IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.1.2021
COM(2021) 29 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW U LILL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU
dwar l-iżviluppi fis-suq tal-UE fis-servizzi tal-awditjar statutorju lil entitajiet ta’ interess pubbliku skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW U LILL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU
dwar l-iżviluppi fis-suq tal-UE fis-servizzi tal-awditjar statutorju lil entitajiet ta’ interess pubbliku skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014
1.Introduzzjoni
Il-leġiżlazzjoni dwar l-awditjar adottata wara l-kriżi finanzjarja kellha l-għan li ttejjeb l-awditi statutorji fl-UE billi ssaħħaħ l-indipendenza tal-awdituri u x-xettiċiżmu professjonali tagħhom fir-rigward tal-ġestjoni tal-kumpanija awditjata. Skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 (“ir-Regolament”), dan ir-rapport jivvaluta l-iżviluppi fis-suq tal-UE għat-twettiq ta’ awditi statutorji ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku bejn l-2015 u l-2018, b’enfasi fuq:
-il-konċentrazzjonijiet tas-suq;
-ir-riskji li jirriżultaw minn nuqqasijiet fil-kwalità tal-awditjar; kif ukoll
-il-prestazzjoni ta' kumitati tal-awditjar;
Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, ir-rapporti mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-sorveljanza tal-awditjar (l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti) huma s-sors ewlieni tad-data. Ir-rapport jirreferi l-aktar għall-2017 u l-2018 u nġabar fl-2019 fuq il-bażi ta’ indikaturi tas-suq magħżula. Għalhekk jinkludi data mir-Renju Unit. Il-Kummissjoni ħejjiet ir-rapport f’kooperazzjoni mal-Kumitat tal-Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar (Committee of European Auditing Oversight Bodies, CEAOB).
Dan huwa l-ewwel rapport ta’ dan it-tip minn meta saret ir-riforma tal-awditjar tal-UE (ara hawn fuq). B’mod ġenerali, id-data kienet aktar preċiża milli fl-2017. Madankollu, il-konsolidazzjoni tad-data fil-livell tal-UE għadha diffiċli, minħabba nuqqas ta’ data nazzjonali dwar il-fatturat u d-dħul, perjodi differenti ta’ rappurtar u differenzi fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-awditjar. Barra minn hekk, il-komparabbiltà fil-qasam tal-indikaturi tal-garanzija tal-kwalità għadha diffiċli, minħabba li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jużaw metodoloġiji differenti.
2.L-iżviluppi fis-suq tal-UE għall-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta' interess pubbliku
2.1.Ħarsa ġenerali lejn is-suq
Ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għal awditi statutorji ta’ entitajiet ta' interess pubbliku li d-definizzjoni tagħhom hija mogħtija fid-Direttiva tal-awditjar bħal kumpaniji elenkati, banek, impriżi tal-assigurazzjoni u “entitajiet ta' interess pubbliku nazzjonali” maħtura mill-Istati Membri (eż. impriżi li huma ta’ rilevanza pubblika sinifikanti minħabba n-natura tan-negozju tagħhom, id-daqs tagħhom jew kemm għandhom impjegati).
Din it-taqsima tiddeskrivi s-suq tal-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta' interess pubbliku sentejn wara r-riforma tal-awditjar.
Inqas awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar fl-UE; inqas għażla għall-entitajiet ta' interess pubbliku.
Iċ-ċifri juru tnaqqis minn 2015 fl-għadd ta’ awdituri ta’ kontijiet individwali tal-UE, inkluż tnaqqis żgħir fl-għadd ta’ awdituri statutorji impjegati minn ditti tal-awditjar u assoċjati magħhom (bħala sħab jew mod ieħor). L-għadd ta’ ditti tal-awditjar irreġistrati fl-UE naqas ukoll, b’6 %. Il-proporzjon ta’ ditti tal-awditjar li jawditjaw entitajiet ta' interess pubbliku huwa qrib l-4 % tad-ditti tal-awditjar irreġistrati kollha, kważi żewġ punti perċentwali inqas mill-2015.
