European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2035

18.11.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2035

tal-11 ta’ Settembru 2026

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-paraffini klorurati b’katina medja

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1021 jimplimenta l-impenji tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti (2) (“il-Konvenzjoni”) u skont il-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Twila fuq Pollutanti Organiċi Persistenti (3) (“il-Protokoll”).

(2)

L-Anness A tal-Konvenzjoni fih lista ta’ sustanzi kimiċi. Kull Parti għall-Konvenzjoni hija meħtieġa tipprojbixxi s-sustanzi kimiċi fil-lista jew tieħu l-miżuri legali u amministrattivi meħtieġa biex telimina l-produzzjoni, l-użu, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tagħhom.

(3)

Waqt it-12-il laqgħa tagħha li saret bejn it-28 ta’ April u d-9 ta’ Mejju 2025, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni, skont l-Artikolu 8(9) tal-Konvenzjoni, iddeċidiet li temenda l-Anness A tal-Konvenzjoni biex tinkludi l-paraffini klorurati b’katina medja f’dak l-Anness b’eżenzjonijiet speċifiċi. L-Unjoni appoġġat l-inklużjoni tal-paraffini klorurati b’katina medja fl-Anness A b’eżenzjonijiet speċifiċi kif deċiż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/868 (4).

(4)

Il-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021, li fiha lista tas-sustanzi elenkati fil-Konvenzjoni u fil-Protokoll, kif ukoll is-sustanzi li hemm elenkati biss fil-Konvenzjoni, jenħtieġ għalhekk li tiġi emendata wkoll biex tinkludi l-paraffini klorurati b’katina medja.

(5)

Fl-2023, il-Kumitati għall-Istima tar-Riskji (RAC) u għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC) (il-“kumitati”) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi adottaw l-opinjonijiet tagħhom (5) dwar dossier ta’ restrizzjoni mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għal paraffini klorurati b’katina medja skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Kemm l-RAC kif ukoll l-SEAC appoġġaw restrizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq ta’ paraffini klorurati b’katina medja. L-SEAC appoġġa deroga dwar it-tqegħid fis-suq għall-użu fil-fluwidi għax-xogħol tal-metall. Dik id-deroga hija inkluża fil-lista ta’ eżenzjonijiet speċifiċi mogħtija skont il-Konvenzjoni bid-Deċiżjoni SC-12/10 tal-Konferenza tal-Partijiet (“Deċiżjoni SC-12/10”) u jenħtieġ li tingħata bħala eżenzjoni wkoll skont ir-Regolament (UE) 2019/1021 peress li għadha meħtieġa fl-Unjoni. Din tikkonċerna l-użu ta’ paraffini klorurati b’katina medja bħala addittivi ta’ pressjoni estrema fil-fluwidi għax-xogħol tal-metall użati f’operazzjonijiet ta’ xogħol tal-metall “heavy-duty” li huma limitati għal ambjenti professjonali jew industrijali.

(6)

Il-Konvenzjoni tinkludi eżenzjonijiet speċifiċi għall-użu tal-paraffini klorurati b’katina medja li ma humiex rakkomandati fl-opinjonijiet tal-kumitati. Dawk l-eżenzjonijiet jinkludu xi użi fis-setturi ajruspazjali u tad-difiża, jiġifieri (adeżivi u siġillanti, tejp użat għal irbit mhux strutturali, kisi u żebgħa intumexxenti għat-tagħmir spazjali u tad-difiża u għall-imballaġġ tiegħu, kisi u żebgħa għat-tiswija ta’ tagħmir spazjali u tad-difiża, u għall-użu fil-parts tal-bdil għal dan it-tagħmir). Dawn jinkludu wkoll użi oħrajn fis-settur tad-difiża, jiġifieri żebgħat u kisjiet għall-munizzjon u għall-immarkar tal-munizzjon kif ukoll apparati pirotekniċi tad-difiża użati fil-munizzjoni. It-tali użi ma kinux magħrufin meta ġew adottati l-opinjonijiet tal-kumitati. Meta jitqies il-perjodu ta’ żmien twil meħtieġ biex tkun tista’ ssir l-identifikazzjoni ta’ alternattivi għall-paraffini klorurati b’katina medja u għas-sostituzzjoni tat-tali sustanzi għal dawk l-użi fis-setturi ajruspazjali u tad-difiża li huma regolati ħafna, jenħtieġ li l-eżenzjonijiet jiġu inklużi fir-Regolament (UE) 2019/1021.

