Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-Kawża C‑521/13 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fis-27 ta’ Settembru 2013,
Think Schuhwerk GmbH, stabbilita f’Kopfing (l-Awstrija), irrappreżentata minn M. Gail, avukat,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,
konvenut fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn C. G. Fernlund, President tal-Awla, A. Ó Caoimh u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-avukat ġenerali, li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
1. Permezz tal-appell tagħha, Think Schuhwerk GmbH (iktar ’il quddiem “Think Schuhwerk”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Think Schuhwerk vs UASI (Trufijiet ħomor tal-lazzijiet taż-żraben) (T‑208/12, EU:T:2013:376, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tat-23 ta’ Frar 2012 (Każ R 1552/2011-1), dwar applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal li huwa kkostitwit minn trufijiet ħomor tal-lazzijiet taż-żraben bħala trade mark Komunitarja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
Il-kuntest ġuridiku
2. L-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut”, jipprovdi:
“Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:
[...]
b) trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv.”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
3. Fl-10 ta’ Mejju 2010, Think Schuhwerk ressqet quddiem l-UASI applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.
4. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal li ġej.
>image>5
5. Fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, it-trade mark inkwistjoni hija deskritta bil-mod li ġej: “Il-protezzjoni qed tintalab għal żraben bil-lazzijiet li għandhom ponot ħomor fit-trufijiet tal-lazzijiet”.
6. Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 25 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu mad-deskrizzjoni segwenti: “Żraben, b’mod partikolari lazzijiet”.
7. Permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2011, l-eżaminatur irrifjuta r-reġistrazzjoni għall-prodotti kollha, minħabba li t-trade mark inkwistjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.
8. Fis-26 ta’ Lulju 2011, Think Schuhwerk ressqet appell quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.
9. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”) ċaħad l-appell. Huwa qies li l-użu ta’ trufijiet ħomor tal-lazzijiet ma jipproduċix impressjoni li tiddiferixxi b’mod qawwi mill-mudell abitwali ta’ żraben bil-lazzijiet, li l-konsumatur jipperċepixxi biss varjant ieħor tad-disinn taż-żarbun u li għaldaqstant ma jipperċepixxix it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti. Huwa kkonkluda li din it-trade mark ma kellhiex il-minimu neċessarju ta’ karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
10. Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Mejju 2012, Think Schuhwerk bdiet kawża fejn talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija invokat erba’ motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni nett fuq il-ksur tal-Artikolu 76 ta’ dan ir-regolament, it-tielet nett, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament u r-raba’ nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
11. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors.
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
12. Think Schuhwerk titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata;
– tilqa’ r-rikors tagħha tal-ewwel istanza; u
– tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
13. L-UASI jitlob li l-appell jiġi miċħud u li Think Schuhwerk tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
Fuq l-appell
14. Skont l-Artikolu 181 tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha, meta l-appell, ikun, kompletament jew parzjalment, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li tiċħad dan l-appell, kompletament jew parzjalment, permezz ta’ digriet motivat.
15. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata f’dan il-każ.
16. Insostenn tal-appell tagħha, Think Schuhwerk tinvoka erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li naqset milli tikkunsidra li kien hemm nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz tat-tielet u r-raba’ aggravji, hija tinvoka, rispettivament, ksur tal-prinċipju tal-evalwazzjoni ex officio tal-fatti kif ukoll ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ
L-argumenti tal-partijiet
17. Think Schuhwerk issostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tagħha għal smigħ. F’dan ir-rigward, hija osservat li, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, billi l-UASI ma ppreżentax fit-terminu pprovdut osservazzjonijiet fuq ir-rikors, il-Qorti Ġenerali tat terminu lil Think Schuhwerk sabiex din tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tkomplija tal-proċedura għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 122 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Think Schuhwerk talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tilqa’ t-talbiet tagħha. Madankollu, din tal-aħħar la ddeċidiet fis-sentenza appellata fuq il-kontumaċja tal-UASI li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, u lanqas fuq t-talba ta’ Think Schuhwerk sabiex tingħata s-sentenza fil-kontumaċja. Barra dan, Think Schuhwerk targumenta li hija ma kellhiex il-possibbiltà li titlob smigħ bil-għan li tesponi l-pożizzjoni tagħha dwar il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.
