Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 507 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Irlanda tal-2020 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Irlanda tal-2020


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Irlanda tal-2020 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Irlanda tal-2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir, li tat bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lill-Irlanda bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro.

(2)Ir-rapport speċifiku għall-Irlanda 3 tal-2020 ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Dan ir-rapport jivvaluta l-progress tal-Irlanda biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 4 , is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Irlanda lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha wkoll ġew ippubblikati fis-26 ta’ Frar 2020. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha għall-konklużjoni li l-Irlanda għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. L-iżbilanċi huma relatati, b’mod partikolari, ma’ stokks sinifikanti ta’ dejn pubbliku, dejn privat u obbligazzjonijiet esterni netti.

(3)Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Din hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Qed tpoġġi s-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija b’mod li tfixkel il-katini ta’ provvista dinjija, tikkawża volatilità fis-swieq finanzjarji, tagħti skossi fid-domanda tal-konsumatur u jkollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qed thedded l-impjiegi tan-nies, id-dħul tagħhom u n-negozju tal-kumpaniji. Hija tat xokk ekonomiku kbir li diġà qed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni 5 li tappella għal rispons ekonomiku kkoordinat għall-kriżi, li tinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

(4)Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew introduċew miżuri ta’ emerġenza. Jenħtieġ li kwalunkwe miżura ta’ emerġenza tkun strettament proporzjonata, meħtieġa, limitata fiż-żmien, u f’konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Jenħtieġ li dawn ikunu soġġetti għal sorveljanza demokratika u għal stħarriġ ġudizzjarju indipendenti.

(5)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 6 . Il-klawżola, kif stipulata fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkondividiet mal-Kunsill il-fehma tagħha li, minħabba t-tnaqqis serju mistenni fir-ritmu ekonomiku li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti għal tluq temporanju mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ żmiem medju, dment li dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, b’rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan jippermetti li l-Istati Membri jitbiegħdu mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li jippermettu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iwettqu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika meħtieġa fil-qafas tal-Patt.

(6)It-tkomplija tal-azzjoni hija meħtieġa biex tiġi limitata u kkontrollata l-firxa tal-pandemija, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi u jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati ta’ saħħa u sikurezza fil-post tax-xogħol bl-għan li titkompla l-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex jerġgħu lura għal funzjonament normali tas-soċjetajiet u tal-ekonomiji tagħna u għal tkabbir sostenibbli, billi jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u jieħdu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.

(7)Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-flessibbiltà li s-suq uniku joffri biex jadatta għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida u bla xkiel għall-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-ħaddiema, malli ma jibqgħux indispensabbli jridu jitneħħew il-miżuri eċċezzjonali li jipprevjenu s-suq uniku milli jiffunzjona b’mod normali. Il-kriżi attwali wriet il-ħtieġa għal pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa, li jinkludu b’mod partikolari strateġiji ta’ xiri mtejba, ktajjen tal-provvista diversifikati u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali. Dawn huma elementi ewlenin għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ ta’ tħejjija għall-kriżijiet.

(8)Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi 7 rilevanti biex jippermetti lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi mhux użati kollha mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri simplifikati. Sabiex jittaffew il-pressjonijiet ta’ flussi tal-flus, l-Istati Membri jistgħu jgawdu wkoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. L-Irlanda hija mħeġġa tagħmel użu sħiħ minn dawk il-possibbiltajiet biex tgħin lill-individwi u lis-setturi l-aktar milquta mill-isfidi.

(9)Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija x’aktarx li jkunu mqassma b’mod mhux uniformi madwar ir-reġjuni minħabba xejriet differenti ta’ speċjalizzazzjoni. Dan jinvolvi riskju sostanzjali li jiżdiedu d-distakki reġjonali fl-Irlanda. Flimkien mar-riskju ta’ żarmar temporanju tal-proċess ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri, is-sitwazzjoni attwali titlob risponsi ta’ politika mmirati.