(7)

Il-Konvenzjoni tinkludi wkoll eżenzjonijiet speċifiċi għall-użu ta’ paraffini klorurati b’katina medja fis-settur mediku u għall-ispare parts li ma humiex irrakkomandati fl-opinjonijiet tal-kumitati. Dawk l-eżenzjonijiet jinkludu l-użu fil-wajers u fil-kejbils f’apparati mediċi u f’apparati dijanjostiċi in vitro. Jinkludu wkoll użi fi spare parts għal (i) vetturi motorizzati għall-użu fuq l-art u makkinarju użat fl-agrikoltura, fil-kostruzzjoni, fil-forestrija u fil-landscaping, (ii) tagħmir elettriku u elettroniku għall-apparati mediċi u għall-apparati dijanjostiċi in vitro, u strumenti għall-kejl, għall-analiżi, għall-manifattura, għall-kontroll, għall-monitoraġġ, għall-ittestjar u għall-ispezzjoni u (iii) applikazzjonijiet ajruspazjali u tad-difiża, u t-tiswija tagħhom. Meta jitqies il-volum limitat ta’ paraffini klorurati b’katina medja użati f’apparati mediċi u f’apparati dijanjostiċi in vitro, fl-ispare parts u għat-tiswija tal-oġġetti u meta titqies l-importanza li tiġi evitata l-obsolexxenza prematura tat-tali oġġetti, jenħtieġ li l-eżenzjonijiet jiġu inklużi fir-Regolament (UE) 2019/1021.

(8)

Il-Konvenzjoni tinkludi wkoll eżenzjonijiet speċifiċi addizzjonali għall-użu ta’ paraffini klorurati b’katina medja f’setturi oħrajn. F’xi każijiet, huwa meħtieġ perjodu tranżitorju ta’ sentejn għat-tranżizzjoni lejn l-alternattivi. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi inkluża eżenzjoni speċifika għal durata ta’ sentejn għall-użu ta’ paraffini klorurati b’katina medja fil-klorur tal-polivinil flessibbli fil-wajers u fil-kejbils għas-settur tal-kostruzzjoni, fis-siġillanti tal-polisulfur u fil-fowm tal-poliuretan b’komponent uniku użat fl-aġenti għall-issiġillar tal-bibien u tat-twieqi, u f’kisi reżistenti għall-ilma u f’kisi għal kontra l-korrużjoni. Sabiex jiġi ffaċilitat ir-riċiklaġġ ta’ fowm b’komponent uniku, l-eżenzjoni għall-materjal irkuprat li jkun fih paraffini klorurati b’katina medja użati fl-aġenti għall-issiġillar tal-bibien u tat-twieqi jenħtieġ li tkun valida għal 5 snin.

(9)

Id-durata massima tal-eżenzjonijiet jenħtieġ li tkun ta’ 5 snin, bil-possibbiltà li tiġi estiża għal perjodu addizzjonali ta’ 5 snin, f’konformità mal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-eżenzjoni għaż-żebgħat u għall-kisjiet għall-munizzjon u għall-immarkar tal-munizzjon, li għalihom huwa mistenni li se jkunu meħtieġa aktar minn 5 snin biex titlesta s-sostituzzjoni. Il-Kummissjoni se tirrieżamina l-ħtieġa ta’ estensjoni tal-eżenzjoni speċifika biex tħejji għall-Konferenza tal-Partijiet li mistennija ssir f’Mejju 2031, ladarba estensjoni potenzjali tal-eżenzjonijiet speċifiċi għall-użu tal-paraffini klorurati b’katina medja skont il-Konvenzjoni se jkollha tiġi deċiża waqt dik il-Konferenza tal-Partijiet.