Tabella 1:
Awdituri statutorji u ditti tal-awditjar irreġistrati fl-UE (2015-2018)
|
|
2015
|
2018
|
Change
|
|
Awdituri statutorji
|
250 047
|
225 360
|
-10%
|
|
Awdituri statutorji impjegati mad-ditta tal-awditjar jew assoċjati magħha bħala sħab jew mod ieħor
|
61 711
|
60 005
|
-3%
|
|
Ditti tal-awditjar
|
32 306
|
30 504
|
-6%
|
|
Ditti tal-awditjar li jawditjaw entitajiet ta' interess pubbliku
|
1 742
|
1 127
|
-35%
|
Dan it-tnaqqis fl-għadd ta’ awdituri statutorji u ditti tal-awditjar irreġistrati kkoinċida ma’ tnaqqis fl-għadd ta’ entitajiet ta' interess pubbliku, iffaċilitat l-aktar minn tnaqqis fl-għadd ta’ “entitajiet ta' interess pubbliku nazzjonali” peress li ħafna mill-Istati Membri rrevedew id-definizzjoni tagħhom ta’ dan il-kunċett.
L-għadd ta’awditi statutorji ta’ entitajiet ta' interess pubbliku naqas ukoll, b’madwar terz, fl-2015-2018 (Figura 1). Il-kumpaniji elenkati kienu l-akbar tip ta’ entitajiet ta' interess pubbliku madwar l-UE fl-2018, li jirrappreżentaw 44 % tat-total. Il-piżijiet relattivi tal-kategoriji ta’ entitajiet ta' interess pubbliku jvarjaw skont l-Istat Membru, iżda l-aktar bidla sinifikanti kienet tnaqqis ta’ 73 punt perċentwali fil-kategorija “entitajiet ta' interess pubbliku nazzjonali”, li kienet l-akbar fl-2015 iżda rrappreżentat biss 19 % tal-entitajiet ta' interess pubbliku kollha fl-2018.
L-awditi konġunti ta’ entitajiet ta' interess pubbliku jirrappreżentaw biss 9 % tal-awditi statutorji tal-entitajiet ta' interess pubbliku. Mill-għaxar Stat Membru li rrapportaw awditi konġunti, Franza reġgħet kellha l-aktar (86 % tat-total tal-EU‑28).
Figura 1:
Entitajiet ta' interess pubbliku u awditi statutorji ta’ entitajiet ta' interess pubbliku, EU-28 (2015-2018)
Il-fatturat tal-UE ta’ ditti tal-awditjar li awditjaw entitajiet ta' interess pubbliku żdied b’madwar 9 % fl-2015‑2018, filwaqt li x-xogħol mhux relatat mal-awditjar kien jifforma l-parti l-kbira tad-dħul tad-ditti kbar tal-awditjar.
Il-fatturat tal-EU‑27 tad-ditti tal-awditjar li awditjaw entitajiet ta' interess pubbliku kien ta’ madwar EUR 34 biljun fl-2018. Id-data għall-għaxar ditti ewlenin tal-awditjar (10KAP) tappoġġa stima tal-fatturat tal-EU‑28 ta’ madwar EUR 40 biljun. Id-dħul mill-awditi statutorji żdied b’6 % għal kważi EUR 12,7-il biljun, li 25 % minnhom kienu mill-awditi statutorji ta’ entitajiet ta' interess pubbliku.
Iċ-ċifri tal-fatturat skont l-Istat Membru jvarjaw ħafna, u l-Ġermanja u r-Renju Unit għadhom l-akbar żewġ swieq (65 % tal-fatturat tal-UE tad-ditti tal-awditjar).
Madwar żewġ terzi tal-fatturat tal-UE tad-ditti tal-awditjar li awditjaw entitajiet ta' interess pubbliku, irrappurtat skont id-ditta jew fil-livell tan-network, oriġinaw minn dħul minn servizz mhux tal-awditjar (minn servizzi mhux tal-awditjar permessi lill-entitajiet awditjati u servizzi mhux tal-awditjar lil entitajiet oħra), li juri diversifikazzjoni tan-negozju u fokus lil hinn mix-xogħol tradizzjonali tal-awditjar.
Mill-fatturat totali tal-UE 9% biss kienu minn dħul mill-awditi statutorji ta’ entitajiet ta' interess pubbliku; 35 % kienu mis-servizzi kollha tal-awditjar statutorju (Figura 2). Madankollu, dan ivarja minn Stat Membru għal ieħor; f’seba’ Stati Membri, inqas minn terz tad-dħul kien minn awditi statutorji.
Figura 2:
Diżaggregazzjoni tad-dħul mill-fatturat tal-UE tad-ditti tal-awditjar li awditjaw entitajiet ta' interess pubbliku (2018)
Erba’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti min-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni rrapportaw li kienu wettqu inkjesta settorjali fis-suq tal-awditjar jew attività antitrust jew ta’ fużjoni fis-settur fl-2015-2018. Ir-Renju Unit irrapporta dwar studju rigward is-suq tal-awditjar statutorju nazzjonali tiegħu.
