European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1423

18.7.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1423

tas-17 ta’ Lulju 2025

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 684/2014 fir-rigward tat-termini tal-awtorizzazzjoni ta’ preparat ta’ kantaksantina bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ għar-riproduzzjoni (detentur tal-awtorizzazzjoni: DSM Nutritional Products Ltd.)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti u għall-modifika ta’ din l-awtorizzazzjoni.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 684/2014 (2) awtorizza l-użu ta’ preparat tal-kantaksantina bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ għar-riproduzzjoni għal perjodu ta’ 10 snin.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, fl-4 ta’ Frar 2021 tressqet applikazzjoni għall-modifika tat-termini tal-awtorizzazzjoni tal-preparat tal-kantaksantina bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ għar-riproduzzjoni. L-applikazzjoni kienet tikkonċerna ż-żieda ta’ rotta ġdida tal-produzzjoni bil-fermentazzjoni b’Yarrowia lipolytica CBS 146148 u l-modifika tal-ispeċifikazzjonijiet tal-addittiv billi l-etossikina tiġi sostitwita b’ 4,4 % ta’ butilidrossitoluwen u jiżdied il-limitu tal-impurità diklorometan minn 10 għal 80 mg/kg ta’ addittiv. Flimkien mat-talba, intbagħtet id-data ta’ sostenn rilevanti.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tas-26 ta’ Novembru 2024 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) indikat li l-konklużjonijiet li ntlaħqu qabel għall-kantaksantina sintetika, fl-opinjoni tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2012 (4), fir-rigward tal-annimali fil-mira, tal-konsumaturi u tal-ambjent, japplikaw ukoll għall-kantaksantina prodotta bil-fermentazzjoni b’Yarrowia lipolytica CBS 146148. Għalhekk, l-Awtorità kkonkludiet li l-użu tal-kantaksantina prodotta b’Yarrowia lipolytica CBS 146148 fil-formulazzjoni tal-preparat tal-kantaksantina jitqies sikur għall-ispeċijiet fil-mira, għall-konsumatur u għall-ambjent fil-kundizzjonijiet tal-użu awtorizzati attwalment għall-kantaksantina sintetika. Fir-rigward tas-sikurezza tal-utent, ikkonkludiet ukoll li l-kantaksantina mhijiex irritanti għall-ġilda u għall-għajnejn u x’aktarx ma tkunx sensitizzatur tal-ġilda, li ma tista’ tintlaħaq l-ebda konklużjoni dwar is-sensitizzazzjoni respiratorja tal-kantaksantina, u li, fin-nuqqas ta’ data bil-preparat tal-kantaksantina, ma tista’ tintlaħaq l-ebda konklużjoni dwar is-sikurezza ta’ dak il-preparat għall-utent. L-Awtorità indikat ukoll li l-kantaksantina prodotta bil-fermentazzjoni b’Yarrowia lipolytica CBS 146148 wriet li għandha l-istess purità bħall-kantaksantina prodotta bis-sinteżi kimika, u li hija meqjusa bħala ekwivalenti. Konsegwentement, il-konklużjonijiet milħuqa fl-opinjoni tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-preparat li fih il-kantaksantina sintetika jitqiesu applikabbli wkoll għall-preparat li fih il-kantaksantina prodotta bil-fermentazzjoni b’Yarrowia lipolytica CBS 146148, mingħajr il-ħtieġa ta’ studji addizzjonali, u l-Awtorità kkonkludiet li l-addittiv huwa effikaċi fit-tiġieġ għar-riproduzzjoni f’6 mg/kg ta’ għalf komplet. L-Awtorità ma esprimietx tħassib dwar l-ispeċifikazzjonijiet il-ġodda tal-preparat tal-kantaksantina. Fl-aħħar nett, hija rrakkomandat li jiġi aġġustat il-kliem ta’ żewġ dispożizzjonijiet tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 684/2014 rigward it-taħlit ta’ sorsi differenti tal-kantaksantina u dwar it-taħlit tal-preparat tal-kantaksantina ma’ karotenojdi oħra.

(5)

Fl-10 ta’ Lulju 2023 intbagħtet applikazzjoni lill-Kummissjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-preparat tal-kantaksantina, f’konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Billi għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikant ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni qabel l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni, il-perjodu tal-awtorizzazzjoni ġie estiż awtomatikament f’konformità mal-Artikolu 14(4) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(6)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-preparat tal-kantaksantina għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jekk jiġu modifikati t-termini tal-awtorizzazzjoni biż-żieda ta’ rotta ġdida tal-produzzjoni bil-fermentazzjoni b’Yarrowia lipolytica CBS 146148, is-sostituzzjoni tal-etossikina b’ 4,4 % ta’ butilidrossitoluwen u ż-żieda tal-limitu tal-impurità diklorometan minn 10 għal 80 mg/kg addittiv. Barra minn hekk, ċerti dispożizzjonijiet tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 684/2014 jenħtieġ li jiġu aġġustati f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità.

