Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2004 li temenda d-Deċiżjoni 2001/471/KE fejn għandu x'jaqsam ma' testjiet batterjologiċi f'ċerti stabbilimenti tal-laħam (notifikata taħt id-dokument numru K(2004) 1519)Test b'relevanza għaż-ŻEE
CS.ES Chapter 3 Volume 44 P. 284 - 285
ET.ES Chapter 3 Volume 44 P. 284 - 285
HU.ES Chapter 3 Volume 44 P. 284 - 285
LT.ES Chapter 3 Volume 44 P. 284 - 285
LV.ES Chapter 3 Volume 44 P. 284 - 285
MT.ES Chapter 3 Volume 44 P. 284 - 285
PL.ES Chapter 3 Volume 44 P. 284 - 285
SK.ES Chapter 3 Volume 44 P. 284 - 285
SL.ES Chapter 3 Volume 44 P. 284 - 285
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2004 li temenda d-Deċiżjoni 2001/471/KE fejn għandu x'jaqsam ma' testjiet batterjologiċi f'ċerti stabbilimenti tal-laħam (notifikata taħt id-dokument numru K(2004) 1519) (Test b'relevanza għaż-ŻEE) (2004/379/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitá Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE: tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar kondizzjonijiet ta' saħħa għall-produzzjoni u marketing ta' laħam frisk [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 10 [2] tiegħu, Billi: (1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/471/KE(2) tobbliga lill-operaturi ta' stabbilimenti tal-laħam biex jagħmlu kontrolli regolari fuq il-kondizzjonijiet ġenerali ta' iġjene tal-produzzjoni fl-istabbilimenti tagħhom. (2) Dik id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli għal testijiet batterjoloġiċi ta' karkassi ta' bhejjem, majjali, ngħaġ, mogħoż u żwiemel. Hi tiddisponi li r-riżultati tat-testijiet batterjoloġiċi għandhom jiġu kkonvertiti f'valuri medji tal-log ta' kuljum biex ikunu jistgħu jiġu kkomparati mal-limiti li tistabbilixxi. (3) L-Istati Membri bħalissa qegħdin jimplimentaw żewġ metodi differenti ta' kalkolu biex jikkonvertu r-riżultati tat-testijiet f'valur medju tal-log, li jirriżulta f'valuri numeriċi differenti. (4) L-implimentazzjoni ta' testijiet batterjoloġiċi għandha tkun armonizzata ġewwa l-Komunità. Il-metodu ta' kalkolu għall-konverżjoni tar-riżultati tat-testijiet batterjoloġiċi tal-laħam stabbiliti fid-Deċiżjoni 2001/471/KE għandhu għalhekk ikun ikklarifikat. (5) Id-Deċiżjoni numru 2001/471/KE għandha, għalhekk, tiġi emendata skond dan. (6) Il-miżuri msemmija f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 L-Anness tad-Deċiżjoni 2001/471/KE huwa emendat skond l-Anness ta' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-20 ta' Mejju 2004 Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fis-26 ta' April 2004. Għall-Kummissjoni David Byrne Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU C 121, tad-29.7.1964, p. 2012/64. Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 95/23/KE (ĠU L 243, tal-11.10.1995, p. 7). [2] ĠU L 165, tal-21.6.1, p. 48. -------------------------------------------------- L-ANNESS Parti 1 ta' l-Anness tad-Deċiżjoni 2001/471/KE hija emendata kif ġej: 1. Fit-Taqsima bl-isem "L-Applikar ta' kriterji mikro-bioloġiċi lir-riżultati tal-kampjun esklużi (Tabella 1)" , l-ewwel sentenza hija mibdula b'dan li ġej: "Ir-riżultati medji tal-log ta' kuljum għandhom jiġu allokati f'waħda mit-tliet kategoriji għall-verifikazzjoni tal-kontroll tal-proċess: aċċettabbli, marġinali, u mhux aċċettabbli." 2. It-tabella 1hija mibdula b'dan li ġej: "Tabella 1 Valuri [1] medji tal-log ta' kuljum għal riżultati marġinali jew mhux aċċettabbli għal kriterji ta' prestazzjoni batterjoloġika għall-unitajiet ta' bhejjem, majjali, ngħaġ, mogħoż u żwiemel (cfu/cm2) għal kampjuni meħuda bil-metodu distruttiv. | Serje aċċettabbli | Serje marġinali | Serje mhux aċċettabbli | | Bhejjem/ngħaġ/mogħoż, żwiemel | Majjali | Bhejjem/majjali/ngħaġ/mogħoż/żwiemel | Bhejjem/majjali/ngħaġ/mogħoż/żwiemel | Valuri medji tal-log ta' kuljum għal | Impulsi vijabbli totali (IVT) | < 3,5 | < 4,0 | 3,5 (majjali: 4,0) - 5,0 | > 5,0 | Entero-bacteria-cae | < 1,5 | < 2,0 | 1,5 (majjal: 2,0) - 2,5 (majjali: 3,0) | > 2,5 (majjali: > 3,0) | [1] "Il-valur medju tal-log ta' kuljum huwa kkalkulat billi l-ewwel tieħu valur tal-log (log"10") ta' kull test individwali mbagħad tikkalkula l-medja aritmetika ta' dawn il-valuri tal-log" --------------------------------------------------