2.2.Il-konċentrazzjonijiet tas-suq
L-Istati Membri pprovdew data tas-suq għall-awditi statutorji ta’ entitajiet ta' interess pubbliku mill-“Big Four” (PwC, Deloitte, KPMG u EY), “CR4” (l-akbar erba’ ditti tal-awditjar f’kull pajjiż) u 10KAP.
Konċentrazzjoni tas-suq persistentement għolja mill-2015 sal-2018. B’mod ġenerali, il-Big Four baqgħu l-akbar ditti tal-awditjar, iżda l-bidliet fl-ishma individwali tagħhom huma viżibbli. Hemm ukoll sinjali ta’ konċentrazzjoni ogħla fl-10KAP milli fir-rapport preċedenti.
Il-Big Four għandhom oligopolju fi 13-il Stat Membru (żieda minn 11 fl-2015) u sehem medju tas-suq tal-UE ta’ 70 % tal-awditi statutorji kollha ta’ entitajiet ta' interess pubbliku. F’seba’ Stati Membri biss mhumiex l-akbar erba’ ditti tal-awditjar (Figura 3).
Figura 3:
Is-sehem mis-suq tad-ditti tal-awditjar fl-għadd ta’ awditi statutorji ta’ entitajiet ta' interess pubbliku (2018)
Il-Big Four huma saħansitra aktar dominanti f’termini ta’ dħul mill-awditi statutorji ta’ entitajiet ta' interess pubbliku (Figura 4). Fost l-Istati Membri li fihom kellhom sehem mis-suq aggregat taħt il-medja tal-UE, Franza rrapportat li 60 % tal-awditi statutorji ta’ entitajiet ta' interess pubbliku kollha kienu awditi konġunti.
Figura 4:
% tal-awditi statutorji ta’ entitajiet ta' interess pubbliku, % tad-dħul mill-awditi statutorji ta’ entitajiet ta' interess pubbliku u % tad-dħul mill-awditi ta’ entitajiet oħra, skont l-Istat Membru (2018)
Il-Big Four għadhom jiddominaw is-suq tal-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta' interess pubbliku
Il-livell ta’ konċentrazzjoni aggregata tal-UE tal-Big Four fl-għadd ta’ awditi statutorji ta’ entitajiet ta' interess pubbliku naqas b’madwar tliet punti perċentwali, b’Deloitte tesperjenza tnaqqis ta’ kważi disa’ punti perċentwali. Il-Big Four kellhom madwar 66 % tas-suq aggregat tal-awditi statutorji ta’ entitajiet ta' interess pubbliku fl-2018 (Figura 5). F’termini tal-fatturat totali tad-ditti tal-awditjar, dawn ammontaw għal madwar 80 % tat-total tal-UE.
Figura 5:
Is-sehem mis-suq tal-10KAP tal-għadd ta’ awditi statutorji ta’ entitajiet ta' interess pubbliku (2018)
Il-Big Four jiddominaw is-suq tal-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta' interess pubbliku, b’aktar minn 90 % tad-dħul totali.
Fis-suq tal-awditi statutorji ta’ entitajiet oħra, il-Big Four għandhom sehem ta’ kważi 70 %. Huma għandhom ukoll sehem mis-suq aggregat ta’ madwar 85 % f’segmenti mhux relatati max-xogħol tal-awditjar (ippermettew lil ċerti servizzi mhux tal-awditjar lil entitajiet awditjati u servizzi mhux tal-awditjar lil entitajiet oħra) (Figura 6).
Figura 6:
L-ishma mis-suq tal-UE tad-ditti tal-awditjar li awditjaw entitajiet ta' interess pubbliku f’kull segment tas-suq, dħul (2018)
Il-Big Four jew in-network tagħhom jiksbu proporzjon sinifikanti (madwar 70 %) tad-dħul għal servizzi mhux tal-awditjar minn klijenti tal-awditjar u mhux tal-awditjar; is-sitwazzjoni tvarja minn Stat Membru għal ieħor.
L-istruttura stmata tad-dħul tal-UE turi li l-Big Four jiġġeneraw kważi 30 % tad-dħul tagħhom minn prattiki tal-awditjar u perċentwal għoli (qrib is-60 %) minn xogħol mhux tal‑awditjar, b’mod partikolari servizzi mhux tal-awditjar lil entitajiet oħra.
