European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2587

16.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/2587

tal-15 ta’ Diċembru 2025

b’appoġġ għaċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (SEESAC) għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Reġjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ armi fil-Balkani tal-Punent u b’appoġġ għall-attivitajiet ta’ diżarm u kontroll tal-armi fix-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Armi tan-Nar, Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir Illeċiti u l-Munizzjon tagħhom, intitolata “Aktar Sigurtà fuq l-Armi biex Nipproteġu liċ-ċittadini” (“l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”) li tistabbilixxi l-linji gwida għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW). L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tiddikjara li l-Unjoni tagħti prominenza partikolari lill-kooperazzjoni reġjonali bħala mezz effiċjenti ta’ kontroll tal-armi ħfief. L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW issemmi lill-Balkani tal-Punent bħala reġjun ta’ prijorità għall-appoġġ.

(2)

Fis-17 ta’ Mejju 2018, fis-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent f’Sofija, il-mexxejja tal-Unjoni qablu dwar id-Dikjarazzjoni ta’ Sofija, li magħha allinjaw ruħhom is-sħab tal-Balkani tal-Punent, u li tinkludi impenn tat-tisħiħ b’mod sinifikanti tal-kooperazzjoni operazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata internazzjonali f’oqsma ta’ prijorità bħall-armi tan-nar, id-drogi, il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta’ bnedmin.

(3)

Ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent għadu wieħed mis-sorsi tat-traffikar illeċitu ta’ armi fl-Unjoni.

(4)

Fl-10 ta’ Lulju 2018, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ospita l-5 Summit tal-Balkani tal-Punent f’Londra, li adotta l-“Pjan Direzzjonali Reġjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar tas-SALW/armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom fil-Balkani tal-Punent sal-2024” (il-“Pjan Direzzjonali”).

(5)

Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Pjan Direzzjonali ġie aġġornat u estiż sal-2030.

(6)

L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), adottata fil-25 ta’ Settembru 2015, affermat li l-iżvilupp sostenibbli ma jistax jinkiseb mingħajr il-paċi u s-sigurtà u li l-flussi ta’ armi illeċiti huma fost il-fatturi li jwasslu għall-vjolenza, in-nuqqas ta’ sigurtà u l-inġustizzja.

(7)

Fir-Raba’ Konferenza ta’ Reviżjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu, li saret f’Ġunju 2024 fi New York, l-Istati Membri tan-NU affermaw mill-ġdid l-importanza tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali u subreġjonali, permezz ta’ koordinazzjoni, konsultazzjoni, skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni operazzjonali mtejba, kif adatt, ma’ organizzazzjonijiet, mekkaniżmi, pjanijiet direzzjonali u inizjattivi oħra reġjonali u subreġjonali rilevanti kif ukoll awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tal-kontroll tal-fruntieri u tal-liċenzjar tal-esportazzjoni u l-importazzjoni.

(8)

L-għanijiet tal-Pjan Direzzjonali maqbula mis-sħab tal-Balkani tal-Punent huma konsistenti mal-isforzi fl-Unjoni u n-NU biex jiġu miġġielda l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ SALW u l-munizzjon tagħhom. Għaldaqstant, l-Unjoni għandha tappoġġa lill-Balkani tal-Punent fl-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali.

(9)

L-Unjoni preċedentement appoġġat l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2018/1788 (1) u (PESK) 2022/2321 (2).

(10)

Iċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (SEESAC) ġie stabbilit f’Belgrad fl-2002 u jiffunzjona taħt il-mandat konġunt tal-Programm ta’ Żvilupp tan-NU (UNDP) u l-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR). Is-SEESAC huwa s-suċċessur tal-Patt ta’ Stabbiltà għax-Xlokk tal-Ewropa, jassisti lill-partijiet ikkonċernati nazzjonali u reġjonali fil-kontroll u t-tnaqqis tat-tixrid u l-użu ħażin tas-SALW u l-munizzjon, u b’hekk jikkontribwixxi għal stabbiltà, sigurtà u żvilupp imsaħħa fix-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa. Is-SEESAC jagħmel enfasi partikolari fuq l-iżvilupp ta’ proġetti reġjonali biex tiġi indirizzata r-realtà tal-flussi transkonfinali tal-armi.

(11)

L-Unjoni tikkunsidra li s-SEESAC hu s-sieħeb preferut għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali fil-Balkani tal-Punent, minħabba l-esperjenza ppruvata u n-network stabbilit tiegħu, il-kwalità ppruvata tal-ħidma tiegħu u r-rwol ta’ koordinazzjoni tiegħu fit-tħejjija tal-Pjan Direzzjonali.

(12)

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-azzjoni tal-Unjoni tipprovdi appoġġ għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-armi fir-Repubblika tal-Moldova u fl-Ukrajna, stati li qed jittrattaw sfidi simili għall-kontroll tas-SALW. Dan jenħtieġ li jsir permezz tat-trasferiment tal-għarfien u l-esperjenza miksuba u l-aħjar prattiki żviluppati fil-Balkani tal-Punent mill-2001,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tappoġġa lis-sħab tal-Balkani tal-Punent fl-implimentazzjoni tal-“Pjan Direzzjonali Reġjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar tas-SALW/armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom fil-Balkani tal-Punent”.

2.   Il-fażi l-ġdida tal-appoġġ tal-Unjoni għandha tibni fuq il-kisbiet skont id-Deċiżjonijiet (PESK) 2018/1788 u (PESK) 2022/2321, u l-proġett “Appoġġ għat-Tisħiħ tal-Ġlieda Kontra l-Pussess Illegali, l-Użu Ħażin u t-Traffikar ta’ Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (SALW) fil-Balkani tal-Punent” iffinanzjat permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA/2021/425-067), kollha implimentati mis-SEESAC.

3.   Din il-fażi ġdida tal-appoġġ tal-Unjoni ser tiġi implimentata f’komplementarjetà mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/3006 (3).

Artikolu 2

1.   L-attenzjoni ser tkun fuq erba’ oqsma ewlenin, filwaqt li jinżamm l-approċċ olistiku għall-indirizzar tat-theddid ippreżentat mis-SALW fir-reġjun.

2.   Dawn l-oqsma ewlenin jindirizzaw il-livelli strateġiċi u ta’ politika kif ukoll l-aspetti operazzjonali, u b’hekk jassistu direttament fil-livelli kollha tal-kontroll tas-SALW, b’enfasi fuq:

—

il-koordinazzjoni tal-approċċ reġjonali u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali;

—

it-tisħiħ tal-iskambju tal-għarfien u l-kooperazzjoni interreġjonali dwar il-kontroll tas-SALW;

—

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-servizzi tal-infurzar tal-liġi fil-Moldova u l-Ukrajna biex jiġġieldu kontra l-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar;

—

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-servizzi tal-infurzar tal-liġi u s-servizzi tad-dwana fil-Balkani tal-Punent għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu.

3.   L-ambitu ġeografiku tal-azzjoni għand jkun il-Balkani tal-Punent, fejn il-benefiċjarji diretti tal-proġett huma l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo (*1), il-Montenegro, is-Serbja u l-Maċedonja ta’ Fuq. Barra minn hekk, għall-għanijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, l-azzjoni għandha tipprovdi appoġġ lir-Repubblika tal-Moldova u lill-Ukrajna.