(7)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 684/2014 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.

(8)

Billi l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-preparat tal-kantaksantina mhijiex meħtieġa minħabba raġunijiet ta’ sikurezza, jixraq li jiġi previst perjodu tranżizzjonali biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-modifika tat-termini tal-awtorizzazzjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 684/2014

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 684/2014 huwa sostitwit bl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Miżuri tranżizzjonali

1.   L-addittiv tal-għalf kantaksantina, kif awtorizzat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 684/2014, u l-premixxeli li fihom dak l-addittiv, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-7 ta’ Frar 2026 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-7 ta’ Awwissu 2025, jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.

2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittiv tal-għalf imsemmi fil-paragrafu 1, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-7 ta’ Awwissu 2026 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-7 ta’ Awwissu 2025 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 684/2014 tal-20 ta’ Ġunju 2014 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ kantaksantina bħala addittiv fl-għalf għal tiġieġ għar-riproduzzjoni (id-detentur tal-awtorizzazzjoni DSM Nutritional Products Ltd.) (ĠU L 182, 21.6.2014, p. 20; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/684/oj).

(3)   EFSA Journal, 2025;23:e9133. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2025.9133.

(4)   EFSA Journal, 11(1), 3047. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2013.3047.


ANNESS

Numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv tal-għalf

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem tal-perjodu tal-awtorizzazzjoni

Limiti massimi ta’ residwu fil-prodotti tal-ikel rilevanti li joriġinaw mill-annimali

mg ta’ sustanza attiva/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija tal-addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: addittivi żootekniċi oħra (stabbilizzazzjoni tal-prestazzjoni tar-riproduzzjoni)

4d161 g

DSM Nutritional Products Ltd, irrappreżentat minn DSM Nutritional Products Sp. z o.o.

Kantaksantina

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparat li fih:

—

minimu 10 % ta’ kantaksantina;

—

massimu ta’ 4,4 % ta’ butilidrossitoluwen.

Impuritajiet:

—

diklorometan: ≤ 80 mg/kg ta’ addittiv.

Forma solida.

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Kantaksantina prodotta bis-sinteżi kimika jew b’Yarrowia lipolytica CBS 146148.

Formula kimika: C40H52O2

Numru CAS: 514-78-3

Purità: minimu ta’ 96 % tat-total tas-sustanzi koloranti (espress bħala kantaksantina)

Karotenojdi għajr il-kantaksantina: mhux aktar minn 5 % tat-total tas-sustanzi koloranti.

Metodu analitiku  (1)

—

Għad-determinazzjoni tal-kantaksantina fl-addittiv tal-għalf: spettrofotometrija (426 nm)

—

Għad-determinazzjoni tat-kantaksantina fil-premixxeli u fl-għalf: Kromatografija Likwida bi Prestazzjoni Għolja f’Fażi Normali akkoppjata mad-detezzjoni VIS (NP-HPLC-VIS, 466 nm)

Tiġieġ għar-riproduzzjoni

-

6

6

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxeli, indika l-kundizzjonijiet tal-ħżin u l-istabbiltà għat-trattament bis-sħana.

2.

It-taħlit ta’ sorsi differenti tas-sustanza attiva kantaksantina ma għandux jaqbeż is-6 mg ta’ kantaksantina/kg ta’ għalf komplet.

3.

It-taħlit ta’ dan l-addittiv ma’ addittivi oħra li fihom il-kantaksantina u/jew karotenojdi oħra huwa permess sakemm il-konċentrazzjoni totali tat-taħlita ma taqbiżx it-80 mg ta’ karotenojdi totali/kg tal-għalf kompet.

4.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri organizzattivi biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawk ir-riskji ma jistgħux jiġu eliminati b’tali proċeduri u miżuri, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir protettiv personali għan-nifs, għall-għajnejn u għall-ġilda.

fl-10 ta’ Lulju 2024.

15 mg kantaksantina/kg fwied (tessut imxarrab) u 2,5 mg kantaksantina/kg ġilda/xaħam (tessut imxarrab)


(1)  Id-dettalji dwar il-metodi analitiċi huma disponibbli fuq is-sit li ġej tal-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-Addittivi fl-Għalf: www.irmm.jrc.be/eurl-feed-additives


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1423/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)