|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3204 |
31.12.2024 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3204
tal-11 ta’ Ottubru 2024
li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-gandoffla tal-għonq qasir u l-paġella ħamra
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 2(2) u 15(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1241 jistabbilixxi miżuri tekniċi reġjonali speċifiċi għall-ilmijiet tal-Unjoni fl-Ilmijiet tal-Majjistral u fl-Ilmijiet tal-Lbiċ. |
|
(2) |
L-Anness VI tar-Regolament (UE) 2019/1241 jipprevedi miżuri tekniċi għall-Ilmijiet tal-Majjistral u l-Anness VII jipprevedihom għall-Ilmijiet tal-Lbiċ. |
|
(3) |
L-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi li l-Istati Membri li jkollhom interess ta’ ġestjoni dirett fil-miżuri ta’ konservazzjoni tal-Unjoni li japplikaw għal reġjun ġeografiku partikolari, jistgħu jippreżentaw rakkomandazzjonijiet konġunti biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dawk il-miżuri. L-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2019/1241 jippermetti lill-Istati Membri b’interess ta’ ġestjoni dirett jissottomettu rakkomandazzjonijiet konġunti bl-iskop tal-adozzjoni ta’ atti delegati li jemendaw, jissupplimentaw, iħassru jew jidderogaw mill-miżuri tekniċi reġjonali stabbiliti fl-Annessi ta’ dak ir-Regolament. |
|
(4) |
Il-Belġju, Spanja, Franza, in-Netherlands u l-Portugall (il-Grupp Reġjonali tal-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Lbiċ) u l-Belġju, Spanja, Franza, l-Irlanda u n-Netherlands (il-Grupp Reġjonali tal-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Majjistral) għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għas-sajd fl-Ilmijiet tal-Lbiċ u tal-Majjistral rispettivament. |
|
(5) |
Fit-8 ta’ Novembru 2020, il-Grupp Reġjonali tal-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Lbiċ ippreżenta rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni li tipproponi daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni (MCRS, minimum conservation reference size) imnaqqas ta’ 32 mm għall-gandoffla tal-għonq qasir, magħrufa wkoll bħala l-gandoffla ta’ Manila, (Venerupis philippinarum) fil-Baċir ta’ Arcachon. |
|
(6) |
Fis-seduta plenarja tat-22–26 ta’ Marzu 2021, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF, Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries) evalwa r-rakkomandazzjoni konġunta u kkonkluda (3) li l-informazzjoni pprovduta ma kinitx tiġġustifika l-MCRS imnaqqas propost. |
|
(7) |
Fi Frar 2023, il-Grupp Reġjonali tal-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Lbiċ ippreżenta aktar informazzjoni dwar il-gandoffla tal-għonq qasir. |
|
(8) |
Fis-seduta plenarja tal-20–24 ta’ Marzu 2023, l-STECF ivvaluta dik l-informazzjoni ulterjuri u kkonkluda (4) li, minħabba li l-MCRS imnaqqas propost ta’ 32 mm huwa akbar mill-istima tad-daqs fl-ewwel maturità (26,7 mm) fil-baċir ta’ Arcachon, l-impatt fuq il-frieħ x’aktarx li jkun minimu. L-STECF ikkonkluda wkoll li filwaqt li frazzjoni akbar tal-popolazzjoni matura se tkun tista’ tinħasad, l-impatt tal-MCRS imnaqqas propost fuq il-popolazzjoni matura x’aktarx li jkun negliġibbli minħabba li, skont l-analiżi disponibbli, l-akbar proporzjon tal-popolazzjoni matura se jibqa’ protett mis-sajd. Barra minn hekk, l-STECF ikkonkluda li kwalunkwe effett fuq l-istatus ta’ konservazzjoni tal-istokk x’aktarx li jkun minuri għall-popolazzjoni sħiħa u li kwalunkwe benefiċċju ta’ konservazzjoni eżistenti fuq il-frieħ li jirriżulta mill-MCRS attwali ta’ 35 mm huwa mistenni li jibqa’ l-istess. Fl-aħħar nett, l-STECF innota li: (i) hemm żewġ riżervi tas-sajd magħluqa; (ii) bħalissa hemm 40 liċenzja tas-sajd attivi u sistema għat-tiġdid li għal diversi snin kellha l-għan li tkompli tnaqqas il-liċenzji l-ġodda; u (iii) l-istħarriġiet tal-istokk isiru kull sentejn. |
|
(9) |
Minħabba li (i) l-MCRS imnaqqas x’aktarx li jkollu impatt negliġibbli fuq il-popolazzjonijiet maturi u impatt minimu fuq il-frieħ; (ii) il-benefiċċji ta’ konservazzjoni eżistenti mistennija li jibqgħu l-istess; (iii) l-MCRS imnaqqas ikun akkumpanjat minn miżuri ta’ ġestjoni li jinkludu ż-żewġ riżervi tas-sajd magħluqa u sistema ta’ liċenzji; u (iv) l-istħarriġiet dwar il-popolazzjoni ta’ dan l-istokk isiru kull sentejn, il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżiti tal-Artikoli 15 u 18 tar-Regolament (UE) 2019/1241 huma ssodisfati. |
|
(10) |
Fit-13 ta’ Ġunju 2024 u fit-28 ta’ Ġunju 2024, il-Gruppi Reġjonali tal-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Lbiċ u tal-Ilmijiet tal-Majjistral, rispettivament, talbu estensjoni sal-31 ta’ Diċembru 2026 għall-miżuri li ilhom japplikaw għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo) minn Lulju 2022 (5). Bl-estensjoni jinżammu kemm l-MCRS attwali għall-paġella ħamra fiż-żewġ baċiri tal-baħar, kif ukoll l-għeluq (i) għall-bastimenti li jtajru l-bandiera Franċiża fis-subżoni 6 sa 8 tal-ICES mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju u (ii) fuq bażi staġjonali għas-sajd kummerċjali u s-sena kollha għas-sajd rikreattiv f’żoni ġeografiċi speċifiċi tas-subżona 8 tal-ICES. |