4.   Deskrizzjoni dettaljata tal-azzjoni tinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentat Għoli”) għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha titwettaq mis-SEESAC, fejn meħtieġ f’koordinazzjoni mal-Mexxej ta’ pjattaforma multidixxiplinari Ewropea kontra t-theddid kriminali (EMPACT) Firearms.

3.   L-SEESAC għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak l-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa mal-UNDP, li għandu jaġixxi f’isem is-SEESAC.

Artikolu 4

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni li jissemma fl-Artikolu 1(1) għandu jkun ta’ EUR 3 499 363,97.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza li jinsab fil-paragrafu 1 għandha tiġi ġestita f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni xierqa tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-UNDP, li għandu jaġixxi f’isem is-SEESAC. Il-ftehim għandu jistipula li s-SEESAC għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-UE, adatt għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 5

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti kull sitt xhur imħejjija mis-SEESAC. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmijin fl-Artikolu 1(1).

Artikolu 6

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 4(3). Madankollu, għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jiġi konkluż l-ebda tali ftehim matul dak il-perjodu ta’ sitt xhur.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1788 tad-19 ta’ Novembru 2018 b’appoġġ għaċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (SEESAC) għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Reġjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ armi fil-Balkani tal-Punent (ĠU L 293, 20.11.2018, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1788/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2321 tal-25 ta’ Novembru 2022 b’appoġġ għaċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (SEESAC) għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Reġjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ armi fil-Balkani tal-Punent u b’appoġġ għall-attivitajiet ta’ diżarm u kontroll tal-armi fix-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa (ĠU L 307, 28.11.2022, p. 149, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2321/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/3006 tat-2 ta’ Diċembru 2024 b’appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC rigward id-diżarm u l-kontroll tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa li jnaqqsu t-theddida ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) illeċiti u l-munizzjon tagħhom (ĠU L, 2024/3006, 3.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3006/oj).

(*1)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.


ANNESS

DOKUMENT TA' PROĠETT

PROĠETT DWAR ATTIVITAJIET TA' KONTROLL TAS-SALW FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PJAN DIREZZJONALI GĦAL SOLUZZJONI SOSTENIBBLI GĦALL-PUSSESS ILLEGALI, L-UŻU ĦAŻIN U T-TRAFFIKAR TAS-SALW/ARMI TAN-NAR U L-MUNIZZJON TAGĦHOM FIL-BALKANI TAL-PUNENT U ATTIVITAJIET TA' DIŻARM U KONTROLL TAL-ARMI FIX-XLOKK U L-LVANT TAL-EWROPA

1.   Introduzzjoni u objettivi

Armi tan-nar, armi ħfief u ta' kalibru żgħir illeċiti qed ikomplu jikkontribwixxu għall-instabbiltà u l-vjolenza fl-Unjoni Ewropea, fil-viċinat immedjat tagħha, u fil-bqija tad-dinja. Dan huwa rikonoxxut fl-Istrateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom, bil-Balkani tal-Punent u l-Viċinat tal-Lvant elenkati bħala oqsma ta' tħassib prijoritarji. L-objettiv ġenerali ta' din l-azzjoni huwa li tikkontribwixxi aktar għall-paċi u s-sigurtà Ewropea u globali billi tiġġieled it-theddid ppreżentat mill-pussess illeċitu, l-użu ħażin u t-traffikar ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir u ser issaħħaħ l-istabbiltà reġjonali billi taħdem fil-qafas tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR) u fi sħubija ma' sħab u inizjattivi internazzjonali rilevanti oħra.

Sar progress kontinwu fix-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa fir-rigward tal-ġlieda kontra l-pussess illeċitu, l-użu ħażin u t-traffikar tas-SALW, prinċipalment minħabba l-appoġġ komprensiv u fit-tul tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, skont il-Valutazzjoni tal-Unjoni Ewropea tal-2025 tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata, il-Balkani tal-Punent għadhom sors ewlieni ta' armi tan-nar illeċiti ttraffikati lejn l-UE (1). Filwaqt li bħalissa ma hemm l-ebda rapport ta' traffikar tal-armi tan-nar mill-Ukrajna, ambjent ta' wara l-kunflitt jista' bl-istess mod joħroġ bħala sors sinifikanti fil-futur. Għalhekk, it-tisħiħ ulterjuri tal-isforzi ta' kontroll tas-SALW fir-reġjuni ġirien tal-UE (u l-iżgurar li l-progress li sar sa issa jiġi sostnut) huwa estremament rilevanti għas-sigurtà tal-UE kif ukoll għall-paċi u s-sigurtà globali.

Fl-2018, filwaqt li jibnu fuq il-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali tal-Ewropa tax-Xlokk kontra l-Proliferazzjoni u l-Impatt tas-SALW, l-awtoritajiet tal-Balkani tal-Punent saħħew l-impenn tagħhom li jindirizzaw l-isfidi li fadal rigward il-pussess illeċitu, l-użu ħażin u t-traffikar tas-SALW billi adottaw il-Pjan Direzzjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir, il-munizzjon u l-isplussivi tagħhom fil-Balkani tal-Punent sal-2030  (2) (il-“Pjan Direzzjonali”) fis-Summit tal-Balkani tal-Punent f'Londra (3).

Il-Pjan Direzzjonali jipprevedi li l-Balkani tal-Punent isir reġjun aktar sikur u sors tas-sigurtà, fejn mekkaniżmi komprensivi u sostenibbli ta' sorveljanza u kontroll, armonizzati bis-sħiħ ma' standards tal-Unjoni u ma' standards internazzjonali oħra, ikunu fis-seħħ biex jidentifikaw, jipprevjenu, jipprosegwixxu u jikkontrollaw il-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' armi tan-nar, munizzjon u splussivi. Iċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SEESAC) (4), appoġġa l-iżvilupp tal-Pjan Direzzjonali u ngħata mandat mill-Gvernijiet u l-UE biex jikkoordina , jimmonitorja u  jappoġġa l-implimentazzjoni tiegħu .

Mill-2018 'l hawn sar progress; il-ġuriżdizzjonijiet fil-Balkani tal-Punent qabdu aktar minn 36 000 arma tan-nar; aktar minn 294 000 arma tan-nar ġew ċeduti b'mod volontarju; 4 447 arma tan-nar ġew legalizzati, u 5 064 ġew diżattivati. Barra minn hekk, inqerdu aktar minn 67 000 biċċa ta' SALW. Il-Pjan Direzzjonali kkontribwixxa aktar ukoll għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni mal-acquis tal-UE, u b'hekk appoġġa direttament l-aspirazzjonijiet tagħhom għall-integrazzjoni fl-UE; it-tisħiħ tal-kooperazzjoni operazzjonali, mhux biss fil-Balkani tal-Punent, iżda wkoll ma' pjattaformi u korpi ewlenin tal-UE bħall-FRONTEX, il-EUROPOL u l-EMPACT. Il-Pjan Direzzjonali kkontribwixxa wkoll għat-tisħiħ tas-sigurtà reġjonali u l-fiduċja f'ambjent fraġli ta' wara l-kunflitt, li huma pedamenti essenzjali għaż-żamma tal-paċi u l-iżvilupp. Madankollu, fadal xi sfidi. Matul l-ewwel fażi tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali, ġew irreġistrati 17 798 inċident b'armi tan-nar fil-Balkani tal-Punent, b'794 persuna maqtula, 2 108 midruba, 2 650 mhedda u 333 li wettqu suwiċidju. Il-fatt li kważi 50 % tal-inċidenti rreġistrati kollha rrappreżentaw sekwestri tal-armi, juri approċċ proattiv tal-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi fit-tneħħija tal-armi miċ-ċirkolazzjoni.