(10)Fil-21 ta’ April 2020, l-Irlanda ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2020 u, fit-30 ta’ April 2020, il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2020. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien.

(11)L-Irlanda bħalissa tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola tad-dejn.

(12)Fil-programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2020, il-Gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn surplus ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit ta’ 7,4 % tal-PDG fl-2020. Id-defiċit huwa previst li jonqos għal 4,1 % tal-PDG fl-2021. Wara li naqas għal 58,8 % tal-PDG fl-2019, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 69,1 % fl-2020 skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Il-prospetti makroekonomiċi u fiskali huma milquta minn inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

(13)B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ koordinat tal-Unjoni, l-Irlanda adottat miżuri baġitarji biex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tipprovdi għajnuna lil dawk l-individwi u s-setturi li ntlaqtu b’mod partikolari. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, dawn il-miżuri baġitarji kienu jammontaw għal 2,0 % tal-PDG. Il-miżuri jinkludu l-impjiegi u l-benefiċċji għall-qgħad għal perjodu ta’ 12-il ġimgħa (madwar 1,4 % tal-PDG) u nfiq addizzjonali biex tiżdied il-kapaċità u l-aċċessibbiltà tas-sistema tal-kura tas-saħħa (madwar 0,6 % tal-PDG). Barra minn hekk, l-Irlanda ħabbret miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju immedjat, se jikkontribwixxu biex jappoġġaw il-likwidità għan-negozji, li l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 jistma li se jkun madwar 0,3 % tal-PDG. Dawn il-miżuri jinkludu garanziji ta’ kreditu u diversi skemi ta’ self, is-sospensjoni ta’ interessi u penali għal ċerti pagamenti tard minn min iħaddem, is-sospensjoni ta’ attività ta’ infurzar ta’ dejn u l-ħlas ta’ waqfiet ta’ pagament sa tliet xhur fuq self ta’ negozju. Fit-2 ta’ Mejju 2020, il-Gvern ħabbar pakkett ġdid ta’ miżuri ta’ dejn u ta’ appoġġ għall-ekwità għan-negozji, li jammonta għal madwar 2 % tal-PDG, li ma ddaħħlux fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 jew fit-tbassir tal-Kummissjoni. B’mod ġenerali, il-miżuri meħuda mill-Irlanda huma konformi mal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar rispons ekonomiku kkoordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn il-miżuri, segwita mill-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, se tikkontribwixxi għall-ippreservar tas-sostenibbiltà fiskali fiż-żmien medju.

(14)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-Rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni skont is-suppożizzjoni ta’ politiki mhux mibdula, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tal-Irlanda huwa mbassar li jkun ta’ -5,6 % tal-PDG fl-2020 u ta’ -2,9 % fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa mbassar li se jilħaq 66,4 % tal-PDG fl-2020 u 66,7 % fl-2021.

(15)Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba l-ksur ippjanat tal-Irlanda tal-limitu massimu tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG fl-2020. B’mod ġenerali, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 mhux sodisfat.

(16)Il-pandemija tal-COVID-19 laqtet l-Irlanda b’mod qawwi fl-ewwel nofs tal-2020, u poġġiet is-sistema tas-saħħa taħt pressjoni estrema. L-Irlanda introduċiet miżuri urġenti biex issaħħaħ is-sistema tas-saħħa, kif ukoll miżuri ta’ konteniment, biex titnaqqas il-pandemija, li naqqsu sew l-attività ekonomika f’ċerti setturi. Barra minn hekk, il-Gvern introduċa firxa wiesgħa ta’ miżuri ekonomiċi biex jittaffew il-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19 kemm jista’ jkun. Dawn kienu jinkludu skema ta’ sussidju tal-pagi biex jipproteġu l-impjiegi, il-pagamenti tal-benefiċċji soċjali, il-projbizzjonijiet temporanji fuq iż-żidiet u l-iżgumbramenti tal-kera, kif ukoll miżuri ta’ likwidità u ta’ appoġġ ta’ kreditu għad-ditti. Għalkemm dawn il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu x-xokk ekonomiku tal-pandemija, ir-riskju ta’ telf sinifikanti fil-produzzjoni, il-fallimenti u l-insolvenzi, u ż-żieda fil-qgħad u l-persuni fir-riskju tal-faqar, għadhom għoljin.