2.3.Riskji li jirriżultaw minn nuqqasijiet fil-kwalità
Il-biċċa l-kbira tar-rapportar tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar il-garanzija tal-kwalità kien relatat maċ-ċikli ta’ spezzjoni ta’ sena, li twettaq l-aktar fl-2018 iżda b’dati differenti ta’ bidu u tmiem. Seba’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti rrapportaw data li tirreferi għal ċikli ta’ spezzjoni ta’ tliet snin. Għall-fini ta’ dan ir-rapport, qed nużaw id-definizzjoni tal-konstatazzjonijiet tas-CEAOB, li taqbel ma’ dik tal-Forum Internazzjonali tar-Regolaturi Indipendenti tal-Awditjar (International Forum of Independent Audit Regulators, IFIAR). Minħabba l-ħtieġa li jitħaddem ġudizzju professjonali fl-interpretazzjoni ta’ kif l-Istati Membri jikkategorizzaw id-data dwar in-nuqqasijiet fil-kwalità, huwa diffiċli li l-informazzjoni tiġi aggregata u li jinsiltu konklużjonijiet ġenerali fil-livell tal-UE.
L-għadd ta’ fajls tal-awditjar ta’ entitajiet ta' interess pubbliku spezzjonati naqas b’25 %, flimkien ma’ tnaqqis ta’ 35 % fl-għadd ta’ awditi statutorji ta’ entitajiet ta' interess pubbliku (minħabba bidliet fid-definizzjoni tal-Istati Membri ta’ “entitajiet ta' interess pubbliku”). Minkejja li saru inqas spezzjonijiet tal-inkarigu tal-awditjar ta’ entitajiet ta' interess pubbliku, jidher li kien hemm aktar enfasi fuq inkarigi tal-awditjar ta’ entitajiet ta' interess pubbliku meta mqabbla mal-popolazzjoni sħiħa tal-ispezzjoni tal-awditjar fl-2015-2018.
It-taqsima dwar il-valutazzjoni kwalitattiva hawn taħt hija bbażata fuq data minn rapporti nazzjonali ta’ monitoraġġ tas-suq u analiżi tas-CEAOB. Dan ikopri żewġ oqsma ewlenin:
-nuqqasijiet; kif ukoll
-il-mitigazzjoni u l-analiżi tar-riskju sistemiku.
L-aktar kwistjonijiet frekwenti enfasizzati (bħal fl-2017) huma nuqqasijiet fis-sistemi interni ta’ kontroll tal-kwalità tad-ditti tal-awditjar (eż. nuqqas ta’ evidenza u dokumentazzjoni għall-awditjar li tkun suffiċjenti). Is-superviżuri tal-awditjar se jkomplu jiffukaw fuq dawn.
Il-konstatazzjonijiet komuni ewlenin fir-rigward tas-sistemi interni ta’ kontroll tal-kwalità jirrigwardaw:
·l-etika u l-indipendenza tal-persunal tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar statutorju;
·eżami tal-kontroll tal-kwalità tal-inkarigu;
·nuqqas ta’ monitoraġġ jew monitoraġġ mhux xieraq ta’ entitajiet awditjati b’riskju għoli; kif ukoll
·nuqqas ta’ evidenza għall-awditjar u dokumentazzjoni tal-awditjar.
Fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-fajls tal-inkarigu tal-awditjar ta’ entitajiet ta' interess pubbliku, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti identifikaw konstatazzjonijiet komuni fl-oqsma ewlenin li ġejjin:
·il-valutazzjoni tar-riskju;;
·il-materjalità u l-kampjunar;
·il-verifika tal-kontroll intern;
·il-kwalità u l-evidenza tal-awditjar; kif ukoll
·l-awditi tal-gruppi.
Dan jaqbel mal-ħames standards internazzjonali tal-awditjar, li, skont l-analiżi tas-CEAOB jikkonċernaw il-parti l-kbira tal-konstatazzjonijiet (aktar minn 60 % tal-konstatazzjonijiet kollha tal-awditjar minn 22 awtorità nazzjonali kompetenti fil-bażi tad-data tas-CEAOB):
-it-tweġibiet tal-awditur għar-riskji vvalutati (ISA 330);
-evidenza għall-awditjar (ISA 500);
-l-awditjar tal-istimi kontabilistiċi, inklużi l-istimi ta’ kontabilità abbażi tal-valur ġust, u d-divulgazzjonijiet relatati (ISA 540);
-l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali permezz tal-fehim tal-entità u l-ambjent tagħha (ISA 315); kif ukoll
-kunsiderazzjonijiet speċjali — awditi tar-rapporti finanzjarji tal-grupp, inkluż ix-xogħol tal-awdituri komponenti (ISA 600).