Il-prattiki tajbin implimentati fil-Balkani tal-Punent influwenzaw ukoll ir-reġjun usa'. Bil-finanzjament u l-appoġġ tal-UE għas-SEESAC, ir-Repubblika tal-Moldova għamlet progress fit-tisħiħ tas-sigurtà fiżika u l-isforzi ta' kumulazzjoni ta' riżerva tagħhom b'titjib fis-sigurtà ta' żewġ mħażen ta' SALW, u erbat ikmamar ta' evidenza; il-qerda ta' aktar minn 13 000 biċċa ta' SALW mill-2005, u bl-istabbiliment tas-sistema ta' reġistru elettroniku tal-armi. Saru wkoll sforzi fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet analitiċi għal investigazzjonijiet relatati mal-armi tan-nar billi ġie stabbilit il-Punt Fokali dwar l-Armi tan-Nar. L-Ukrajna, min-naħa l-oħra, għamlet progress billi saħħet l-isforzi ta' koordinazzjoni fil-livell nazzjonali permezz tal-istabbiliment taċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni għall-Ġlieda Kontra t-Traffikar Illeċitu tal-Armi tan-Nar  (5), il-bidu tal-iżvilupp tal-istrateġija dwar is-SALW, l-isforzi biex jiġi armonizzat il-qafas legali tagħhom mal-acquis tal-UE kif ukoll billi jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom permezz ta' diversi sessjonijiet ta' taħriġ. Kemm ir-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Moldova kif ukoll tal-Ukrajna qed jieħdu sehem b'mod regolari fil-proċessi ta' kooperazzjoni reġjonali ffaċilitati mis-SEESAC dwar il-kontroll tas-SALW fix-Xlokk u fil-Lvant tal-Ewropa.

Barra minn hekk, il-Pjan Direzzjonali tal-Balkani tal-Punent, b'qafas ta' monitoraġġ ċar u mekkaniżmu ta' koordinazzjoni, ispira azzjoni madwar id-dinja, li wasslet għall-iżvilupp tal- Pjan Direzzjonali tal-Karibew dwar l-Armi tan-Nar u l- Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali u tar-Repubblika Dominicana .

L-impatt tal-Pjan Direzzjonali dwar il-Kontroll tas-SALW tal-Balkani tal-Punent u r-rilevanza tiegħu għall-kooperazzjoni reġjonali u s-sigurtà tal-UE ġie rikonoxxut f'diversi laqgħat ta' livell għoli, b'impenn ċar tal-UE li tkompli tappoġġa l-implimentazzjoni tiegħu." (6)

Il-fażi l-ġdida tal-proġett SEESAC ser tibni fuq ir-riżultati li nkisbu taħt id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-UE (PESK) 2018/1788 u 2022/2321 u IPA/2021/425-067 Appoġġ għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) fil-proġett tal-Balkani tal-Punent implimentat mis-SEESAC (it-tnejn tal-aħħar ser jiskadu fi tmiem Diċembru 2025). Dan ser jiġi implimentat f'komplementarjetà mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE (PESK) 2024/3006.

L-azzjoni ser tikkontribwixxi direttament għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Sigurtà, l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar it-Traffikar tal-Armi tan-Nar, iċ-Ċiklu ta' Politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja (“EMPACT Firearms”), it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, il-Programm ta' Azzjoni tan-NU sabiex Jipprevjeni, Jikkumbatti, u Jeqred il-Kummerċ Illeċitu fis-SALW fl-Aspetti Kollha Tiegħu, l-Istrument Internazzjonali ta' Traċċar, il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar, ir-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa u l-paċi u s-sigurtà, u l-Aġenda dwar id-Diżarm tan-NU li ssaħħet permezz tal-Patt għall-Futur, u b'hekk tagħti momentum politiku ġdid u appoġġ istituzzjonali lil ħafna mill-impenji ta' diżarm tal-Aġenda oriġinali. L-azzjoni ser tkompli ssaħħaħ speċifikament il-kooperazzjoni reġjonali fil-ġlieda kontra t-theddida kkawżata mit-tixrid tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. Ir-riżultati tal-proġett ser jikkontribwixxu b'mod dirett ukoll għall-implimentazzjoni tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli numru 16 tal-Aġenda 2030 dwar soċjetajiet paċifiċi u ġusti, b'mod partikolari l-miri 16.1 (titnaqqas b'mod sinifikanti kull forma ta' vjolenza u r-rata ta' mwiet kullimkien) u 16.4 (jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-flussi ta' armi illeċiti), u l-Għan 5 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Ser jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali dwar il-Ġlieda kontra l-Proliferazzjoni u l-Impatt tas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa. L-azzjoni ser tiġi implimentata bħala parti mid-Dokument tal-Programm Reġjonali tal-UNDP għall-Ewropa u l-Komunità ta' Stati Indipendenti (2026-2029).

2.   Għażla tal-aġenzija ta' implimentazzjoni u koordinazzjoni ma' inizjattivi ta' finanzjament rilevanti oħra

Is-SEESAC huwa inizjattiva konġunta tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) u l-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali b'finanzjament ewlieni mill-Unjoni Ewropea u huwa l-punt fokali għall-attivitajiet relatati mas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa. Bħala l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali tax-Xlokk tal-Ewropa dwar il-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni tas-SALW, is-SEESAC għandu mandat ewlieni biex jikkoordina l-implimentazzjoni tal-isforzi għall-kontroll tas-SALW, jimmonitorja l-progress u jipprovdi l-appoġġ tekniku, konsultattiv u għall-implimentazzjoni tal-proġetti lill-Gvernijiet fir-reġjun fil-ġlieda kontra l-pussess illeċitu, l-użu ħażin u t-traffikar tas-SALW. Is-sjieda reġjonali hija żgurata permezz tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali kif ukoll permezz tal-Grupp Reġjonali ta' Tmexxija, fejn ir-rappreżentanti tas-sħab kollha fix-Xlokk tal-Ewropa jipprovdu l-gwida strateġika għall-attivitajiet tas-SEESAC.

Is-SEESAC ilu jaħdem mill-2002 mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali u internazzjonali fix-Xlokk u fil-Lvant tal-Ewropa dwar l-implimentazzjoni ta' approċċ olistiku għall-kontroll tas-SALW permezz tat-twettiq ta' spettru wiesa' ta' attivitajiet inkluż: l-iffaċilitar ta' kooperazzjoni reġjonali strateġika u operazzjonali, l-appoġġ għall-iżvilupp tal-politika u t-tisħiħ tal-kapaċità għall-istituzzjonijiet, kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' ġbir tas-SALW, il-ġestjoni tal-ħażniet; it-tnaqqis ta' ħażniet żejda, u t-titjib tal-kapaċitajiet ta' mmarkar u traċċar, kapaċitajiet ta' detezzjoni u investigazzjoni, kif ukoll il-kontroll imtejjeb tal-esportazzjoni tal-armi. B'dan il-mod, is-SEESAC kiseb kapaċità u esperjenza unika fl-implimentazzjoni ta' interventi reġjonali bil-parteċipazzjoni ta' diversi partijiet ikkonċernati fl-isfond politiku u ekonomiku kondiviż tas-sħab fir-reġjun, waqt li jiżgura sjieda nazzjonali u reġjonali u sostenibbiltà fit-tul tal-azzjonijiet tiegħu u jistabbilixxi lilu nnifsu bħala l-awtorità reġjonali primarja fil-qasam tal-kontroll tas-SALW.