(17)Qabel il-pandemija tal-COVID-19, l-isptarijiet kienu diġà qed jaħdmu qrib il-kapaċità sħiħa u r-rata ta’ okkupazzjoni tas-sodod għall-kura akuta hija fost l-ogħla fil-pajjiżi tal-OECD. Dan kien prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ aċċess universali għall-kura primarja u dipendenza sinifikanti fuq il-kura fl-isptar. L-isfidi rigward ir-reklutaġġ u ż-żamma kienu wasslu għal nuqqasijiet fil-forza tax-xogħol tal-infermiera f’ċerti reġjuni u sptarijiet. Il-kura fid-dar fit-tul ma ngħatatx u kienet nieqsa minn intitolament statutorju, b’politiki li jinċentivaw l-użu tal-kura istituzzjonali. Il-COVID-19 poġġiet pressjoni bla preċedent fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa. Ġew stabbiliti miżuri ta’ emerġenza f’waqthom biex tiżdied il-kapaċità tal-isptar u biex jiġu pprovduti servizzi temporanji u universali ta’ kura tas-saħħa. Madankollu, fiż-żmien medju, l-Irlanda għad trid tindirizza l-effiċjenza, il-flessibbiltà, ir-reżiljenza u l-aċċessibbiltà strutturali limitati tas-sistema tal-kura tas-saħħa tagħha. Ir-riforma ambizzjuża ta’ Sláintecare tippjana li tikseb riżultati f’sistema tas-saħħa li tkun aċċessibbli b’mod universali u li tkun sostenibbli. Madankollu, il-pjanijiet għall-implimentazzjoni tagħha għadhom vagi. Id-definizzjoni ta’ stadji importanti u skadenzi ċari u qafas ta’ monitoraġġ sod jista’ jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni f’waqtha ta’ kopertura universali. L-implimentazzjoni tar-riformi tal-kura fit-tul, fosthom modi ġodda ta’ ħidma fil-komunità permezz ta’ appoġġ għall-kura fid-dar u r-riorganizzazzjoni tar-riżorsi tal-infermiera, jistgħu jirrikjedu rendikont tal-faċilitajiet eżistenti, projezzjonijiet għal tkabbir futur fid-domanda, u analiżi proporzjonata ta’ “distakk”, segwita minn pjan għat-twassil.

(18)Skont l-aħħar tbassir tal-Kummissjoni, il-qgħad huwa mistenni li jiżdied għal 7,4 % fl-2020 u jonqos bi ftit għal 7 % fl-2021. Il-Gvern għamel użu sinifikanti mill-politika ta’ appoġġ għad-dħul u l-impjiegi biex iwieġeb għall-pandemija, b’mod partikolari skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, li jenħtieġ li jkomplu jiġu implimentati u mtejba malajr. L-għadd relattivament għoli ta’ nies li jgħixu f’unitajiet domestiċi b’intensità baxxa ta’ xogħol jitlob li jsiru aktar sforzi biex jitrawmu strateġiji ta’ attivazzjoni individwalizzati. L-isfidi li qed tiffaċċja l-Irlanda fir-rigward tal-kwalità u tal-appoġġ għall-faqar u għall-impjiegi, inkluż għal persuni b’diżabilità, għadhom hemm u x’aktarx se jiġu aggravati mill-pandemija. F’kooperazzjoni mas-sħab soċjali, il-kuntest attwali jappella biex jitkomplew l-isforzi ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet li qed jinbidlu tas-suq tax-xogħol u biex titħejja t-tranżizzjoni tal-forza tax-xogħol għall-klima, l-enerġija u l-ekonomija ċirkolari. Nuqqasijiet ta’ ħiliet ġew identifikati fis-settur tad-djar, iżda oħrajn huma mistennija li jitfaċċaw hekk kif it-transizzjoni tkompli tevolvi. Fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, huwa essenzjali li jiġi żgurat li d-diġitalizzazzjoni tal-edukazzjoni u tax-xogħol ma żżidx l-inugwaljanzi soċjali u edukattivi.

