

L-istandard armonizzat EN 30-1-1:2021+A1:2023 jissodisfa r-rekwiżiti li għandu l-għan li jkopri u li huma stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426, ħlief għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 3.2.4 u 3.4.4 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426. Għalhekk jixraq li r-referenza ta’ dak l-istandard tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’restrizzjonijiet.

(8)

Fl-interessi taċ-ċarezza, tar-razzjonalità u tas-simplifikazzjoni, jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’att uniku lista sħiħa ta’ referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/426 u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru. Ir-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/426 attwalment huma ppubblikati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/224. Konsegwentement, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/224 jeħtieġ tiġi sostitwita b’deċiżjoni ġdida.

(9)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenzi tal-istandards armonizzati għat-tagħmir li jaħraq karburanti gassużi abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/426, elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huma b’dan ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/224 titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1025/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir li jaħraq karburanti gassużi u li jħassar id-Direttiva 2009/142/KE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/426/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023) 4789 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika rigward it-tagħmir u l-fittings tal-gass b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/224 tal-10 ta’ Jannar 2024 dwar l-istandards armonizzati għat-tagħmir li jaħraq karburanti gassużi abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/224, 12.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/224/oj).


ANNESS

Nru

Referenza tal-istandard

1.

EN 30-1-1:2021+A1:2023

Apparati domestiċi tat-tisjir li jaħarqu l-gass - Parti 1-1: Sikurezza - Ġenerali

Restrizzjonijiet:

(a)

L-istandard EN 30-1-1:2021+A1:2023 ma jkoprix ir-rekwiżit essenzjali stabbilit fil-punt 3.2.4 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426;

(b)

L-istandard EN 30-1-1:2021+A1:2023 ikopri r-rekwiżit essenzjali stabbilit fil-punt 3.4.4 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426 fir-rigward tal-monossidu tal-karbonju iżda ma jkoprix dak ir-rekwiżit fir-rigward ta’ konċentrazzjonijiet oħra ta’ sustanzi li x’aktarx jippreżentaw periklu għas-saħħa.

2.

EN 30-1-2:2023+A1:2024

Apparati domestiċi tat-tisjir li jaħarqu l-gass - Parti 1-2: Sikurezza - Apparati bi fran tal-konvezzjoni furzata

3.

EN 88-1:2022+A1:2023

Apparati ta’ sigurtà u kontroll għal berners tal-gass u apparati li jaħarqu l-gass - Parti 1: Regolaturi tal-pressjoni għal pressjonijiet fil-bokka sa, u inkluż, 50 kPa

4.

EN 203-1:2021+A1:2023

Tagħmir tal-catering li jissaħħan bil-gass - Parti 1: Rekwiżiti ġenerali tas-sikurezza

5.

EN 203-2-1:2021+A1:2023

Tagħmir tal-catering li jissaħħan bil-gass - Parti 2-1: Rekwiżiti speċifiċi - berners miftuħa u berners tal-woks

6.

EN 203-2-2:2021+A1:2023

Tagħmir tal-catering li jissaħħan bil-gass - Parti 2-2: Rekwiżiti speċifiċi - Fran

7.

EN 203-2-4:2021+A1:2023

Tagħmir tal-catering li jissaħħan bil-gass - Parti 2-4: Rekwiżiti speċifiċi - Magni tal-qali

8.

EN 257:2022+A1:2023

Termostati mekkaniċi għal apparati li jaħarqu l-gass

9.

EN 549:2019+A2:2024

Materjali tal-lastiku għas-siġilli u d-dijaframmi għal apparati tal-gass u għal tagħmir tal-gass

10.

EN 751-3:2022+A1:2023

Materjali tal-issiġillar għal ġonot metalliċi bil-kamin f’kuntatt ma’ gassijiet tal-ewwel, it-tieni u t-tielet familja u mal-ilma sħun - Parti 3: Tejps tal-PTFE mhux sinterizzati u kordi tal-PTFE

11.

EN 1106:2022+A1:2023

Viti li jitħaddmu b’mod manwali għal apparati li jaħarqu l-gass

12.

EN 1854:2022+A1:2023

Apparati ta’ sigurtà u kontroll għal berners u apparati li jaħarqu karburanti gassużi u/jew likwidi - Apparati li jissensjaw il-pressjoni għall-berners tal-gass u apparati li jaħarqu l-gass

13.

EN 15502-1:2021+A1:2023

Bojlers tat-tisħin li jaħdmu bil-gass - Parti 1: Rekwiżiti ġenerali u testijiet

14.

EN 15502-2-1:2022+A1:2023

Bojlers tat-tisħin li jaħdmu bil-gass - Parti 2-1: Standard speċifiku għal apparati tat-tip C u apparati tat-tip B2, B3 u B5 b’input termiku nominali li ma jaqbiżx 1 000  kW

15.

EN 16898:2022+A1:2023

Apparati ta’ sigurtà u kontroll għal berners tal-gass u apparati li jaħarqu l-gass - Filtri tal-gass bi pressjoni operattiva massima sa, u inkluż, 600 kPa


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2944/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)