Il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti daħħlu fis-seħħ miżuri ta’ mitigazzjoni u rimedji biex jindirizzaw il-konstatazzjonijiet identifikati. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-korpi ta’ sorveljanza tal-awditjar ma rrapportawx li qed tiġi applikata xi sanzjoni b’riżultat tal-konstatazzjonijiet u lanqas ma rraportaw xi riskju sistemiku. B’mod ġenerali, il-konstatazzjonijiet u s-sanzjonijiet ma japplikawx għall-istess perjodu ta’ rapportar (l-investigazzjoni u l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet jieħdu ftit ta-żmien).
Terz tal-Istati Membri ma pprovdew l-ebda informazzjoni fir-rigward ta’ konstatazzjonijiet rikorrenti (jiġifieri l-istess konstatazzjonijiet identifikati fl-istess ditti tal-awditjar f’ċikli ta’ spezzjoni preċedenti) jew iddikjaraw li ma kienx hemm.
L-aktar oqsma komuni rrapportati għall-mitigazzjoni u l-analiżi tar-riskju kienu:
·l-etika u l-indipendenza;
·il-valutazzjoni tar-riskju u l-eżami tal-kontroll tal-kwalità tal-inkarigu;
·l-analiżi tas-sistema ta’ kontroll intern u l-eżami tal-kontroll tal-kwalità tal-inkarigu; kif ukoll
·il-kejl tal-valur ġust u l-proċeduri ta’ frodi.
Il-pjanijiet ta’ azzjoni ta’ rimedju u l‑analiżi tal-kawżi ewlenin huma fost l‑aktar miżuri komuni ta’ segwitu. Mhux il-konstatazzjonijiet kollha se jeħtieġu sanzjonijiet u 60 % tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti qalu li ma kienu imponew l-ebda sanzjoni. Xi korpi ta’ sorveljanza tal-awditjar għamlu rakkomandazzjonijiet lid-ditti tal-awditjar, bi skadenzi għall-implimentazzjoni.
Għad hemm differenzi fil-livell u fil-kejl tar-riskju sistemiku. Il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma identifikaw l-ebda riskju sistemiku. Erba’ minnhom irrapportaw nuqqasijiet sistemiċi fil-livell nazzjonali, iżda indikaw li l-konstatazzjonijiet ma setgħux, flimkien, iwasslu biex ditta tal-awditjar tagħlaq. L-analiżi tas-CEAOB irrappurtat li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiddjalogaw mad-ditti tal-awditjar u jinterpellawhom permezz tal-interazzjoni f’kulleġġi regolatorji u laqgħat fis-sessjonijiet plenarji tas-Sottogrupp dwar l-Ispezzjonijiet.
2.4.Prestazzjoni tal-kumitati tal-awditjar
Id-data disponibbli ma tippermettix valutazzjoni ġenerali tal-prestazzjoni tal-kumitati tal-awditjar, minħabba l-approċċi differenti għall-monitoraġġ tal-kumitati tal-awditjar madwar l-Istati Membri u l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-informazzjoni hija bbażata fuq l-awtovalutazzjoni tal-kumitati tal-awditjar. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għamlu progress fil-ġbir tal-informazzjoni u fit-twaqqif ta’ relazzjoni mal-kumitati tal-awditjar.
L-Artikolu 39 tad-Direttiva dwar l-Awditjar jeżiġi li l-kumpaniji jistabbilixxu kumitati tal-awditjar (li minnhom hemm madwar 6400) u l-Artikolu 27(1)(c) tar-Regolament jeżiġi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jimmonitorjaw il-prestazzjoni tal-kumitati tal-awditjar. Il-kumitati tal-awditjar huma kkostitwiti l-aktar bħala kumitat awtonomu jew kumitat ta’ korp superviżorju/amministrattiv u għandhom rwol ċentrali fil-mudell ta’ governanza korporattiva, b’mod partikolari għal entitajiet ta' interess pubbliku kbar. Huma jinteraġixxu ma’ diversi atturi, internament (eż. korpi maniġerjali, superviżorji/amministrattivi) u esternament (eż. awdituri esterni, azzjonisti u regolaturi).