(19)Il-Gvern implimenta diversi miżuri biex jappoġġa l-provvista tad-djar, li kkontribwew għal żieda fit-tlestijiet annwali ta’ akkomodazzjoni bi kważi 40 % fis-sentejn sa Settembru 2019. Flimkien ma’ għodod makroprudenzjali effettivi, dan jidher li għen biex titrażżan l-inflazzjoni tal-prezzijiet tad-djar. Madankollu, it-tlestijiet tad-djar għadhom ma jlaħħqux mad-domanda. L-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni hija problema għal ħafna unitajiet domestiċi u l-inflazzjoni fis-settur tal-kiri għadha għolja b’mod persistenti. Infrastruttura mtejba, flimkien ma’ ppjanar spazjali, tista’ tkun faċilitatur kritiku għat-titjib tal-provvista tad-djar. Barra minn hekk, is-soluzzjoni ta’ nuqqasijiet amministrattivi fl-imposta fil-post vakanti tista’ fl-aħħar mill-aħħar tgħin biex ittejjeb l-affordabbiltà tad-djar fi żmien medju. In-nuqqasijiet fil-provvista tad-djar soċjali għadhom sfida sinifikanti biex titrawwem l-inklużjoni, anki għal dawk l-aktar vulnerabbli. Il-miżuri ta’ politika reċenti aċċelleraw il-provvista ta’ akkomodazzjoni soċjali, iżda kien għad hemm madwar 68 700 unità domestika f’listi ta’ stennija ta’ akkomodazzjoni soċjali fl-Irlanda f’Diċembru 2019. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu koperti l-ħtiġijiet tal-unitajiet domestiċi li jifdal fuq il-lista ta’ stennija attwali u ta’ applikanti ġodda potenzjali. Mill-madwar 10 000 persuna mingħajr dar irreġistrati fl-Irlanda, 3 500 minnhom huma tfal. Dan iqajjem tħassib dwar ir-riskji potenzjali ta’ inugwaljanzi, faqar u esklużjoni soċjali approfonditi. Il-ġenituri waħedhom bit-tfal huma fost il-gruppi l-aktar milquta mill-problema ta’ persuni mingħajr dar. Jippersistu distakki reġjonali u urbani sostanzjali, fejn 69 % tal-adulti mingħajr dar kollha huma kkonċentrati fiż-żona tal-madwar ta’ Dublin.

(20)Is-sistema bankarja domestika hija sors importanti ta’ likwidità għal ditti Irlandiżi. Aċċess f’waqtu għal self jista’ jkun ta’ sfida għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u dawk mingħajr kollateral jew relazzjoni eżistenti mal-mutwanti. Barra minn hekk, l-aċċess tal-SMEs għas-self bankarju sa dan l-aħħar kien imxekkel minn rati ta’ interess għoljin. L-awtoritajiet Irlandiżi u l-banek introduċew għadd ta’ miżuri biex itaffu d-diffikultajiet finanzjarji li jħabbtu wiċċhom magħhom in-negozji u l-unitajiet domestiċi. Huwa importanti li dawn il-miżuri jipprovdu l-likwidità meħtieġa u jrawwmu soluzzjonijiet ta’ ristrutturar sostenibbli għal dawk li jissellfu li d-diffikultajiet finanzjarji tagħhom huma marbuta strettament mat-tifqigħa, u li għalhekk huma mistennija jirritornaw għall-vijabbiltà wara perjodu ta’ tranżizzjoni. Approċċ bilanċjat bħal dan biss jista’ jgħin lin-negozji u lill-familji jegħlbu l-isfidi temporanji mingħajr ma jixxeklu l-profittabbiltà (diġà dgħajfa) u l-progress naxxenti li għamlet l-Irlanda f’dawn l-aħħar snin fit-titjib tal-istabbiltà finanzjarja tas-settur bankarju tagħha. Fil-proċess tat-tfassil u tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, jenħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju.