18. L-UASI jargumenta li dan l-aggravju huwa manifestament infondat, peress li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex l-obbligu li tispjega lill-partijiet l-iżvolġiment tal-proċedura.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
19. Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 9 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li, permezz ta’ ittra ppreżentata lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ottubru 2012, Think Schuhwerk talbitha sabiex tilqa’ t-talbiet tagħha, skont l-Artikolu 122(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, permezz ta’ dan l-aggravju, Think Schuhwerk essenzjalment tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx f’dan is-sens u ma żammet ebda seduta qabel ma ddeċidiet.
20. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 122(1) ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jipprevedi li, jekk konvenut, li kien debitament notifikat b’rikors, jonqos li jwieġeb għalih fil-forma u fit-termini mogħtija, ir-rikorrent jista’ jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tilqa’ t-talbiet tiegħu. Skont it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, din it-talba għandha tiġi nnotifikata lill-konvenut u l-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura orali fuq din it-talba.
21. L-Artikolu 122(2) tal-imsemmi regolament jippreċiża li qabel ma tagħti s-sentenza fil-każ ta’ kontumaċja, il-Qorti Ġenerali għandha, minn naħa, teżamina l-ammissibbiltà tar-rikors u, min-naħa l-oħra, tivverifika jekk il-formalitajiet ġewx osservati u jekk it-talbiet tar-rikorrent jidhrux fondati.
22. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li jekk il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li għandha biżżejjed informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tagħti sentenza fil-każ ta’ kontumaċja, sakemm l-ammissibbiltà tar-rikors ma toħloq ebda dubju u sakemm il-formalitajiet ġew debitament sodisfatti, hija tipproċedi għall-verifika tal-fondatezza tat-talbiet tar-rikorrenti u tagħti s-sentenza tagħha, mingħajr madankollu ma tkun obbligata li tilqa’ t-talbiet ta’ din tal-aħħar. Barra dan, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 122 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma jipprevedix il-possibbiltà għal parti li tkun talbet li jintlaqgħu t-talbiet tagħha li titlob smigħ u li huwa lanqas ma jipprevedi l-obbligu għall-Qorti Ġenerali li żżomm seduta.
23. Barra minn hekk, huwa stabbilit li Think Schuhwerk ippreżentat l-argument li jikkonċerna d-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali u li huwa fid-dawl tiegħu li din tal-aħħar tat is-sentenza appellata.
24. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-aggravju għandu jitwarrab bħala manifestament infondat.
Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
25. Think Schuhwerk tqis li l-Qorti Ġenerali naqset milli tissanzjona ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Bord tal-Appell. Il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq fatti ġeneralment magħrufa, li jirriżultaw mill-esperjenza prattika tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ta’ konsum ġenerali, bħalma huma ż-żraben, iżda ma spjegax kif it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma kellhiex karattru distintiv. Għalhekk, huwa ma indikax il-fatti li jirriżultaw mill-imsemmija esperjenza prattika u lanqas il-konsegwenzi fuq il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark li jirriżultaw minn dawn il-fatti.
26. L-UASI jsostni li dan l-aggravju huwa manifestament infondat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
27. Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar, li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28. L-appell li, mingħajr lanqas ma jinkludi argumentazzjoni intiża speċifikament sabiex tidentifika l-iżball ta’ liġi li jinsab fis-sentenza appellata, sempliċement jirriproduċi l-motivi u l-argumenti li diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jissodisfax dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, tali appell jikkostitwixxi, fir-realtà, talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, u dan ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, id-Digriet Abbott Laboratories vs UASI, C‑21/12 P, EU:C:2013:23, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29. Barra dan, l-argumenti ta’ appell li ma jikkritikawx is-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali wara talba għal annullament ta’ deċiżjoni, iżda d-deċiżjoni li ntalab l-annullament tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali ma humiex ammissibbli (ara d-Digriet Getty Images vs UASI, C‑70/13 P, EU:C:2013:875, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30. F’dan il-każ, peress li l-argument ta’ Think Schuhwerk ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa dirett kontra d-deċiżjoni kkontestata u intiż għalhekk sabiex jinkiseb eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.
Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-evalwazzjoni ex officio tal-fatti
L-argumenti tal-partijiet
31. Think Schuhwerk issostni li l-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li Bord tal-Appell kiser il-prinċipju tal-evalwazzjoni ex officio tal-fatti. Hija ssostni li, f’dak li jikkonċerna r-raġunijiet assoluti għal rifjut, l-UASI kien obbligat, skont l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009, jeżamina l-fatti ex officio . Madankollu, dan tal-aħħar qies li Think Schuhwerk ma kinitx ipproduċiet il-prova li tistabbilixxi li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kienet ġiet ipperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodott. Think Schuhwerk tippreċiża f’dan ir-rigward li hija kienet ipproduċiet, matul il-proċedimenti quddiem l-UASI, diversi dokumenti, li abbażi tagħhom dan tal-aħħar kellu juri liema huma r-raġunijiet għaliex din it-trade mark ma kellhiex karattru distintiv.
32. L-UASI jsostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-evalwazzjoni ex officio tal-fatti. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, sa fejn Think Schuhwerk tinvoka l-karattru distintiv ta’ sinjal li għalih għamlet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark, hija obbligata li turi li dan is-sinjal għandu l-karattru distintiv meħtieġ.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
33. Għandu jiġi kkonstatat li dan l-aggravju huwa, fir-realtà, indirizzat kontra l-kunsiderazzjonijiet li l-Bord tal-Appell għamel jew naqas li jagħmel fid-deċiżjoni kkontestata, jew b’mod iktar ġenerali mill-UASI, u li ma jidhrux fis-sentenza appellata. Barra dan, Think Schuhwerk ma indikatx b’mod ċar kif il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet il-motiv tagħha bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-evalwazzjoni ex officio tal-fatti.
34. Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 27 sa 29 ta’ dan id-digriet, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.
Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009
L-argumenti tal-partijiet
35. Think Schuhwerk issostni li, billi ma qisitx il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 mill-UASI, hija l-Qorti Ġenerali stess li kisret din id-dispożizzjoni.
36. Hija ssostni, l-ewwel nett, li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 31 sa 33, 37 sa 38 tas-sentenza appellata, dwar is-sinjali li joħolqu fużjoni mal-istess dehra tal-prodotti elenkati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li japplikaw, b’mod partikolari, għat-trade marks tridimensjonali kkostitwiti mid-dehra tal-prodott innifsu jew l-ippakkjar tiegħu, ma huwiex rilevanti f’dan il-każ. Kuntrarjament għal kulur tal-ponta ta’ kalzetta, it-trufijiet tal-lazzijiet taż-żraben ma humiex element indissoċjabbli minn dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha fuq l-imsemmija ġurisprudenza, kienet injorat il-fatt li t-trufijiet ħomor tal-lazzijiet taż-żraben jistgħu jaqdu l-funzjoni ta’ indikazzjoni tal-oriġini tal-prodott. F’dan ir-rigward, Think Schuhwerk tenfasizza li r-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal bħala trade mark saret applikazzjoni għalih ukoll għal ż raben u li hija ma tistax tifhem għal liema raġuni, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet biss fuq il-lazzijiet taż-żraben.
37. Il-ġurisprudenza dwar it-trade marks ta’ pożizzjoni ma tapplikax lanqas, peress li, f’dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll “l-aspett tal-kulur” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li jikkonferma l-indipendenza ta’ din tal-aħħar mill-prodott indikat u, għaldaqstant, il-karattru distintiv tagħha.
38. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, bħall-Bord tal-Appell, applikaw b’mod żbaljat kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv iktar stretti minn dawk applikabbli għat-trade marks verbali jew figurattivi, bi ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
39. It-tieni nett, kemm il-Bord tal-Appell kif ukoll il-Qorti Ġenerali qiesu, b’mod żbaljat, li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, fir-rigward tal-prodotti tal-moda, bħalma huma ż-żraben, ma huwiex għoli.
40. It-tielet nett, Think Schuhwerk issostni li l-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li, sabiex jiġi apprezzat il-karattru distintiv tas-sinjal li saret l-applikazzjoni għalih sabiex jiġi rreġistrat bħala trade mark, ma tantx jimporta li ma jaqbilx b’mod sinjifikattiv mal-istandards jew l-użanzi tas-settur ikkonċernat. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkunsidrat bħala ineffettivi l-argumenti ta’ Think Schuhwerk fir-rigward tas-suq taż-żraben, anki jekk hija qieset li Bord tal-Appell kien korrettament ħa inkunsiderazzjoni dan is-suq fl-analiżi tiegħu. Barra dan, kuntrarjament għall-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 49 tas-sentenza appellata, Think Schuhwerk ippreżentat argumenti li jistabbilixxu li l-kulur ta’ ċerti partijiet tal-lazzijiet ta’ żarbuna huma abitwalment ipperċepiti mill-pubbliku rilevanti, bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodott.
