|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1295 |
30.6.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1295
tas-17 ta’ Ġunju 2025
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dikjarazzjoni konġunta tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kunsill ta’ Sħubija ta’ dak il-Ftehim
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni” jew “il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021, wara li kien ilu japplika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021. |
|
(2) |
L-objettivi tat-Tieni Parti, l-Ewwel Intestatura, it-Titolu VIII dwar l-enerġija tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (it-“Titolu VIII”) huma li jiffaċilitaw il-kummerċ u l-investiment bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-“Renju Unit”) fl-oqsma tal-enerġija u tal-materja prima, u li jappoġġjaw is-sigurtà tal-provvista u tas-sostenibbiltà ambjentali, b’mod partikolari billi jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima f’dawk l-oqsma. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 331(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, it-Titolu VIII għandu jieqaf japplika fit-30 ta’ Ġunju 2026. |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 331(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, bejn l-1 ta’ Lulju 2026 u l-31 ta’ Diċembru 2026, il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jiddeċiedi li jestendi l-applikazzjoni tat-Titolu VIII sal-31 ta’ Marzu 2027. Bejn l-1 ta’ April 2027 u l-31 ta’ Diċembru 2027, kif ukoll fi kwalunkwe ħin fi kwalunkwe sena sussegwenti, il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ barra minn hekk jiddeċiedi li jestendi l-applikazzjoni tat-Titolu VIII sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara. |
|
(5) |
Sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-Titolu VIII, huwa xieraq li l-Unjoni u r-Renju Unit jagħmlu dikjarazzjoni konġunta fil-Kunsill ta’ Sħubija li tesprimi l-fehim politiku tagħhom li jkun xieraq li tiġi estiża l-applikazzjoni tat-Titolu VIII. |
|
(6) |
L-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jadottaw dikjarazzjoni konġunta fil-Kunsill ta’ Sħubija tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. |
|
(7) |
Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ dikjarazzjoni konġunta mill-Unjoni u r-Renju Unit fil-Kunsill ta’ Sħubija li tesprimi l-fehim politiku li jkun xieraq li tiġi estiża l-applikazzjoni tat-Titolu VIII. Dan isir skont l-Artikolu 331(2) tal-Ftehim, fuq il-bażi tal-bilanċ ġenerali tad-drittijiet u l-obbligi li jinżammu b’mod sostenibbli, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Sħubija fir-rigward ta’ dikjarazzjoni konġunta mill-Unjoni u r-Renju Unit fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, hija stabbilita fl-abbozz tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Unjoni u r-Renju Unit fil-Kunsill ta’ Sħubija mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ġunju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
P. HENNIG-KLOSKA
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/689/oj).
ABBOZZ
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA …/2025 TAL-UNJONI U TAR-RENJU UNIT FIL-KUNSILL TA’ SĦUBIJA STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MIN-NAĦA WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA
ta’ …
L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, bħala parti minn sħubija ekonomika ambizzjuża, wiesgħa u bilanċjata li tipproduċi benefiċċji reċiproċi.
F’dan il-kuntest, u meta jitqiesu l-objettivi tat-Tieni Parti, l-Ewwel Intestatura, it-Titolu VIII dwar l-enerġija tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (“it-Titolu VIII”), li għandhom jiffaċilitaw il-kummerċ u l-investiment bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit fl-oqsma tal-enerġija u l-materja prima, u jappoġġjaw, fuq bażi kontinwa, is-sigurtà tal-provvista u s-sostenibbiltà ambjentali, b’mod partikolari biex jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima f’dawk l-oqsma, l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jikkondividu l-fehim politiku li dawk l-objettivi għandhom jiġu segwiti fuq bażi kontinwa u li jkun xieraq li tiġi estiża l-applikazzjoni tat-Titolu VIII.
Dan jista’ jsir permezz ta’ deċiżjonijiet suċċessivi li jsiru skont l-Artikolu 331(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1295/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)