(21)Biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti ta’ investiment pubbliku maturi jiġu ffinanzjati b’mod aktar qawwi fil-bidu, u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. Il-bidu mill-ġdid tal-ekonomija jenħtieġ li l-Irlanda tavvanza fuq l-investimenti ambizzjużi tagħha fl-ambjent, il-klima, l-enerġija u l-infrastruttura. Sa issa, l-Irlanda għadha lura biex tindirizza d-dekarbonizzazzjoni. L-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fit-trasport u fil-bini huma għoljin u baqgħu f’xejra li qed tiżdied. L-Irlanda mhijiex se tilħaq il-miri tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli għall-2020. L-Irlanda tiddependi fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u hija fost l-Istati Membri bl-ogħla prezzijiet għall-elettriku, li jista’ jkollu impatt negattiv kemm fuq l-ambjent kif ukoll fuq il-kompetittività tan-negozju. It-trasformazzjoni tal-Irlanda ekonomija newtrali għall-klima se teħtieġ investiment privat u pubbliku mdaqqas fuq perjodu ta’ żmien sostnut fl-enerġija rinnovabbli, fl-infrastruttura tal-elettriku, fl-effiċjenza enerġetika u fit-trasport sostenibbli, fost oħrajn. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Klima jikkostitwixxi inizjattiva kredibbli biex treġġa’ lura t-trajettorja tal-emissjonijiet. Se tkun meħtieġa implimentazzjoni effettiva u sostnuta tal-politiki u l-miżuri tagħha biex l-ambizzjoni twassal għal riżultati konkreti. L-ipprogrammar tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lill-Irlanda tittratta xi wħud mill-isfidi li toffri t-tranżizzjoni lejn ekonomija li tkun newtrali fejn tidħol il-klima, b’mod partikolari fil-qasam kopert mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż. Dan jippermetti lill-Irlanda tagħmel l-aħjar użu minn dak il-fond.

(22)L-isforzi tal-Irlanda biex tnaqqas id-distakk fil-produttività bejn is-setturi barranin u dawk domestiċi tagħha għadhom kajmana. L-appoġġ dirett permezz ta’ Fond ta’ Innovazzjoni għal Teknoloġija Fixkiela għal kooperazzjoni bejn ditti u ċentri pubbliċi ta’ riċerka, pereżempju permezz ta’ proġetti kollaborattivi bejn l-industrija - inklużi l-SMEs - u l-korpi ta’ riċerka huwa milqugħ. Għalkemm l-Irlanda tipprovdi ammont relattivament għoli ta’ appoġġ pubbliku lill-kumpaniji, dan l-appoġġ qed jiġi implimentat permezz ta’ skema ta’ kreditu għar-riċerka u l-iżvilupp, li għanda t-tendenza li tiffavorixxi ditti barranin akbar u għandha effett limitat fuq it-titjib tal-produttività tad-ditti lokali Irlandiżi. Il-qafas għall-Irlanda ta’ Impjiegi Futuri jidentifika miżuri ewlenin li jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet tal-ekonomija domestika, speċjalment l-inizjattivi biex tissaħħaħ il-produttività tad-ditti domestiċi, b’mod partikolari l-SMEs. Huwa importanti li dawn il-miżuri jiġu implimentati b’mod effettiv. Il-kriżi enfasizzat ukoll il-ħtiġijiet ta’ diġitalizzazzjoni tal-SMEs, relatati b’mod partikolari ma’ soluzzjonijiet ta’ xogħol mill-bogħod, it-taħriġ tal-ħaddiema u s-sigurtà ċibernetika. L-infrastruttura diġitali hija essenzjali biex tingħata spinta lill-produttività tal-SMEs u tiġi promossa l-intraprenditorija. Il-broadband ultraveloċi huwa disponibbli biss għal 5 % tal-bini rurali, ferm anqas mill-medja tal-UE ta’ 29 %, u l-Irlanda hija wkoll waħda mill-pajjiżi l-aktar għaljin tal-UE għal broadband fiss. Billi l-kuntratt ġie ffirmat għal investiment pubbliku kbir skont il-Pjan Nazzjonali tal-Broadband biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-infrastruttura, huwa għalhekk importanti li jsir monitoraġġ mill-qrib u tiġi żgurata l-implimentazzjoni f’waqtha tal-introduzzjoni tan-network tal-broadband ultraveloċi appoġġat pubblikament, speċjalment f’żoni rurali.

