15.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/29

tal-14 ta’ Jannar 2020

dwar in-nonapprovazzjoni tat-tannini tal-friegħi tal-Vitis vinifera bħala sustanza bażika skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23(5) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni mingħand Biomolécules et Biotechnologies Végétales (BBV) EA2106 u l-Institut Technique de l’Agriculture Biologique (ITAB) għall-approvazzjoni tat-tannini tal-friegħi tal-Vitis vinifera bħala sustanza bażika. Dik l-applikazzjoni kellha magħha l-informazzjoni meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(2)

Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) għall-għajnuna xjentifika. Fit-2 ta’ Mejju 2018, l-Awtorità ppreżentat lill-Kummissjoni b’rapport tekniku dwar it-tannini tal-friegħi tal-Vitis vinifera (2). Fl-24 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta’ reviżjoni (3) u l-abbozz ta’ dan ir-Regolament dwar in-nonapprovazzjoni tat-tannini tal-friegħi tal-Vitis vinifera lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, u ffinalizzathom għal-laqgħa ta’ dak il-Kumitat fit-22 ta’ Ottubru 2019.

(3)

Id-dokumentazzjoni ppreżentata mill-applikanti ma turix li t-tannini tal-friegħi tal-Vitis vinifera jissodisfaw il-kriterji ta’ oġġett tal-ikel kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(4)

Madankollu fir-rapport tekniku tal-Awtorità ġew identifikati tħassibiet speċifiċi dwar it-tannini tal-friegħi tal-Vitis vinifera. L-ebda valutazzjoni tossikoloġika ma kienet disponibbli għat-tannini tal-friegħi tal-Vitis vinifera li jintużaw bħala prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, speċjalment fir-rigward tal-protezzjoni tat-tfal. Dan japplika għall-istima tal-valutazzjoni tar-riskju tal-esponiment mhux djetetiku, b’mod partikolari l-persuni fil-qrib u r-residenti. Barra minn hekk, ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni biex issir valutazzjoni tar-riskju ambjentali għas-sustanza.

(5)

Ma saret disponibbli ebda evalwazzjoni, imwettqa skont il-leġiżlazzjoni l-oħra tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikanti jressqu l-kummenti tagħhom dwar ir-rapport tekniku tal-Awtorità u dwar l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni. L-applikanti ma ppreżentawx kummenti.

(7)

B’riżultat ta’ dan, kif stipulat fir-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni, ma ġiex stabbilit li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati. Huwa għalhekk xieraq li t-tannini tal-friegħi tal-Vitis vinifera ma jiġux approvati bħala sustanza bażika.

(8)

Dan ir-Regolament ma jippreġudikax is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni oħra għall-approvazzjoni tat-tannini tal-friegħi tal-Vitis vinifera bħala sustanza bażika skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tannini tal-friegħi tal-Vitis vinifera mhumiex approvati bħala sustanza bażika.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Jannar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  EFSA (European Food Safety Authority), 2017. Technical report on the outcome of the consultation with Member States and EFSA on the basic substance application for Vitis vinifera cane tannins for use in plant protection as protectant and repellent. EFSA supporting publication 2018:EN-1414. 46 pp. doi:

10.2903/sp.efsa.2018.EN-1414.

(3)  https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/public/?event=activesubstance.selection&language=MT.

(4)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).