|
16.10.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 271/16 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-15 ta’ Ottubru 2007
li tawtorizza l-użu ta' l-annimali bovini ta' riskju sa tmiem il-ħajja produttiva tagħhom fil-Ġermanja wara konferma uffiċjali tal-preżenza tal-BSE
(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4648)
(It-test bil-Ġermaniż biss hu awtentiku)
(2007/667/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jippreskrivi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċerti enċifalopatiji sponġiformi li jittieħdu (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 13(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistipula regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' l-enċifalopatiji sponġiformi trasmissibbli (TSEs) fl-annimali. L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 13(1) ta' dan ir-Regolament jipprovdi għall-miżuri ta' eradikazzjoni li jridu jiġu applikati meta tkun ġiet ikkonfermata b'mod uffiċjali l-preżenza ta' TSE. Dawn il-miżuri jikkonsistu b'mod partikolari fil-qatla u l-qerda totali ta' l-annimali u l-prodotti li ġejjin mill-annimali li ġew identifikati li huma ta' riskju “annimali bovini ta' riskju”) minħabba rabta epidemjoloġika ma' l-annimali affettwati. |
|
(2) |
Il-Ġermanja bagħtet lill-Kummissjoni talba għal deċiżjoni biex jitħalla l-użu ta' annimali bovini ta' riskju sa tmiem il-ħajja produttiva tagħhom b'deroga mill-punt (ċ) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. |
|
(3) |
Il-miżuri ta' kontroll mibgħuta mill-Ġermanja jipprovdu għal restrizzjoni stretta ta' moviment u traċċabilità ta' l-annimali bovini b'mod li l-livell attwali ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u l-annimal mhux fil-periklu. |
|
(4) |
Fuq il-bażi ta' stima favorevoli tar-riskju, il-Ġermanja għandha għalhekk titħalla tuża annimali bovini ta' riskju sa tmiem il-ħajja produttiva tagħhom sakemm jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet. |
|
(5) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. B'deroga mill-punt (ċ) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, il-Ġermanja tista' tuża annimali bovini msemmija fit-tieni u t-tielet inċiż ta' punt 1(a) ta' l-Anness VII ta' dan ir-Regolament sa tmiem il-ħajja produttiva tagħhom bil-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta' dan l-Artikolu.
2. Il-Ġermanja għandha tiżgura li l-annimali bovini msemmija fil-paragrafu 1:
|
(a) |
ikunu traċċabbli b'mod permanenti fid-database elettroniku stipulat fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2); |
|
(b) |
jitħarrku mill-azjenda taħt sorveljanza uffiċjali biss u għal skopijiet ta' qerda; |
|
(ċ) |
ma jintbagħtux lil Stati Membri oħra jew ma jiġux esportati lil pajjiżi terzi. |
3. Il-Ġermanja għandha twettaq kontrolli regolari biex tivverifika l-implimentazzjoni xierqa ta' din id-Deċiżjoni.
4. Il-Ġermanja għandha żżomm il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra infurmati dwar l-użu ta' l-annimali bovini kif imsemmi fil-paragrafu 1 permezz tal-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali.
Il-Ġermanja għandha wkoll tippreżenta tagħrif relatat fir-rapport annwali stipulat fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Ottubru 2007.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 727/2007 tal-Kummissjoni (ĠU L 165, 27.6.2007, p. 8).