41. Ir-raba’ nett, Think Schuhwerk issostni li l-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-UASI kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi ma ħax inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-reġistrazzjonijiet ta’ trade marks komparabbli għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. F’dan ir-rigward, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, skont liema l-Bord tal-Appell ikkonkluda ġustament li r-reġistrazzjoni hija inkompatibbli mar-Regolament Nru 207/2009, ma hijiex motivata.
42. L-UASI jsostni li l-argumenti marbuta mad-diversità tal-mudelli ta’ żraben u ta’ lazzijiet li jeżistu fis-suq u mal-grad ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti jaqgħu taħt l-evalwazzjoni tal-fatti u għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli. Barra minn hekk, l-argumenti li jikkonċernaw l-injorar tal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huma inammissibbli peress li huma intiżi sabiex jiksbu evalwazzjoni ġdida tal-fatti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
43. L-ewwel nett, għandu jitfakkar li skont Artikoli 256(1) TFUE u 58(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ dritt. Il-Qorti Ġenerali għandha unikament ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u l-provi għalhekk ma tikkostitwixxix, sakemm ma jiġux żnaturati, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Mag Instrument vs UASI, C-136/02 P, EU:C:2004:592, punt 39, u Les Éditions Albert René vs UASI, C-16/06 P, EU:C:2008:739, punt 68).
44. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti ta’ Think Schuhwerk li jirrigwardaw il-kwistjonijiet ta’ jekk it-trufijiet tal-lazzijiet taż-żraben humiex element indissoċjabbli minn dawn tal-aħħar u jekk il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti huwiex għoli, jaqgħu taħt l-evalwazzjoni tal-fatti, li hija rriżervata għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, għandhom jiġu esklużi bħala manifestament inammissibbli.
45. It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, permezz l-ewwel u t-tielet serje ta’ argumenti, Think Schuhwerk tikkontesta, essenzjalment, mhux biss il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali, skont liema t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma għandhiex karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, iżda wkoll ir-rilevanza tal-ġurisprudenza skont liema l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv tagħha bbażat fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni.
46. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq konstatazzjonijiet preliminari, li jinsabu fil-punti 35 u 36 tas-sentenza appellata, skont liema it-trufijiet tal-lazzijiet taż-żraben huma indissoċjabbli minn dawn tal-aħħar u t-trade mark inkwistjoni hija fuża mad-dehra tal-prodott li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, konstatazzjonijiet fattwali lil hinn mill-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.
47. Barra dan, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-karattru distintiv ta’ trade mark skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jkollu tiegħu (sentenza Audi vs UASI, C‑398/08 P, EU:C:2010:29, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
48. Madankollu, skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, l-perċezzjoni tal-konsumatur medju, ma hijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta’ trade mark komposta mid-dehra tal-prodott stess ħlief fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mid-dehra tal-prodotti li hija tirrappreżenta, peress li l-konsumaturi medji ma għandhomx l-abitudni li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew fuq il-forma tal-ippakkjar tagħhom, fin-nuqqas ta’ xi element grafiku jew ta’ kitba u għaldaqstant jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ tali trade mark tridimensjonali milli dak ta’ trade mark verbali jew figurattiva (ara s-sentenza Henkel vs UASI, C‑144/06 P, EU:C:2007:577, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
49. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll b’mod konsistenti li, min-naħa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss trade mark li ma taqbilx b’mod sinjifikattiv mal-istandards jew l-użanzi tas-settur u, minħabba f’hekk, li tkun kapaċi tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha ta’ oriġini, li ma tkunx nieqsa mill-karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u, min-naħa l-oħra, din il-ġurisprudenza, żviluppata fir-rigward tat-trade marks tridimensjonali li jikkonsistu fid-dehra tal-prodott stess, hija valida wkoll meta, it-trade mark li tkun saret l-applikazzjoni għaliha tkun waħda figurattiva kkostitwita mir-rappreżentazzjoni bidimensjonali tal-imsemmi prodott, billi f’każ bħal dan, it-trade mark ma tibqax tikkonsisti biss f’sinjal indipendenti mid-dehra tal-prodott li hija tirrappreżenta (ara s-sentenza Henkel vs UASI, EU:C:2007:577, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
50. Kif jirriżulta mill-punti 32 sa 34 kif ukoll 37 sa 39 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, b’mod preċiż, fakkret u applikat din il-ġurisprudenza f’dan il-każ, biex b’hekk tivvalida d-deċiżjoni kkontestata, u dan mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, peress li kienet ikkonstatat fil-kuntest tal-evalwazzjoni definittiva tagħha — kif ġie mfakkar fil-punt 46 ta’ dan id-digriet — li t-trufijiet tal-lazzijiet taż-żraben huma indissoċjabbli minn dawn tal-aħħar u li t-trade mark inkwistjoni hija fuża mad-dehra tal-prodott imsemmi mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.