Il-korpi ta’ sorveljanza kisbu informazzjoni mill-kumitati tal-awditjar permezz ta’ toroq varji. Pereżempju, kwestjonarju mmirat tas-CEAOB intbagħat lil kampjun ta’ kumitati tal-awditjar madwar l-Istati Membri. Madankollu, peress li dan involva l-awtovalutazzjoni tal-kumitati tal-awditjar, għandu limitazzjonijiet fl-interpretazzjoni tad-data.
Il-kumitati tal-awditjar huma soġġetti għal sorveljanza mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’21 Stat Membru.
Il-leġiżlazzjoni tal-UE ma tispeċifikax il-kompiti ta’ sorveljanza tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-konfront tal-kumitati tal-awditjar. Hemm varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri fir-rigward ta’ liema awtorità hija responsabbli għas-superviżjoni ta’ dawn il-kumitati u l-interazzjoni magħhom. Ħafna drabi, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jaqsmu r-responsabbiltà mal-awtorità superviżorja finanzjarja nazzjonali.
L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jinvolvu ruħhom b’modi differenti mal-kumitati tal-awditjar fil-ġurisdizzjoni tagħhom. Il-biċċa l-kbira jagħmlu dan prinċipalment permezz ta’ stħarriġ/kwestjonarji, djalogi u sessjonijiet ta’ ħidma, webinars u konferenzi.
Il-kwestjonarju tas-CEAOB wera li hemm bżonn isir aktar monitoraġġ tal-interazzjonijiet tal-kumitati tal-awditjar mal-awdituri esterni, tal-organizzazzjoni tal-proċessi tal-offerti, tal-approvazzjoni tal-forniment ta’ servizzi mhux tal-awditjar permessi, u tar-reġistrazzjoni tat-tariffi mħallsa.
Ir-rispons jindika konformità mar-rekwiżiti ewlenin għall-kompożizzjoni u l-ħiliet tal-kumitati tal-awditjar, l-indipendenza u l-interazzjoni tagħhom mal-korp amministrattiv/superviżorju, u s-sorveljanza tal-funzjoni tal-awditjar.
Madankollu, ir-riżultati juru li l-proċess tal-għażla għal offerti tal-awditjar huwa diffiċli għall-kumitati tal-awditjar – it-tweġibiet dwar dan is-suġġett jindikaw nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni tal-awditjar jew nuqqas ta’ fehim dwar kif għandha tiġi applikata.
Il-proċess tal-għażla tal-awditur
Il-kumitati tal-awditjar huma responsabbli għall-proċedura tal-għażla tal-awdituri statutorji. Madwar 87 % attwalment iddikjaraw li għamlu dan, filwaqt li 75% tal-entitajiet ta' interess pubbliku li ħarġu offerti stiednu minn żewġ sa seba’ ditti tal-awditjar. Minkejja li l-Artikolu 16(2) tar-Regolament jeżiġi li tal-inqas żewġ ditti jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-proċess tal-offerti, 16 % stiednu lil ditta waħda biss biex tipparteċipa fil-proċess ta’ s-sejħa għall-offerti.
Barra minn hekk, hemm korrelazzjoni bejn l-għadd ta’ ditti tal-awditjar mistiedna biex jipparteċipaw f’offerta u l-għadd li finalment ippreżentaw offerta. Madwar 55 % tal-kumitati tal-awditjar irrapportaw li żewġ awdituri statutorji jew tlieta (ditti tal-awditjar) ġeneralment ippreżentaw offerta wara l-proċess ta’ sejħa għall-offerti. Madankollu, analiżi tat-tweġibiet uriet li 19 % tal-kumitati tal-awditjar rċevew offerta kredibbli waħda biss.
Nofs il-kumitati tal-awditjar qalu li l-proċess tal-offerti jippermetti l-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-għażla ta’ ditti li, fis-sena kalendarja preċedenti, jkunu rċevew inqas minn 15 % tat-tariffi totali tagħhom mill-entitajiet ta' interess pubbliku fl-Istat Membru. Dawn il-kumitati tal-awditjar jistgħu ma jifhmux kompletament, jew jistgħu ma jkunux qed japplikaw, l-Artikolu 16(3) tar-Regolament.