Is-SEESAC ikompli jżomm kanali ta' komunikazzjoni bilaterali u multilaterali mal-atturi u l-organizzazzjonijiet rilevanti kollha. F'dak ir-rigward, is-SEESAC ikompli jservi bħala s-Segretarjat tal-Grupp Reġjonali ta' Tmexxija għas-SALW (RSG) u jikkoordina u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali tal-Balkani tal-Punent f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UE, il-Ġermanja u Franza. F'dan il-kuntest, is-SEESAC iwettaq ukoll il-funzjonijiet tas-Segretarjat tal-Fond Fiduċjarju b'Diversi Sħab tal-Pjan Direzzjonali għall-Kontroll tas-SALW tal-Balkani tal-Punent.

Is-SEESAC jikkontribwixxi b'mod regolari għal fora reġjonali rilevanti. Is-SEESAC jikkontribwixxi regolarment għal-Laqgħat Ministerjali tal-Ġustizzja u l-Intern bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, laqgħat organizzati fi ħdan il-Proċess ta' Berlin, il-proċess Ministerjali tad-Difiża tax-Xlokk tal-Ewropa. Is-SEESAC ikompli jżomm network wiesa' ta' sħubijiet formali u informali ma' organizzazzjonijiet u inizjattivi, bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni (OSKE), l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO), u aġenziji rilevanti tan-NU, b'mod partikolari l-UNODA, il-UNODC, il-UNIDIR u l-UNWOMEN u organizzazzjonijiet reġjonali bħaċ-Ċentru Reġjonali ta' Assistenza għall-Implimentazzjoni u l-Verifika tal-Kontroll tal-Armi (RACVIAC). Is-SEESAC jikkontribwixxi regolarment għall-Azzjoni ta' Koordinazzjoni tan-NU dwar Armi Ħfief (CASA) li tlaqqa' flimkien l-aġenziji kollha tan-NU li jaħdmu fuq id-diżarm u l-kontroll tal-armi; il-laqgħat ta' koordinazzjoni dwar is-SALW u l-azzjoni kontra l-mini, mekkaniżmu informali ta' koordinazzjoni dwar l-attivitajiet ta' kontroll tas-SALW li jinvolvi n-NATO, l-Unjoni u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u s-SEESAC. Barra minn hekk, is-SEESAC qed jipparteċipa regolarment f'laqgħat ta' koordinazzjoni dwar l-Ukrajna, il-Laqgħa ta' Koordinazzjoni tas-Sħab Internazzjonali dwar l-Isforzi għall-Kontroll tas-SALW fl-Ukrajna ffaċilitata mill-OSKE u s-Sottogrupp tal-Grupp ta' Ħidma Settorjali dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar il-Ġlieda kontra l-Kriminalità u l-Iżgurar tas-Sigurtà tal-Komunità fl-Ukrajna, iffaċilitata mill-EUAM.

Is-SEESAC iżomm kuntatt mill-qrib u jipprovdi appoġġ lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni għal tixrid ta' informazzjoni aktar effettiva mal-kontropartijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, primarjament lid-DĠ Affarijiet Interni tal-Kummissjoni, u lill-Europol, kif ukoll inizjattivi mmexxija mill-Unjoni bħall-EMPACT fir-rigward tal-Armi tan-Nar, u l-grupp ta' Esperti Ewropej tal-Armi tan-Nar (EFE).

Is-SEESAC kien il-pijunier ta' approċċ ibbażat fuq l-indirizzar ta' problemi kondiviżi permezz ta' inizjattivi reġjonali, li ħalla riżultati impressjonanti fix-Xlokk u fil-Lvant tal-Ewropa mhux biss minħabba l-kondiviżjoni kruċjali tal-informazzjoni u l-promozzjoni ta' kompetizzjoni reġjonali b'saħħitha li dan l-approċċ iqanqal, iżda wkoll għax jgħin biex jinkisbu riżultati konsistenti u li jitkejlu faċilment fil-livell nazzjonali u dak reġjonali permezz ta' modalità ta' implimentazzjoni olistika. L-organizzazzjoni tal-laqgħat annwali tal-RSG u l-parteċipazzjoni mis-SEESAC fil-proċessi u l-inizjattivi reġjonali rilevanti kollha jipprovdu skambju ta' informazzjoni f'waqtu u espliċitu, għarfien qawwi tas-sitwazzjoni u t-tbassir meħtieġ biex tiġi żgurata li l-implimentazzjoni ma toħloqx sitwazzjonijiet ta' trikkib u tkun konformi mal-ħtiġijiet attwali tal-gvernijiet u r-reġjuni kif ukoll max-xejriet li jiżviluppaw.

Is-SEESAC jibbaża l-attivitajiet kollha tiegħu fuq il-ħtiġijiet espressi mill-kontropartijiet u d-data bażika miġbura u l-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet, u jassigura l-approvazzjoni u l-appoġġ politiku minn partijiet ikkonċernati nazzjonali bħala prekondizzjoni għall-azzjoni. Barra minn hekk, l-isforzi kollha jsiru fil-qafas ta' appoġġ għall-proċessi mmexxija mill-Unjoni u l-kisba tal-istandards u l-kriterji tal-Unjoni. Is-SEESAC implimenta l-proġetti preċedenti tiegħu ffinanzjati mill-Unjoni b'rata għolja ħafna ta' rendiment tal-attivitajiet previsti, billi kiseb riżultati sostenibbli għall-proġett billi żviluppa u rawwem sjieda tas-sħab tal-proġetti u l-attivitajiet tiegħu, u billi ppromwova koordinazzjoni reġjonali, esperjenza u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, kif ukoll riċerka reġjonali. L-għarfien espert tiegħu dwar is-SALW u l-għarfien profond tal-affarijiet reġjonali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti jagħmlu s-SEESAC l-aktar sieħeb ta' implimentazzjoni adatt għal din l-azzjoni partikolari.

Is-SEESAC ser ikompli jaħdem flimkien mal-isforzi ta' assistenza internazzjonali implimentati taħt il-qafas tan-NU, b'mod partikolari l-Fond Fiduċjarju Multidonatur (MPTF) tal-Pjan Direzzjonali għall-Kontroll tas-SALW fil-Balkani tal-Punent. Il-Fond Fiduċjarju tal-Pjan Direzzjonali huwa mekkaniżmu ta' finanzjament ewlieni li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali. Il-Fond Fiduċjarju ġie stabbilit f'Marzu 2019 mill-UNDP u l-UNODC bħala Organizzazzjonijiet Parteċipanti tan-NU, biex jiġi żgurat approċċ ta' finanzjament ikkoordinat mid-donaturi u l-ġuriżdizzjoni fl-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali. Dan isaħħaħ il-koordinazzjoni, l-ippjanar u l-komunikazzjoni fost is-sħab kollha, irawwem il-kollaborazzjoni, u jnaqqas ir-riskji għall-gvernijiet u l-kontributuri finanzjarji permezz ta' sistema komprensiva ta' ġestjoni bbażata fuq ir-riskji u r-riżultati. Il-Fond Fiduċjarju bbenefika minn kooperazzjoni b'saħħitha mal-Ġermanja u Franza, bħala l-inizjaturi tal-Pjan Direzzjonali, li magħhom ingħaqdu r-Renju Unit, l-Iżvezja, in-Norveġja u n-Netherlands. Il-Fond Fiduċjarju mmobilizza madwar US$30 miljun f'kontribuzzjonijiet. Is-SEESAC tal-UNDP jiffunzjona bħala s-Segretarjat tal-Fond Fiduċjarju u huwa responsabbli għall-koordinazzjoni u l-monitoraġġ ġenerali tal-Fond Fiduċjarju, billi jipprovdilu appoġġ tekniku, ta' ġestjoni, ta' ppjanar u ta' programmazzjoni. Sa Settembru 2025, il-Fond Fiduċjarju appoġġa 25 proġett implimentati mill-Organizzazzjonijiet Parteċipanti tan-NU, fejn 16 lestew l-operazzjonijiet tagħhom u disgħa għadhom għaddejjin.

