|
30.4.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 128/61 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-14 ta' April 2014
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali
(2014/243/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fis-16 ta' Lulju 1999, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, f'isem il-Komunità Ewropea, konvenzjoni dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali. |
|
(2) |
Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (“il-Konvenzjoni”) ġiet adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fl-24 ta' Jannar 2001. |
|
(3) |
Il-Konvenzjoni tistabbilixxi qafas regolatorju li huwa kważi identiku għal dak stabbilit fid-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). |
|
(4) |
Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2003 u hija miftuħa għall-iffirmar mill-Unjoni Ewropea. |
|
(5) |
L-iffirmar tal-Konvenzjoni ser jgħin biex l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet simili għal dawk tad-Direttiva 98/84/KE tiġi estiża lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni, u jistabbilixxi liġi dwar servizzi bbażati fuq aċċess kondizzjonali li tkun applikabbli fil-kontinent Ewropew kollu. |
|
(6) |
Il-Konvenzjoni għandha tiġi ffirmata f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tagħha f'data ulterjuri, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn aċċess kondizzjonali (2), huwa b'dan awtorizzat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat, f'isem l-Unjoni, jinnomina l-persuna(i) awtorizzata(i) sabiex tiffirma/jiffirmaw il-Konvenzjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' April 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
A. TSAFTARIS
(1) Id-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta' servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (ĠU L 320, 28.11.1998, p. 54).
(2) It-test tal-Konvenzjoni ġie ppubblikat fil-ĠU L 336, 20.12.2011, p. 2.