(23)L-indirizzar tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa huwa essenzjali biex jittejbu l-effiċjenza u l-ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa, kif rikonoxxut fir-rakkomandazzjoni taż-Żona tal-Euro għall-2020. L-effetti sekondarji tal-istrateġiji ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa mill-kontribwenti bejn l-Istati Membri jirrikjedu azzjoni kkoordinata ta’ politiki nazzjonali biex jikkomplementaw il-leġislazzjoni tal-Unjoni. L-Irlanda ħadet passi biex tindirizza l-prattiki ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa billi implimentat inizjattivi internazzjonali u Ewropej li kienet bi qbil magħhom u ħadet xi miżuri addizzjonali fil-livell nazzjonali. Madankollu, il-livell għoli ta’ royalties u pagamenti tal-imgħax bħala perċentwal tal-PDG jissuġġerixxi li r-regoli tat-taxxa tal-Irlanda huma użati minn kumpaniji li jinvolvu ruħhom f’ippjanar aggressiv tat-taxxa, u l-effettività tal-miżuri nazzjonali se jkollha tiġi vvalutata. It-twessigħ tal-bażi għat-taxxa jagħmel id-dħul aktar reżiljenti għaċ-ċaqliq ekonomiku u x-xokkijiet idjosinkratiċi u jsaħħaħ il-funzjonament tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. Il-konċentrazzjoni għolja ta’ taxxi korporattivi, bl-ogħla 10 ditti li jirrappreżentaw 45 % tat-taxxi korporattivi, il-volatilità u n-natura tranżitorja tagħhom, flimkien mas-sehem li qed jiżdied tagħhom fit-total tad-dħul mit-taxxa (rekord ta’ 18,7 % fl-2018) jissottolinjaw ir-riskji li wieħed jistrieħ b’mod eċċessiv fuq dan id-dħul għall-finanzjament ta’ nefqa kurrenti permanenti.

(24)Minkejja l-isforzi biex issaħħaħ il-qafas tagħha kontra l-ħasil tal-flus, l-Irlanda għadha qed tiffaċċja riskji minħabba l-ekonomija tagħha li hija orjentata internazzjonalment, li tinvolvi dħul sinifikanti ta’ investimenti diretti barranin, u l-preżenza ta’ strutturi legali kumplessi ma’ sponsors barranin. Il-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali qed tiġi riveduta biex tirrifletti aħjar l-esponiment għar-riskju reali tal-professjonisti involuti fil-forniment tas-servizzi għall-kumpaniji u għat-trusts. Fehim inadegwat ta’ skopertura għar-riskju minn dawn il-professjonisti jirriżulta f’rapportar baxx ta’ tranżazzjonijiet suspettużi. L-intensità tas-superviżjoni mhijiex adegwata biex tirrimedja dawn il-kwistjonijiet u ma tistrieħx fuq approċċ ibbażat fuq ir-riskju, u dan ifixkel l-effikaċja tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus. Ġie stabbilit reġistru nazzjonali ta’ sidien benefiċjarji għad-ditti, li jillimita s-segretezza u jidentifika s-sidien benefiċjarji. Il-kwalità tal-informazzjoni pprovduta u l-effikaċja tar-reġistru jenħtieġ li jiġu mmonitorjati matul iż-żmien.