Il-ħidma tas-SEESAC hija kkomplementata wkoll mill-OSKE permezz tal-implimentazzjoni mill-OSKE tad-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL TAL-UE (PESK) 2024/3097 b'appoġġ għall-programm komprensiv dwar l-appoġġ għall-isforzi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tas-SALW u Munizzjon Konvenzjonali fix-Xlokk tal-Ewropa; u l-implimentazzjoni mill-OSKE tad-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL TAL-UE (PESK) 2024/3003 b'appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet Ukreni għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi, munizzjon u splussivi.

Azzjonijiet oħra appoġġati mill-Unjoni fix-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa, primarjament dawk tal-Europol, il-Frontex u l-Interpol, u l-pjanijiet ta' azzjoni operazzjonali tal-EMPACT-Armi tan-Nar jikkoordinaw regolarment mas-SEESAC sabiex jiżguraw komplementarjetajiet ta' azzjoni, ir-rilevanza u l-puntwalità tal-intervent.

3.   Deskrizzjoni tal-proġett

Il-fażi l-ġdida tal-proġett SEESAC ser tibni fuq il-kisbiet li saru taħt il-proġetti implimentati permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-UE (PESK) 2018/1788 u (PESK) 2022/2321, kif ukoll il-proġett iffinanzjat mill-Kummissjoni implimentat permezz ta' IPA/2021/425–067, “Support for enhancing the fight against the illegal possession, misuse and trafficking of small arms and light weapons in the Western Balkans”. Dawn it-tliet proġetti kollha ġew implimentati mis-SEESAC. L-aħħar żewġ proġetti ser jiskadu sal-aħħar ta' Diċembru 2025. Barra minn hekk, il-fażi l-ġdida tal-proġett SEESAC ser tiġi implimentata f'komplementarjetà mal-proġett li għaddej bħalissa skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE (PESK) 2024/3006.

Ser jiffoka fuq erba' oqsma ewlenin, filwaqt li jżomm l-approċċ olistiku għall-indirizzar tat-theddida ppreżentata mis-SALW fir-reġjun. Dawn l-oqsma jindirizzaw il-livell strateġiku/politiku kif ukoll l-aspetti operazzjonali, u b'hekk huma ta' jassistu b'mod dirett fil-livelli kollha tal-kontroll tas-SALW b'attenzjoni partikolari fuq: il-koordinazzjoni tal-approċċ reġjonali u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali; it-tisħiħ tal-iskambju tal-għarfien u l-kooperazzjoni interreġjonali dwar il-kontroll tas-SALW; u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-servizzi tal-infurzar tal-liġi fil-Moldova u l-Ukrajna biex jiġġieldu kontra l-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar; kif ukoll dawk fil-Balkani tal-Punent, primarjament is-servizzi tal-infurzar tal-liġi u tad-dwana tal-Balkani tal-Punent għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu.

B'mod partikolari, il-proġett ser iwassal għal:

—

implimentazzjoni kkoordinata u monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir, il-munizzjon u l-isplussivi tagħhom fil-Balkani tal-Punent sal-2030;

—

kooperazzjoni interreġjonali msaħħa, ġestjoni tal-għarfien u kondiviżjoni tal-għarfien dwar il-kontroll tal-armi;

—

kapaċitajiet tas-servizzi tal-infurzar tal-liġi tal-Moldova u l-Ukrajna msaħħa għall-ġlieda kontra t-traffikar, l-użu ħażin u l-pussess illeċiti tal-armi tan-nar, il-munizzjoni u l-isplussivi;

—

kapaċitajiet imsaħħa tas-servizzi tal-infurzar tal-liġi u doganali tal-Balkani tal-Punent għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu.

L-istrateġija tal-proġett hija msejsa fuq l-approċċ uniku tas-SEESAC biex jitrawmu l-fiduċja u l-kooperazzjoni fir-reġjun bħala prerekwiżit biex tinkiseb bidla trasformattiva konkreta u li tista' titkejjel. B'mod partikolari, fil-livell reġjonali, il-proċessi ta' kooperazzjoni differenti ffaċilitati mis-SEESAC, li jinvolvu kemm lil dawk li jfasslu l-politika kif ukoll lill-prattikanti fil-livell operazzjonali, irrappreżentaw is-sinsla tal-approċċ, filwaqt li żguraw ambjent kompetittiv u abilitanti għat-trasferiment tal-għarfien, l-iskambju ta' għarfien espert u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni. Dan serva mhux biss biex jiżdiedu l-kapaċitajiet fir-reġjun, iżda aktar importanti minn hekk biex tinbena l-fiduċja u titrawwem kooperazzjoni diretta fost l-istituzzjonijiet u l-esperti individwali, li fost l-oħrajn, ippermettiet l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali. Dan il-proġett ser ikompli jrawwem il-kooperazzjoni reġjonali u s-sjieda lokali bħala elementi essenzjali li jippermettu li jinkisbu riżultati li jistgħu jitkejlu.

3.1.   Koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir, il-munizzjon u l-isplussivi tagħhom fil-Balkani tal-Punent sal-2030

Objettiv

Li jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-monitoraġġ effettivi tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali.

Deskrizzjoni

Filwaqt li jibni fuq id-Deċiżjonijiet PESK/2018/1788 u PESK/2022/2321, dan il-komponent ser jiżgura l-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tat-tieni fażi tal-Pjan Direzzjonali (2025-2030). Il-Pjan Direzzjonali ġie rivedut għat-tieni fażi ta' implimentazzjoni permezz ta' laqgħat konsultattivi mill-Kummissjonijiet dwar l-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fir-reġjun matul l-2023 u l-2024, filwaqt li ġew żgurati s-sjieda reġjonali u s-sostenibbiltà tar-riżultati. Il-konsultazzjonijiet kienu jinkludu donaturi, sħab reġjonali u internazzjonali, kif ukoll rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. It-test rivedut tal-Pjan Direzzjonali ġie approvat mill-Ministri għall-Intern tal-Balkani tal-Punent matul il-Forum Ministerjali bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li sar f'Ottubru 2024.