(10)

L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2019/1021 jipprojbixxi l-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ sustanzi elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament kemm jekk waħedhom, f’taħlitiet jew f’oġġetti. F’dan ir-rigward, l-oġġetti li fihom il-paraffini klorurati b’katina medja u li huma prodotti jew imqiegħda fis-suq skont eżenzjoni stabbilita fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament u li kienu diġà qegħdin jintużaw fid-data ta’ skadenza tal-eżenzjoni rilevanti, huma permessi li jibqgħu jintużaw wara dik id-data.

(11)

Barra minn hekk, f’konformità mad-Deċiżjoni SC-12/10, l-eżenzjoni li tkopri t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ paraffini klorurati b’katina medja f’polimeri u f’lastiku għall-finijiet ta’ spare parts għal (i) vetturi motorizzati għall-użu fuq l-art u makkinarju użat fl-agrikoltura, fil-kostruzzjoni, fil-forestrija u, (ii) applikazzjonijiet ajruspazjali, spazjali u tad-difiża, (iii) tagħmir elettriku u elettroniku użat għall-apparati mediċi u għall-apparati dijanjostiċi in vitro u għal ċerti strumenti jenħtieġ li jingħataw sa tmiem il-ħajja operattiva tal-prodotti rilevanti jew sal-31 ta’ Diċembru 2041, skont liema jiġi l-ewwel. Il-ħajja operattiva tal-prodotti f’uħud minn dawk l-applikazzjonijiet tista’ tmur lil hinn mill-2041. It-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ispare parts għat-tali applikazzjonijiet, preżenti fit-territorju tal-Unjoni qabel jew fid-data tal-iskadenza tal-eżenzjoni rilevanti, jenħtieġ għalhekk li jkunu permessi anke wara dik id-data.

(12)

Id-Deċiżjoni SC-12/10 tistabbilixxi li l-Partijiet li rreġistraw għal eżenzjoni speċifika għall-użu ta’ paraffini klorurati b’katina medja għal fluwidi għax-xogħol tal-metall f’ambjenti professjonali jew industrijali b’sistemi ta’ ġbir u fil-kisi u fiż-żebgħa għat-tiswija ta’ parts tal-bdil u l-użu tagħhom f’tagħmir spazjali u tad-difiża, iridu jieħdu miżuri għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-ħaddiema kollha, dak ir-rekwiżit jenħtieġ li jiġi estiż għall-eżenzjonijiet kollha mogħtija f’dan ir-Regolament. Barra minn hekk, peress li l-eżenzjonijiet mogħtija jistgħu jwasslu għall-emissjonijiet ta’ paraffini klorurati b’katina medja u f’konformità mal-objettiv tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2019/1021 biex jiġu minimizzati l-emissjonijiet ta’ pollutanti organiċi persistenti, jenħtieġ li jiġi introdott rekwiżit biex jiġu minimizzati l-emissjonijiet fl-ambjent mill-użi eżentati kollha.

(13)

Id-Deċiżjoni SC-12/10 tħeġġeġ lill-Partijiet biex jesiġu li l-manifatturi tal-paraffini klorurati fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom jiżvelaw informazzjoni lill-utenti downstream dwar il-preżenza ta’ ċerti kloroalkani lineari C14-17 fil-prodotti tagħhom. Fl-Unjoni, jenħtieġ li t-tali rekwiżit jiġi introdott għall-manifatturi, għall-fornituri u għall-importaturi tal-paraffini klorurati li jenħtieġ li jkunu meħtieġa jipprovdu lill-utenti downstream l-informazzjoni mitluba fl-Iskeda ta’ Data ta’ Sigurtà msemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(14)

Sabiex jissaħħu l-applikazzjoni u l-infurzar tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2019/1021 fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġi stabbilit valur ta’ limitu ġenerali għall-paraffini klorurati b’katina medja li jokkorru bħala kontaminant f’ammonti traċċa mhux intenzjonat fis-sustanzi, fit-taħlitiet u fl-oġġetti.

