16.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 343/16


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1493

tat-12 ta’ Ottubru 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom dwar l-emendar tal-Annessi I u II għall-Ftehim u l-adozzjoni tal-Istandards Tekniċi tal-Kollegament

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom (1) (‘il-Ftehim’) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/219 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020.

(2)

Skont il-Ftehim, il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim (‘il-Kumitat Konġunt’) jista’ jadotta deċiżjoni dwar l-Istandards Tekniċi tal-Kollegament (LTS) żviluppati mill-amministratur tar-reġistru Żvizzeru u mill-amministratur ċentrali tal-Unjoni u bbażati fuq il-prinċipji stabbiliti fl-Anness II għall-Ftehim, li jiddeskrivu r-rekwiżiti dettaljati għall-istabbiliment ta’ konnessjoni robusta u sikura bejn ir-Reġistru Supplimentari tat-Tranżazzjonijiet Żvizzeru (SSTL) u r-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (EUTL). Imbagħad, l-LTS jidħlu fis-seħħ wara li jiġu adottati b’deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.

(3)

L-Anness I għall-Ftehim għandu jiġi emendat f’konformità mal-Ftehim biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bla xkiel fl-amministrazzjoni tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru mogħtija lill-Iżvizzera għall-ewwel darba wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, billi jitqies il-progress li sar biex jiġi stabbilit il-kollegament tar-reġistru.

(4)

L-Anness II jenħtieġ li jiġi emendat biex jipprevedi sett ta’ teknoloġiji akbar iżda ekwivalenti sabiex jiġi stabbilit il-kollegament tar-reġistru meħtieġ mill-Ftehim.

(5)

Waqt it-tielet laqgħa tiegħu li se ssir fl-2020, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta l-Istandards Tekniċi tal-Kollegament żviluppati.

(6)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt, peress li l-Istandards Tekniċi tal-Kollegament se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

(7)

L-adozzjoni tal-LTS hija element importanti tal-implimentazzjoni tal-Ftehim, sabiex tippermetti l-istabbiliment tas-sisien tekniċi tal-kollegament u tispjega l-linja bażi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fit-termini tar-rekwiżiti tal-arkitettura, tas-servizz u tas-sigurtà.

(8)

Huwa xieraq li l-Kumitat Konġunt jistabbilixxi grupp ta’ ħidma skont il-Ftehim biex jassisti lill-Kumitat Konġunt fil-funzjonijiet tiegħu skont il-Ftehim fir-rigward tal-iżvilupp ta’ linji gwida tekniċi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim inkluż l-istabbiliment ta’ konnessjoni robusta u sigura bejn l-SSTL u l-EUTL. Il-grupp ta’ ħidma jenħtieġ li tal-inqas jinkludi l-amministratur tar-Reġistru Żvizzeru u l-amministratur ċentrali tal-Unjoni.

(9)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt għalhekk jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tielet laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom, fir-rigward tal-emendar tal-Annessi I u II għall-Ftehim, l-adozzjoni tal-Istandards Tekniċi tal-Kollegament u l-istabbiliment ta’ grupp ta’ ħidma skont l-Artikolu 12(5) tal-Ftehim, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt (3).

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu ma’ tibdiliet minuri fl-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 322, 7.12.2017, p. 3.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/219 tat-23 ta’ Jannar 2018 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom (ĠU L 43, 16.2.2018, p. 1).

(3)  Ara d-dokument ST 10836/20 fuq http://register.consilium.europa.eu