Il-Pjan Direzzjonali jkompli jikkontribwixxi għall-attivitajiet eżistenti tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-pussess illeċitu, l-użu ħażin u t-traffikar tas-SALW, speċifikament l-istrateġija tal-UE dwar is-SALW, il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar it-traffikar tal-armi tan-nar li integra l-Pjan Direzzjonali tal-Balkani tal-Punent; u l-ħidma tal-EMPACT fir-reġjun. Il-Pjan Direzzjonali huwa xhieda tal-kunsens milħuq fost il-partijiet ikkonċernati kollha fir-reġjun dwar l-isfidi attwali, il-miri globali li għandhom jintlaħqu u l-iskeda ta' żmien għall-azzjonijiet li għandhom jittieħdu. Huwa jipprovdi pjattaforma ġenerali għall-kisba ta' KPIs maqbula b'mod komuni fil-livell strateġiku, operazzjonali u ta' politika.

Matul l-ewwel fażi tal implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali ġew ippubblikati tlettax-il rapport ta' progress li jipprovdu rendikont miżurabbli u aġġornat dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali. Barra minn hekk, il-laqgħat ta' koordinazzjoni lokali u reġjonali biannwali żguraw approċċ koordinat eżemplari ta' implimentazzjoni tal-isforzi u r-riżorsi fost l-awtoritajiet, id-donaturi u s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.

Speċifikament, il-ħidma taħt dan il-komponent ser tkompli tiżgura l-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali permezz ta':

—

l-għoti ta' appoġġ espert u tekniku għall-koordinazzjoni tal-Pjan Direzzjonali inkluż laqgħat ta' koordinazzjoni reġjonali tal-Pjan Direzzjonali li jiffukaw fuq l-evalwazzjoni tal-progress u l-iskambju ta' informazzjoni;

—

l-għoti ta' appoġġ espert u tekniku għal-laqgħat lokali ta' koordinazzjoni tal-Pjan Direzzjonali biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni tas-sħab;

—

l-iżvilupp ta' rapporti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni biannwali li jiddokumentaw il-progress, l-isfidi u l-ħtiġijiet fl-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali abbażi tal-KPIs maqbula b'mod komuni;

—

ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali;

—

Attivitajiet ta' tixrid ta informazzjoni u viżibbiltà marbuta mal-Pjan Direzzjonali (inkluż il-manutenzjoni ta' pjattaforma online, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u s-sensibilizzazzjoni).

Riżultati/indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett:

—

Jiġu organizzati sa mhux iktar minn tliet laqgħat ta' koordinazzjoni reġjonali tal-Pjan Direzzjonali;

—

Jittieħed kont tal-evalwazzjoni tal-progress, il-faċilitazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni, it-trasferiment tal-għarfien u l-istandardizzazzjoni;

—

Jiġu organizzati laqgħat ta' koordinazzjoni lokali (sa total ta' 36);

—

Jiġu żviluppati rapporti biannwali ta' monitoraġġ reġjonali (sa sitta);

—

Rieżami ta' nofs it-terminu tal-Pjan Direzzjonali;

—

Issir manutenzjoni ta' pjattaforma online biex jiġi żġurat tixrid ta' informazzjoni u viżibbiltà xierqa tal-Pjan Direzzjonali.

3.2.   Jingħata kontribut għal kooperazzjoni reġjonali msaħħa, skambju ta' għarfien u kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar il-kontroll tal-armi

Objettiv

Dan il-komponent ser jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-informazzjoni interreġjonali, l-iskambju tal-għarfien, ir-replikazzjoni ta' prattiki tajbin u t-tagħlimiet meħuda permezz tal-għoti ta' pariri tekniċi, laqgħat, workshops u żjarat ta' studju.

Deskrizzjoni

Ix-Xlokk tal-Ewropa ilu jimplimenta approċċ reġjonali komprensiv għall-kontroll tas-SALW għal aktar minn għoxrin sena, li jkopri l-oqsma funzjonali kollha tal-kontroll tas-SALW. Bħala tali, ir-reġjun kien fuq quddiem nett b'soluzzjonijiet innovattivi għall-kontroll tas-SALW li servew ta' aspirazzjoni biex tittieħed azzjoni u ġew replikati f'partijiet oħra tad-dinja. L-Istandards u l-Linji Gwida Reġjonali tal-Mikrodiżarm tas-SEESAC li ġew żviluppati fl-2006 biex jiġu standardizzati l-proċeduri, il-prattiki u n-normi ta' kontroll tas-SALW fil-livell operazzjonali, influwenzaw l-iżvilupp tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontroll tal-Armi Ħfief li aktar tard ġew ittrasferiti fil-Kompendju ta' Moduli dwar l-Implimentazzjoni tal-Kontroll tal-Armi ta' Kalibru Żgħir (MOSAIC). Barra minn hekk, il-Pjan Direzzjonali tal-Balkani tal-Punent tefgħu dawl fuqu bosta partijiet ikkonċernati bħala wieħed mill-aktar sforzi reġjonali ta' suċċess għall-Kontroll tas-SALW globalment. Dan ġie deskritt bħala eżempju pożittiv mis-Segretarju Ġenerali tan-NU fir-Rapporti tiegħu dwar il-Kontroll tas-SALW lill-Kunsill tas-Sigurtà u huwa appella wkoll għall-elaborazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta' Pjanijiet Direzzjonali fl-Aġenda tiegħu għall-Paċi.

Il-Pjan Direzzjonali ġie replikat fil-Karibew, kif ukoll fl-Amerka Ċentrali u r-Repubblika Dominicana, flimkien mal-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni u monitoraġġ tiegħu, u ġie integrat ukoll fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar it-traffikar tal-armi tan-nar. Is-SEESAC appoġġa l-iżvilupp tal-ewwel Strateġija ta' Kontroll tas-SALW fir-Repubblika tal-Kirgistan u ffaċilita l-iskambju ta' għarfien interreġjonali permezz ta' żjarat ta' studju mir-Repubblika tal-Kirgistan, il-Kambodja u l-Honduras fil-Balkani tal-Punent bl-għan li d-delegazzjonijiet jitgħallmu mill-aħjar prattiki żviluppati fil-Balkani tal-Punent u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom fil-kontroll tas-SALW.

Barra minn hekk, il-Pjattaforma għall-Monitoraġġ ta' Vjolenza bl-Armi tas-SEESAC, pjattaforma tad-data online innovattiva li tipprovdi informazzjoni fil-fond kif ukoll viżwalizzazzjoni tad-data dwar inċidenti b'armi tan-nar fix-Xlokk tal-Ewropa, qed tiġi replikata wkoll mill-UE. Ix-Xlokk tal-Ewropa kien ukoll qed iwitti t-triq għall-integrazzjoni prattika tal-ġeneri fil-kontroll tas-SALW. Il-progress li sar fl-operazzjonalizzazzjoni tal-Punti Fokali dwar l-Armi tan-Nar fix-Xlokk tal-Ewropa huwa kondiviż regolarment mal-FFPs mill-Istati Membri kollha tal-UE f'laqgħat konġunti.

Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-prattiki ġew żviluppati u operazzjonalizzati bħala parti mill-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-UE b'appoġġ għall-isforzi tas-SEESAC dwar id-diżarm u l-kontroll tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa matul l-aħħar għoxrin sena.

Dan il-komponent ser jiffaċilita aktar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, l-iskambju tal-għarfien, ir-replikazzjoni ta' prattiki tajbin u t-tagħlimiet meħuda fost ir-reġjuni.