(25)Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet attwali jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 adottati mill-Kunsill fit-9 ta’ Lulju 2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu ttratati l-isfidi strutturali fi żmien medju sa dak twil. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu mmonitorjati matul iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan japplika wkoll għal rakkomandazzjonijiet rigward politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar jenħtieġ li jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u l-istrateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi attwali.

(26)Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. L-Istati Membri evalwaw il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDG) tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom. Billi tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt, l-Irlanda tikkontribwixxi għall-progress fl-SDG u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.

(27)Il-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja hija kruċjali biex jinkiseb irkupru rapidu mill-impatt ekonomiku tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Irlanda, bħala Stat Membru li l-munita tagħha hija l-euro – u b’kunsiderazzjoni tal-gwida politika mill-Grupp tal-Euro – tiżgura li l-politiki tagħha jibqgħu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet taż-Żona tal-Euro u kkoordinati ma’ dawk tal-Istati Membri l-oħra taż-Żona tal-Euro.

(28)Skont is-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Irlanda u ppubblikatha fir-rapport għall-pajjiż tal-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Irlanda fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Irlanda imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(29)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-opinjoni 8 tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(30)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet preżenti jqisu l-ħtiġijiet li tiġi indirizzata l-pandemija u jiġi ffaċilitat l-irkupru ekonomiku bħala l-ewwel pass meħtieġ biex ikun jista’ jsir aġġustament tal-iżbilanċi. Ir-rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw direttament l-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (4),

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Irlanda tieħu azzjoni fl-2020 u fl-2021 biex:

1.F’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, isssegwi politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u tiżgura s-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Ittejjeb l-aċċessibbiltà tas-sistema tas-saħħa u ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha, inkluż billi twieġeb għall-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa u tiżgura kopertura universali għall-kura primarja.

2.Tappoġġa l-impjieg permezz tal-iżvilupp ta’ ħiliet. Tindirizza r-riskju ta’ distakk diġitali, inkluż fis-settur tal-edukazzjoni. Iżżid il-provvista ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli.

3.Tkompli tipprovdi appoġġ lill-kumpaniji, b’mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u medji, speċjalment permezz ta’ miżuri li jiżguraw il-likwidità tagħhom. Tiffinanzja fil-bidu tal-perjodu tagħhom proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u tippromwovi l-investiment privat biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku. L-investiment jiffoka fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq il-produzzjoni nadifa u effiċjenti u l-użu tal-enerġija, it-trasport pubbliku sostenibbli, il-provvista u t-trattament tal-ilma, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-infrastruttura diġitali.

4.Twessa’ l-bażi għat-taxxa. Tieħu aktar azzjoni biex tindirizza karatteristiċi tas-sistema tat-taxxa li jiffaċilitaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, inkluż fuq pagamenti ’l barra. Tiżgura superviżjoni u infurzar effettivi tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus f’dak li għandu x’jaqsam ma’ professjonisti li jipprovdu servizzi ta’ trust u ta’ kumpaniji.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    SWD(2020) 506 final.
(4)    ĠU C 301, 5.9.2019, p. 117.
(5)    COM(2020) 112 final.
(6)    COM(2020) 123 final.
(7)

   Ir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewopew u tal Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID‐19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Reazzjoni għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5) u r-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).

(8)    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.