|
(11) |
Fis-26 ta’ Settembru 2024, l-Istati Membri ppreżentaw rakkomandazzjoni konġunta aġġornata lill-Kummissjoni li tillimita d-durata tal-estensjoni mitluba sa Diċembru 2025. |
|
(12) |
Il-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sajd u l-Akkwakultura ġie kkonsultat fis-27 ta’ Settembru 2024. |
|
(13) |
L-STECF preċedentement ivvaluta dawn il-miżuri fl-2021 u kkonkluda li dawn kellhom il-potenzjal li jnaqqsu l-qabdiet tal-paġella ħamra (6). |
|
(14) |
Peress li: (i) il-miżuri huma l-istess bħal dawk li ilhom japplikaw għall-paġella ħamra minn Lulju 2022; (ii) id-data għal dan l-istokk għadha skarsa u l-ICES ħareġ parir li l-qabdiet għall-2025 u l-2026 għandhom ikunu żero (7); u (iii) il-miżuri għadhom aktar stretti mill-miżuri bażi, il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżiti tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/1241 huma ssodisfati. |
|
(15) |
Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibli. Peress li l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri introdotti bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/491 (8) jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024, il-miżuri li jikkonċernaw il-paġella ħamra jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2025 sabiex tiġi żgurata l-kontinwità legali. |
|
(16) |
Il-miżuri introdotti b’dan ir-Regolament applikabbli għall-ilmijiet tal-Unjoni għandhom l-għan li jilħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 494(1) u (2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (9) u jikkunsidraw il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 494(3) ta’ dak il-ftehim. Dawn huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura applikabbli fl-ilmijiet tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq. |
|
(17) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1241 jiġi emendat kif xieraq, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Annessi VI u VII tar-Regolament (UE) 2019/1241 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-miżuri li jikkonċernaw il-paġella ħamra għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2025.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1241/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1380/oj).
(3) https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/d/stecf/stecf-plen-21-01.
(4) https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/d/stecf/stecf-plen-23-01.
(5) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/56 tad-19 ta’ Lulju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ miżuri tekniċi speċifiċi għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo) fis-subżoni 6 sa 8 tal-ICES (ĠU L 5, 6.1.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/56/oj).
(6) https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/d/stecf/stecf-21-05-eval-jrs-lo-and-tm-reg.
(7) ICES. 2024. Blackspot seabream (Pagellus bogaraveo) in subareas 6-8 (Celtic Seas, the English Channel, and Bay of Biscay). In Report of the ICES Advisory Committee, 2024. ICES Advice 2024, sbr.27.6-8 (https://doi.org/10.17895/ices.advice.25019660).
(8) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/491 tat-30 ta’ Novembru 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tiġdid tal-miżuri tekniċi speċifiċi għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo) fis-subżoni 6 sa 8 tal-ICES (ĠU L, 2024/491, 13.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/491/oj).
ANNESS
L-Annessi VI u VII tar-Regolament (UE) 2019/1241 huma emendati kif ġej:
|
(1) |
L-Anness VI huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
l-Anness VII huwa emendat kif ġej:
|
(*4) F’każ li ma jiġux adottati regoli ġodda qabel il-31 ta’ Diċembru 2025, mill-1 ta’ Jannar 2026, id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni applikabbli għall-paġella ħamra għandu jkun ta’ 33 cm.” ”
(*1) Dan id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2025.
(*2) Fis-subżoni 6 u 7 tal-ICES għandu japplika d-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni ta’ 40 cm għall-qabdiet tal-paġella ħamra fis-sajd rikreattiv.
(*3) F’każ li ma jiġux adottati regoli ġodda qabel il-31 ta’ Diċembru 2025, mill-1 ta’ Jannar 2026, id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni applikabbli għandu jkun ta’ 33 cm.”;
(*5) Dan id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2025.
(*6) F’każ li ma jiġux adottati regoli ġodda qabel il-31 ta’ Diċembru 2025, mill-1 ta’ Jannar 2026, id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni applikabbli għall-paġella ħamra għandu jkun ta’ 33 cm.”;
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/3204/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)