Dan ser iseħħ permezz ta':

—

L-għoti ta' appoġġ tekniku u konsultattiv

—

OL-organizzazzjoni ta' laqgħat, workshops, żjarat ta' studju

Riżultati/indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett:

—

Ġie pprovdut appoġġ tekniku u konsultattiv

—

Laqgħat, workshops jew żjarat ta' studju organizzati

3.3.   Tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-servizzi tal-infurzar tal-liġi tar-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna għall-ġlieda kontra t-traffikar, l-użu ħażin u l-pussess illeċiti tal-armi tan-nar, il-munizzjon u l-isplussivi

Objettiv

Li titnaqqas it-theddida tat-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar billi jissaħħu l-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi inkluż il-pulizija tal-fruntieri permezz ta' appoġġ konsultattiv u assistenza teknika bbażati fuq il-ħtiġijiet identifikati.

Deskrizzjoni

Dan il-komponent jibni fuq l-appoġġ preċedenti tas-SEESAC lir-Repubblika tal-Moldova u lill-Ukrajna. Ir-rappreżentanti taż-żewġ pajjiżi kienu qed jipparteċipaw u jikkontribwixxu għall-proċessi ta' kooperazzjoni reġjonali li s-SEESAC qed jiffaċilita fil-livelli strateġiċi u operazzjonali. It-trasferiment tal-għarfien u l-esperjenzi miksuba, u l-aħjar prattiki żviluppati fil-Balkani tal-Punent mill-2001, kien partikolarment siewi fil-kuntest tal-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna.

Ir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet Moldovani u Ukreni kienu qed jieħdu sehem b'mod regolari fil-laqgħat tal-kummissjonijiet tas-SALW u l-istituzzjonijiet rilevanti fix-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa; il-laqgħat tan-Network ta' Esperti tal-Armi tan-Nar tal-Ewropa tax-Xlokk, u b'hekk ibbenefikaw mill-kondiviżjoni ta' informazzjoni u l-iskambju ta' għarfien reġjonali fil-livelli strateġiċi u operazzjonali. Huma bbenefikaw ukoll minn attivitajiet reġjonali ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet, bħal dawk dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni mal-acquis tal-UE, investigazzjonijiet online u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi fuq id-darknet.

Is-SEESAC kien qed jipprovdi wkoll appoġġ għal miżuri mmirati ta' kontroll tas-SALW fil-livell nazzjonali. Ingħata appoġġ konsultattiv lill-Ukrajna fl-istabbiliment taċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar Illeċitu tal-Armi taħt il-Ministeru għall-Affarijiet Interni, l-iżvilupp tal-qafas legali nazzjonali dwar il-kontroll tas-SALW, u l-iżvilupp tal-istrateġija nazzjonali għall-prevenzjoni u l-Ġlieda kontra s-SALW Illeċiti. Ingħata taħriġ imfassal apposta biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' investigazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi.

Is-SEESAC kien qed jipprovdi wkoll appoġġ għal miżuri mmirati ta' kontroll tas-SALW fir-Repubblika tal-Moldova. Matul l-aħħar żewġ deċennji, dawn inkludew miżuri għas-sigurtà fiżika u l-ġestjoni tal-ħażniet, inkluż il-qerda tas-SALW u t-titjib tas-sigurtà tal-ħażniet tal-armi u l-munizzjon, u l-kmamar tal-evidenza. Ingħata wkoll appoġġ għall-immarkar, iż-żamma ta' rekords u t-traċċar; ġiet akkwistata magna tal-immarkar u ġie organizzat taħriġ għall-użu tagħha, u ġie pprovdut appoġġ għall-istabbiliment tas-sistema tar-reġistru tal-armi. Is-SEESAC ipprovda wkoll l-appoġġ tekniku u konsultattiv inizjali fl-istabbiliment tal-Punt Fokali dwar l-Armi tan-Nar. Barra minn hekk, ġew appoġġati attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni dwar il-perikli tal-użu ħażin u l-pussess illeċitu ta' armi tan-nar. Ingħata wkoll appoġġ għall-istabbiliment tal-kummissjoni nazzjonali tas-SALW; il-ġbir tad-data ġie appoġġat biex jissaħħaħ il-fehim tal-lakuni fil-kontroll tas-SALW, li wassal għall-pubblikazzjoni tal-istħarriġ dwar is-SALW għar-Repubblika tal-Moldova, filwaqt li ġie pprovdut għarfien aġġornat dwar l-inċidenti tal-armi tan-nar permezz tal-Pjattaforma għall-Monitoraġġ ta' Vjolenza bl-Armi. Is-SEESAC ipprovda wkoll appoġġ għall-iżvilupp tal-Programm Nazzjonali tas-SALW dwar il-Kontroll tas-SALW għall-2026–2030. Wara valutazzjoni dettaljata tal-ħtiġijiet tal-Pulizija Kriminali, ingħata appoġġ għall-iżvilupp ta' Proċeduri Operattivi Standard, taħriġ u tagħmir biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' investigazzjoni.

Dan il-komponent ser ikompli jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet fir-Repubblika tal-Moldova u fl-Ukrajna biex jiġġieldu l-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' armi tan-nar, munizzjon u splussivi, abbażi ta' valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u f'konformità mal-aħjar prattiki internazzjonali.

Dan ser iseħħ permezz ta':

—

Għoti ta' appoġġ konsultattiv, assistenza teknika, taħriġ, tagħmir għas-servizzi tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi fir-Repubblika tal-Moldova u fl-Ukrajna

—

Appoġġ għall-parteċipazzjoni fi pjattaformi reġjonali speċjalizzati dwar il-kontroll tas-SALW

Riżultati/indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett

—

Għoti ta' pariri u appoġġ tekniku

—

Tagħmir akkwistat għas-soppressjoni tat-traffikar tal-armi

—

Attivitajiet ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet implimentati

—

Aġġornament tas-sigurtà ta' maħżen tas-SALW ippjanat u kkompletat fir-Repubblika tal-Moldova

3.4.   Aktar tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-servizzi doganali tal-Balkani tal-Punent għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu

Objettiv

Li titnaqqas it-theddida tat-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar billi jissaħħu l-kapaċitajiet tas-servizzi doganali tal-Balkani tal-Punent għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu.

Deskrizzjoni

Fl-2024, is-SEESAC lesta l-ewwel Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet madwar ir-reġjun kollu tal-Amministrazzjonijiet Doganali fil-Balkani tal-Punent biex jevalwa l-kapaċitajiet tagħhom fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar. Il-valutazzjoni twettqet bl-użu ta' metodoloġija żviluppata u applikata preċedentement mis-SEESAC għas-Servizzi tal-Pulizija tal-Fruntieri u Kriminali, li tkopri l-aspetti rilevanti kollha, inkluż il-leġiżlazzjoni, il-kapaċitajiet amministrattivi u istituzzjonali, il-ħtiġijiet ta' taħriġ, u t-tagħmir tekniku.

Twettqu missjonijiet ta' valutazzjoni fis-sitt ġuriżdizzjonijiet kollha, li rriżultaw f'rapporti komprensivi, approvati mill-awtoritajiet. Dawn jistabbilixxu l-bażi għal appoġġ immirat, filwaqt li jiżguraw li l-awtoritajiet doganali jiġu integrati b'mod sistematiku fl-isforzi reġjonali u tal-UE għall-kontroll tal-armi tan-nar. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet doganali huwa meħtieġ biex jippermetti rispons koordinat u transfruntier mal-Pulizija tal-Fruntieri, f'konformità mal-istandards tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri tal-UE u l-Pjan Direzzjonali tas-SALW tal-Balkani tal-Punent, biex b'hekk tissaħħaħ il-kapaċità kollettiva tar-reġjun li jiġġieled it-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar.