(15)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit valur ta’ limitu speċifiku għall-kontaminant f’ammonti traċċa mhux intenzjonat għal perjodu ta’ sentejn għall-paraffini klorurati b’katina medja f’materjal irkuprat mir-riċiklaġġ tal-kejbils u f’oġġetti prodotti b’dak il-materjal, biex ir-riċiklaturi jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw u jiksbu preżenza aktar baxxa ta’ paraffini klorurati b’katina medja jew biex isibu destinazzjoni differenti għal materjal li ma jikkonformax mal-valur ta’ limitu ġenerali għall-paraffini klorurati b’katina medja li jokkorru bħala kontaminant f’ammonti traċċa mhux intenzjonat. Sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-paraffini klorurati b’katina medja, u sabiex jitnaqqas l-esponiment tal-bniedem għalihom, l-użu ta’ materjal irkuprat mir-riċiklaġġ tal-kejbils jenħtieġ li jkun limitat għall-għamara tat-toroq u għall-blokok li jirfdu r-reċinti.

(16)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1021 jiġi emendat kif xieraq,

(17)

Sabiex l-emenda tal-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 tapplika fl-istess ħin tad-dħul fis-seħħ tal-emenda tal-Konvenzjoni għall-Unjoni, jenħtieġ li d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi ddifferita,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-16 ta’ Diċembru 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Settembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1021/oj.

(2)   ĠU L 209, 31.7.2006, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/2006/507/oj.

(3)   ĠU L 81, 19.3.2004, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2004/259/oj.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/868 tat-23 ta’ April 2025 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes fir-rigward tat-talbiet għall-estensjoni ta’ eżenzjonijiet speċifiċi u tal-proposti għall-emendar tal-Anness A ta’ dik il-Konvenzjoni (ĠU L, 2025/868, 12.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/868/oj).

(5)   3de158a7-8ab9-ba32-be7f-0125bb0174d3.

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1907/oj).


ANNESS

Fl-Anness I, il-Parti A, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1021, tiżdied l-entrata li ġejja:

Sustanza

Nru CAS

Nru KE

Eżenzjoni speċifika fuq użu intermedju jew speċifikazzjoni oħra

“Paraffini klorurati b’katina medja (MCCPs)

“Paraffini klorurati b’katina medja” jew “MCCPs” tfisser dan li ġej:

Sustanzi jew taħlitiet li jkun fihom xi wieħed mill-kloroalkani lineari C14–C17 tal-formuli molekulari li ġejjin:

 

C14H(30 – y)Cly fejn y ≥ 5;

 

C15H(32 – y)Cly fejn y ≥ 5;

 

C16H(34 – y)Cly fejn y ≥ 6;

 

C17H(36 – y)Cly fejn y ≥ 6.

[1] 85535-85-9

[2] 198840-65-2

[3] 1372804-76-6

u oħrajn

[1] 287-477-0

[2] -

[3] -

u oħrajn

1.

Għall-finijiet ta’ din l-entrata, l-Artikolu 4(1), il-punt (b), għandu japplika għas-somma tal-konċentrazzjonijiet tal-kloroalkani lineari C14–C17 tal-formuli molekulari li ġejjin:

 

C14H(30 – y)Cly fejn y ≥ 5;

 

C15H(32 – y)Cly fejn y ≥ 5;

 

C16H(34 – y)Cly fejn y ≥ 6;

 

C17H(36 – y)Cly fejn y ≥ 6

ekwivalenti għal 1 000  mg/kg (0,1 % skont il-piż) jew inqas, meta jkunu preżenti fis-sustanzi, fit-taħlitiet jew fl-oġġetti.