51. Konsegwentement, jirriżulta li dan l-argument, skont liema, il-Qorti Ġenerali applikat, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kriterji legali żbaljati, huwa manifestament infondat.
52. It-tieni nett, sa fejn, permezz dan l-argument, Think Schuhwerk tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali skont liema din it-trade mark hija nieqsa minn karattru distintiv, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din il-konklużjoni tirriżulta minn evalwazzjoni ta’ natura fattwali u li Think Schuhwerk ma tinvoka l-ebda żnaturament ta’ fatti jew ta’ provi. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 ta’ dan id-digriet, dan l-argument huwa manifestament inammissibbli.
53. It-tielet nett, fir-rigward tal-argumenti skont liema l-Qorti Ġenerali ma analizzatx il-karattru distintiv tal-imsemmija trade mark fir-rigward ta’ prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha u b’mod żbaljat affermat li Think Schuhwerk ma ppreżentatx argumenti li jistabbilixxu li t-trufijiet tal-lazzijiet kkuluriti huma abitwalment ipperċepiti mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti, għandu jiġi kkonstatat li huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata.
54. Minn naħa, mill-punt 36 tagħha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali fakkret li ż-żraben kienu l-prodotti li għalihom kienet qed issir l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u li l-kelma “prodott”, użata mill-Qorti Ġenerali f’dan il-punt, tirreferi għaż-żraben bil-lazzijiet.
55. Min-naħa l-oħra, huwa minnu li, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali affermat li Think Schuhwerk ma “[...]ipproduċitx provi li jissuġġerixxu li l-għoti ta’ kulur lil ċerti partijiet tal-lazzijiet ta’ żarbuna huwa abitwalment ipperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, mill-qari flimkien tal-punti 46 sa 49 tas-sentenza appellata, li l-punt 49 jikkostitwixxi l-konklużjoni, jirriżulta li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali sempliċiment ikkunsidrat, wara analiżi tal-argument ta’ Think Schuhwerk magħmula fl-imsemmija punti, li l-argumenti u l-provi prodotti minn din tal-aħħar ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Il-Qorti Ġenerali għalhekk, ma affermatx li Think Schuhwerk ma kienet ressqet ebda argument biex jiġi stabbilit l-imsemmi karattru distintiv.
56. Konsegwentement, l-ewwel u t-tielet serje ta’ argumenti ta’ Think Schuhwerk għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondati.
57. It-tielet nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja skont liema, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, jekk l-UASI, fil-kuntest ta’ proċess ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fuq applikazzjonijiet simili, l-imsemmija prinċipji għandhom madankollu jikkonformaw ruħhom mal-osservanza tal-legalità u li, għaldaqstant, hemm bżonn, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u iktar preċiżament, ta’ amministrazzjoni tajba, li l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni tkun stretta u sħiħa u titwettaq f’kull każ konkret, sabiex jiġi evitat li t-trade marks jiġu rreġistrati b’mod illeġittimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punti 74 sa 77).
58. Għaldaqstant, peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni hija kunfliġġenti, fir-rigward tal-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u tal-perċezzjoni tal-partijiet interessati, mar-raġuni tar-rifjut stabbilit fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa seta’, mingħajr ma jwettaq żball ta’ liġi, jiċħad il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-imsemmi prinċipju.
59. L-argument ta’ Think Schuhwerk, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, huwa, għalhekk, manifestament infondat.
60. Barra dan, peress li l-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 29 sa 53 tas-sentenza appellata, il-motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament u għalhekk ċaħdithu b’mod motivat, il-ksur allegat tal-obbligu ta’ motivazzjoni manifestament ma għadux iktar stabbilit.
61. Dan l-aggravju għandu għalhekk, jiġi eskluż bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat.
62. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat.
Fuq l-ispejjeż
63. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Think Schuhwerk tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tordna:
1) L-appell huwa miċħud.
2) Think Schuhwerk GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.