Sal-lum, l-amministrazzjonijiet doganali fil-biċċa l-kbira tal-ġuriżdizzjonijiet ma bbenefikawx minn żvilupp sistematiku tal-kapaċità fir-rigward tad-detezzjoni ta' armi tan-nar, komponenti essenzjali, munizzjon, u splussivi fil-punti ta' qsim tal-fruntieri. Dan id-distakk huwa kritiku, peress li l-kontroll effettiv tal-armi tan-nar jeħtieġ rispons konġunt u kkoordinat kemm mill-Pulizija tal-Fruntieri kif ukoll mill-awtoritajiet Doganali. Filwaqt li s-servizzi tal-Pulizija Kriminali u tal-Fruntieri ġew appoġġati permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-UE (2018/1788 u 2019/2111) implimentati mis-SEESAC, appoġġ imfassal apposta komparabbli għad-dwana—minbarra l-parteċipazzjoni fil-proċessi reġjonali—kien fil-biċċa l-kbira assenti. Issa ġie previst approċċ simili għall-awtoritajiet doganali, li jibni fuq it-tagħlimiet meħuda u l-aħjar prattiki applikati mill-Pulizija Kriminali u tal-Fruntieri.

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE 2024/3006, is-SEESAC diġà beda attivitajiet ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet billi appoġġa l-iżvilupp ta' Proċeduri Operattivi Standard għal kull Amministrazzjoni Doganali fil-Balkani tal-Punent. Barra minn hekk, taħriġ immirat fil-ġuriżdizzjonijiet kollha ser isir sa tmiem l-2025. Il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet jidentifikaw in-nuqqas ta' tagħmir speċjalizzat bħala wieħed mil-lakuni ewlenin. Din il-lakuna ser tiġi indirizzata taħt dan il-proġett.

Dan ser isir permezz ta':

—

Akkwist u konsenja ta' tagħmir speċjalizzat għall-Awtoritajiet Doganali

Riżultati/indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett:

—

Tagħmir ipprovdut.

4.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji diretti tal-proġett ser ikunu l-istituzzjonijiet responsabbli mill-kontroll tas-SALW fix-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa. L-awtoritajiet responsabbli għall-affarijiet interni, is-servizzi tal-pulizija, il-gwardji tal-fruntieri u l-awtoritajiet doganali tal-Albanija, tal-BiH, tal-Kosovo, tal-Montenegro, tal-Maċedonja ta' Fuq, tar-Repubblika tal-Moldova, tas-Serbja u tal-Ukrajna ser jibbenefikaw jew minn appoġġ konsultattiv, sforzi ta' koordinazzjoni u monitoraġġ, jew tisħiħ tal-kapaċitajiet, avvanz tal-għarfien, proċeduri mtejba u tagħmir speċjalizzat kosteffettiv meħtieġ għal avvanzi ta' politika, operazzjonali u tekniċi fil-kontroll tas-SALW. L-attivitajiet proposti huma kompletament konformi mal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali tax-Xlokk tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra l-Proliferazzjoni u l-Impatt tas-SALW u l-Pjan Direzzjonali tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll il-prijoritajiet tas-sħab dwar il-kontroll tas-SALW. Il-popolazzjoni ġenerali tax-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa u fl-Unjoni, fir-riskju ta' pussess illegali, użu ħażin u proliferazzjoni mifruxa tas-SALW, ser tibbenefika indirettament minn dan il-proġett.

5.   Viżibbiltà tal-Unjoni

Is-SEESAC għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura l-viżibbiltà tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni Ewropea. Tali miżuri ser jitwettqu f'konformità sħiħa mar-Rekwiżiti ta' Komunikazzjoni u Viżibbiltà għall-Azzjonijiet Esterni tal-Unjoni Ewropea (2018) kif ukoll il-gwida aġġornata “Nikkomunikaw u nżidu l-viżibbiltà tal-UE: Gwida għal azzjonijiet esterni” (2022).

6.   Durata

Abbażi tal-esperjenza tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2002/842/PESK, 2010/179/PESK, 2013/730/PESK, 2016/2356/PESK, 2018/1788/PESK u 2022/2321/PESK u b'kont meħud tal-ambitu reġjonali tal-proġett, l-għadd ta' benefiċjarji u l-għadd u l-kumplessità tal-attivitajiet ippjanati, il-perjodu ta' żmien għall-implimentazzjoni huwa 36 xahar.

7.   Struttura ġenerali

L-implimentazzjoni teknika ta' din l-azzjoni ġiet fdata lill-UNDP, li jaġixxi f'isem is-SEESAC, l-inizjattiva reġjonali li taħdem taħt il-mandat tal-UNDP u l-KKR. Bħala l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni ta' SALW, is-SEESAC jaġixxi bħala l-punt fokali għall-kwistjonijiet kollha relatati mas-SALW fix-Xlokk u fil-Lvant tal-Ewropa, inkluż il-faċilitazzjoni tal-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali reġjonali. Il-UNDP, li jaġixxi f'isem is-SEESAC, ser ikollu r-responsabbiltà ġenerali għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett u l-kontabbiltà għall-implimentazzjoni tal-proġett. Id-durata tal-proġett huwa tliet snin (36 xahar).

8.   Sħab

Is-SEESAC ser jimplimenta direttament l-azzjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-kummissjonijiet tas-SALW kif ukoll mal-awtoritajiet rilevanti tal-affarijiet interni tal-Albanija, il-BiH, il-Kosovo, il-Montenegro, is-Serbja, il-Maċedonja ta' Fuq, ir-Repubblika tal-Moldova, u l-Ukrajna. Istituzzjonijiet oħra ser ikunu involuti mill-qrib, f'konformità mal-approċċ olistiku b'diversi partijiet kkonċernati stabbilit għall-kontroll tas-SALW.

9.   Rappurtar

Ir-rappurtar, kemm narrattiv kif ukoll finanzjarju, għandu jkopri l-azzjoni kollha deskritta fil-ftehim speċifiku għall-kontribuzzjoni rilevanti u l-baġit mehmuż miegħu, irrispettivament minn jekk din l-azzjoni hijiex kompletament iffinanzjata jew kofinanzjata mill-Kummissjoni. Kull tliet xhur, għandhom jiġu ppreżentati rapporti narrattivi ta' progress biex jiġi rreġistrat u mmonitorjat il-progress lejn it-twettiq tar-riżultati ewlenin.


(1)  Skont is-SEESAC, ir-reġjun mhuwiex biss sors, iżda wkoll tranżitu u destinazzjoni għat-traffikar tal-armi tan-nar.

(2)  Ara: https://www.seesac.org/SALW-Control-Roadmap/

(3)  Il-Pjan Direzzjonali ġie estiż lil hinn mill-2024 fil-Laqgħa Ministerjali UE-Balkani tal-Punent dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni f'Ottubru 2024.

(4)  Bħala l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali dwar il-Ġlieda kontra l-Proliferazzjoni u l-Impatt tas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa.

(5)  Isem sħiħ: Ċentru ta' Koordinazzjoni għall-Ġlieda Kontra t-Traffikar Illeċitu tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom.

(6)  Pereżempju: is-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tat-13 ta' Diċembru 2023, is-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tat-18 ta' Diċembru 2024, is-Summit tal-Proċess ta' Berlin tal-14 ta' Ottubru 2024.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2587/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)