Interazzjoni mal-awditur estern
Il-kumitati tal-awditjar huma responsabbli għar-rieżami tal-indipendenza tad-ditta tal-awditjar u l-kwalità tal-awditjar, inkluża l-approvazzjoni ta’ servizzi mhux tal-awditjar permessi, is-sejħa għall-offerti u l-għażla tal-awditur estern. Madwar nofshom ikkonfermaw li l-awditur statutorju (jew membru tan-network tiegħu) ippreżenta offerta għall-forniment ta’ servizzi mhux tal-awditjar permessi; 80 % qalu li ma kinux eżaminaw talbiet għall-forniment ta’ servizzi mhux tal-awditjar skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament; 4 % ma mmonitorjawx it-tariffi mħallsa lill-awditur statutorju.
3.Konklużjonijiet
Dan ir-rapport jiddeskrivi l-iżviluppi fis-suq għall-forniment tal-awditi statutorji ta’ entitajiet ta' interess pubbliku bejn l-2015 u l-2018. Dawn jagħtu xi indikazzjonijiet preliminari dwar l-effetti tar-riforma tal-awditjar u jindikaw oqsma possibbli għal valutazzjoni ulterjuri. Jenħtieġ li tali valutazzjoni tqis l-iskandli reċenti li kienu jinvolvu entitajiet korporattivi ta’ profil għoli madwar l-UE (eż. Carillion, Thomas Cook u Wirecard), li jistgħu jipperikolaw ir-reputazzjoni tal-professjoni tal-awditjar u l-fiduċja tal-investituri.
Il-konstatazzjonijiet ewlenin ta’ dan ir-rapport huma kif ġej:
1)Konċentrazzjoni għolja persistenti, peress li l-Big Four għadhom jiddominaw is-suq tal-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta' interess pubbliku fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri
Id-dominanza tal-Big Four fil-maġġoranza tal-Istati Membri, flimkien mal-proporzjon għoli ta’ dħul minn xogħol mhux tal-awditjar, jistgħu jaffettwaw l-indipendenza tagħhom, il-livell tat-tariffi tal-awditjar u l-kwalità tal-awditjar. Ir-riskju huwa aggravat mill-miżuri ta’ rimedju biex jittaffew il-kunflitti ta’ interess tad-ditti tal-awditjar fir-rigward tal-entitajiet ta' interess pubbliku (eż. rekwiżit ta’ rotazzjoni, servizzi mhux tal-awditjar ipprojbiti, limitu massimu fuq servizzi mhux tal-awditjar permessi, eċċ.), li jistgħu jkomplu jirrestrinġu l-għażla tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjar ta’ entitajiet ta' interess pubbliku fis-suq.
Il-Kummissjoni għalhekk se tagħti attenzjoni partikolari għall-monitoraġġ, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u s-CEAOB, ta’ kif ir-regoli l-ġodda qed jinfluwenzaw il-kompetizzjoni fis-suq għall-awditi ta’ entitajiet ta' interess pubbliku. Barra minn hekk, se tivvaluta kif l-opzjonijiet skont ir-Regolament jaffettwaw is-swieq nazzjonali u l-kundizzjonijiet ekwi tal-UE.
L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma mħeġġa jagħlqu l-lakuni fid-data (eż. dwar id-dħul iġġenerat mis-servizzi mhux tal-awditjar, eċċ.) biex itejbu l-monitoraġġ tal-iżviluppi tas-suq u l-analiżi tal-konċentrazzjoni.
2)Il-valutazzjoni tan-nuqqasijiet fil-kwalità għadha diffiċli
Il-kwistjonijiet ta’ kwalità li jirriżultaw l-aktar ta’ spiss fil-livell tal-UE għadhom:
·in-nuqqasijiet fis-sistemi interni ta’ kontroll tal-kwalità tad-ditti tal-awditjar;
·in-nuqqas ta’ monitoraġġ jew monitoraġġ mhux xieraq ta’ entitajiet b’riskju għoli awditjati; kif ukoll
·in-nuqqas ta’ evidenza għall-awditjar u dokumentazzjoni tal-awditjar.
Sabiex titjieb il-kwalità tal-valutazzjonijiet, dan jista’ jgħin biex tissaħħaħ il-konverġenza għall-industrija tal-awditjar fl-UE fir-rigward tat-tipi ta’ azzjoni superviżorja, il-miżuri ta’ segwitu rimedjali u s-sanzjonijiet imposti.