2.

B’deroga mill-punt 1, għall-finijiet ta’ din l-entrata, l-Artikolu 4(1), il-punt (b), għandu japplika għas-somma tal-konċentrazzjonijiet tal-kloroalkani lineari C14–C17 tal-formuli molekulari li ġejjin:

 

C14H(30 – y)Cly fejn y ≥ 5;

 

C15H(32 – y)Cly fejn y ≥ 5;

 

C16H(34 – y)Cly fejn y ≥ 6;

 

C17H(36 – y)Cly fejn y ≥ 6

ekwivalenti għal 20 000  mg/kg jew inqas (2 % skont il-piż) fejn:

—

ikunu preżenti f’materjal irkuprat mir-riċiklaġġ tal-kejbils jew f’oġġetti prodotti b’tali materjal, u

—

il-materjal jew l-oġġetti li jkunu preżenti fihom jintużaw fl-għamara tat-toroq jew fi blokok li jirfdu r-reċinti.

Dan il-valur ta’ limitu għandu japplika sas-16 ta’ Diċembru 2028.

3.

Il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-MCCPs għandhom ikunu permessi b’deroga għall-finijiet li ġejjin:

(a)

addittiv ta’ pressjoni estrema fil-fluwidi għax-xogħol tal-metall li jintużaw f’ambjenti professjonali jew industrijali f’operazzjonijiet tax-xogħol tal-metall “heavy-duty” u li għalihom hemm fis-seħħ sistemi tal-ġbir, sal-31 ta’ Diċembru 2036;

(b)

polimeri u lasktu li jintużaw fl-ispare parts għal dawn li ġejjin u fit-tiswija tagħhom:

(i)

vetturi motorizzati għall-użu fuq l-art;

(ii)

makkinarju użat fl-agrikoltura; fil-kostruzzjoni, fil-forestrija jew fil-landscaping, inkluż il-ġardinaġġ;

(iii)

tagħmir elettriku u elettroniku għall-apparati mediċi u aċċessorji għall-apparati mediċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/745;

(iv)

tagħmir elettriku u elettroniku għall-apparati mediċi dijanjostiċi in vitro u l-aċċessorji għall-apparati mediċi dijanjostiċi in vitro fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/746;

(v)

strumenti għall-kejl, l-analiżi, il-manifattura, il-kontroll, il-monitoraġġ, l-ittestjar u l-ispezzjoni

(vi)

applikazzjonijiet ajruspazjali u tad-difiża;

li għall-produzzjoni tagħhom għall-bidu kienu jintużaw l-MCCPs, sa tmiem il-ħajja operattiva tagħhom jew sal-31 ta’ Diċembru 2041, skont liema data tiġi l-ewwel;

(c)

klorur tal-polivinil flessibbli:

(i)

fil-wajers u l-kejbils fis-settur tal-kostruzzjoni, sas-16 ta’ Diċembru 2028;

(ii)

fil-wajers u l-kejbils fl-apparati mediċi u l-aċċessorji għall-apparati mediċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/745 u fl-apparati mediċi dijanjostiċi in vitro u l-aċċessorji għall-apparati mediċi dijanjostiċi in vitro fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/746, sas-16 ta’ Diċembru 2031;

(d)

adeżivi u siġillanti, limitati għal dawn li ġejjin:

(i)

siġillant tal-polisulfur u fowm tal-poliuretan b’komponent uniku użati għall-issiġillar tal-bibien u tat-twieqi, sas-16 ta’ Diċembru 2028;

(ii)

fowm tal-poliuretan b’komponent uniku, li fih materjal irkuprat li fih l-MCCPs, jew li huwa magħmul minnu, użat għall-issiġillar tal-bibien u tat-twieqi, dment li l-landa tal-fowm ikollha tikketta li tindika l-preżenza tal-materjal irkuprat, sas-16 ta’ Diċembru 2031;