Wara dawn il-konstatazzjonijiet, il-Kummissjoni se tevalwa l-leġiżlazzjoni tal-awditjar tal-UE u se tivvaluta l-modi possibbli biex ittejjeb il-konsistenza tal-arranġamenti tal-garanzija tal-kwalità u tal-investigazzjoni u tas-sanzjonijiet madwar l-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll il-ħtieġa li r-rapporti ta’ spezzjoni (inkluża deskrizzjoni tax-xogħol li jkun sar bħala parti mill-ispezzjoni) isiru aktar aċċessibbli għall-pubbliku, jew tal-anqas għall-kumitati tal-awditjar. Dan jista’ jinvolvi li r-rapporti jiġu diġitalizzati jew ittaggjati aktar biex jiġi ffaċilitat l-aċċess.
Il-kategorizzazzjoni predefinita tal-konstatazzjonijiet użati għall-indikaturi tal-garanzija tal-kwalità fit-tieni rapport tejbet il-valutazzjoni tad-data li pprovdew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Madankollu, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jagħmlu aktar biex:
·jiggarantixxu konverġenza fl-interpretazzjoni tal-konstatazzjonijiet u tal-kategoriji;
·jidentifikaw indikaturi effettivi tal-kwalità biex jitjieb il-kejl tal-kwalità tal-awditjar; kif ukoll
·itejbu l-evalwazzjoni u l-interpretazzjoni tar-riskju sistemiku.
Ir-rapport jikkonferma li l-istess kwistjonijiet jitfaċċaw ripetutament u għalhekk jidhru li huma strutturali. Il-Kummissjoni se tikkoordina mas-CEAOB biex tidentifika miżuri għat-titjib tas-sitwazzjoni.
3)Approċċi differenti għall-monitoraġġ madwar l-UE huma problematiċi għall-valutazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-prestazzjoni tal-kumitati tal-awditjar
Il-biċċa l-kbira tas-superviżuri tal-awditjar ħadmu mal-kumitati tal-awditjar fil-ġuriżdizzjoni tagħhom. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tejbu l-għarfien tagħhom tal-ħidma tal-kumitati tal-awditjar, speċjalment permezz tal-kwestjonarju tas-CEAOB, li kien ibbażat fuq l-awtovalutazzjoni. Madankollu, dan ipprovda biss għarfien limitat dwar il-prestazzjoni tal-kumitati tal-awditjar.
Il-Kummissjoni se tivvaluta modi possibbli biex ittejjeb il-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jissorveljaw il-kumitati tal-awditjar. Se tanalizza wkoll kif jista’ jissaħħaħ ir-rwol indipendenti tal-kumitati tal-awditjar fil-proċess tal-għażla u s-sorveljanza tal-awditur. Diġa qed taħdem mas-CEAOB biex tiffaċilita d-djalogu bejn il-kumitati tal-awditjar u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b’mod partikolari permezz ta’ seminars jew konferenzi. Se tevalwa kif tista’ tiġi ffaċilitata aktar din l-interazzjoni.
Sabiex tiġi ffaċilitata valutazzjoni aktar dettaljata tal-funzjonament u l-effettività tal-kumitati tal-awditjar, huwa rakkomandat li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkomunikaw aktar mal-kumitati tal-awditjar fil-livell nazzjonali u jiżviluppaw il-fehim tagħhom ta’ kif il-kumitati tal-awditjar joperaw u jieħdu d-deċiżjonijiet.
Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja x’qed jiġri fis-suq. Xi awtoritajiet nazzjonali kompetenti qed iniedu studji u analiżijiet fis-swieq tal-awditjar nazzjonali tagħhom biex jiġbru aktar informazzjoni dwar dgħufijiet possibbli fis-suq. Peress li xi wħud mill-kwistjonijiet identifikati fir-rapport jistgħu jkunu ta’ rilevanza għall-każ ta’ Wirecard, il-Kummissjoni se tiddiskuti mas-CEAOB liema lezzjonijiet jeħtieġ li jittieħdu fid-dawl ta’ dan il-każ.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nediet studju biex tivvaluta l-effetti tal-leġiżlazzjoni tal-awditjar tal-UE fuq is-suq tal-awditjar statutorju. Ir-riżultati tal-istudju u ta’ dan ir-rapport se jikkontribwixxu għal evalwazzjoni tal-qafas tal-awditjar tal-UE, biex tiġi analizzata l-effettività tiegħu fit-titjib tat-trasparenza, il-kwalità tal-awditjar u l-kompetizzjoni fis-suq tal-awditjar, b’mod partikolari għall-entitajiet ta' interess pubbliku. L-evalwazzjoni se teżamina wkoll l-effetti tal-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID‑19 fuq is-settur tal-awditjar.