(iii)

kisjiet reżistenti għall-ilma u kisi għal kontra l-korrużjoni, sas-16 ta’ Diċembru 2028;

(iv)

applikazzjonijiet ajruspazjali u tad-difiża, sas-16 ta’ Diċembru 2031;

(e)

tejp użat għall-irbit mhux strutturali għall-applikazzjonijiet ajruspazjali u tad-difiża, sas-16 ta’ Diċembru 2031;

(f)

żebgħat u kisjiet għall-munizzjoni u għall-immarkar tal-munizzjon, sas-16 ta’ Diċembru 2031;

(g)

apparati pirotekniċi tad-difiża użati fil-munizzjoni għall-ksib ta’ effetti speċifiċi, sal-31 ta’ Diċembru 2041;

(h)

kisi u żebgħa intumexxenti għat-tagħmir spazjali u tad-difiża u għall-imballaġġ tiegħu għall-protezzjoni kontra t-temperaturi estremi, sal-31 ta’ Diċembru 2041;

(i)

kisi u ż-żebgħa għat-tiswija ta’ tagħmir spazjali u tad-difiża, u għall-użu fl-ispare parts għalih, fejn inizjalment l-MCCPs kienu jintużaw fil-produzzjoni ta’ dak it-tagħmir, sa tmiem il-ħajja operattiva tat-tagħmir.

4.

Ir-rilaxxi tal-MCCPs fl-ambjent għandhom jiġu evitati matul il-manifattura u l-użu industrijali u professjonali tal-MCCPs koperti minn eżenzjoni stabbilita fil-punt 3, u jekk dan ma jkunx possibbli, għandhom jitnaqqsu għall-iktar livell baxx possibbli. L-esponiment tal-ħaddiema għandu jixxejjen f’konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE (*1).

5.

L-oġġetti li jkun fihom l-MCCPs u li jkunu diġà qed jintużaw fl-Unjoni qabel id-data tal-iskadenza tal-eżenzjoni rilevanti stabbilita fil-paragrafu 3(b) sa (h), jew fiha, jistgħu jibqgħu jintużaw.

6.

It-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ispare parts li jkun fihom l-MCCPs imsemmija fil-paragrafu 3(b) u li jkunu preżenti fit-territorju tal-Unjoni qabel l-1 ta’ Jannar 2042 għandhom ikunu permessi.

7.

Il-manifatturi, il-fornituri u l-importaturi tal-paraffini klorurati li jqiegħdu fis-suq sustanzi jew taħlitiet li jkun fihom il-kloroalkani msemmija fil-punt 1 għandhom jipprovdu, fl-Iskeda ta’ Data ta’ Sigurtà msemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, informazzjoni dwar:

(a)

is-somma tal-konċentrazzjonijiet tal-kloroalkani elenkati fil-paragrafu 1, jekk preżenti;

(b)

meta s-somma msemmija fil-punt (a) tkun ogħla minn 0,1 % skont il-piż, il-miżuri xierqa tal-ġestjoni tar-riskju u l-kundizzjonijiet operattivi għat-tixjin tar-rilaxxi u l-esponiment.

8.

Il-manifatturi, il-fornituri u l-importaturi tal-paraffini klorurati għandhom jiddeterminaw is-somma msemmija fil-punt 7(a) bl-użu ta’ lottijiet rappreżentattivi ta’ paraffini klorurati manifatturati f’konformità mal-istess speċifikazzjonijiet tekniċi mill-istess manifattur. Il-livell għandu jiġi ddeterminat bl-użu ta’ metodi analitiċi vvalidati. Deskrizzjoni tal-metodi analitiċi użati, u r-riżultati miksuba biex tinkiseb is-somma msemmija fil-punt 7(a) għandhom jiġu pprovduti lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom.”.

(*1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta’ April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol. (ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/24/2024-04-08).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/2035/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)