2.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/21


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1409

tal-1 ta' Awwissu 2017

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 75/2013 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 f'dak li għandu x'jaqsam mad-dazji addizzjonali tal-importazzjoni fis-settur taz-zokkor u mal-kalkolu tal-kontenut tas-sukrożju fl-isoglukożju u f'ċerti ġuleppijiet

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 182(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 36 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 (2) jipprevedi dazji addizzjonali tal-importazzjoni għal ċerti prodotti fis-settur taz-zokkor.

(2)

Minħabba l-kundizzjonijiet u t-tbassir tas-suq li kien hemm dak iż-żmien, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 75/2013 (3) kien jipprevedi li d-dazji addizzjonali tal-importazzjoni ma kellhomx japplikaw għal għadd ta' prodotti taz-zokkor sa ma jintemm ir-reġim tal-kwota fit-30 ta' Settembru 2017.

(3)

Skont l-Artikolu 182(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ma għandhomx jiġu imposti dazji addizzjonali tal-importazzjoni meta l-importazzjonijiet ma jkunux mistennija jfixklu s-suq tal-Unjoni, jew meta l-effetti jkunu sproporzjonati għall-objettiv maħsub. Wara li jitneħħew il-kwoti taz-zokkor, l-importazzjonijiet tal-prodotti taz-zokkor li fuqhom għandu jitħallas id-dazju tal-importazzjoni previst fit-Tariffa Doganali Komuni aktarx li se jibqgħu ma jfixklux is-suq tal-Unjoni. B'hekk ma għandhomx jiġu imposti dazji addizzjonali fuq dawn l-importazzjonijiet sakemm ma tinbidilx b'mod sinifikanti s-sitwazzjoni tas-suq b'rabta ma' dan.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li jkomplu ma jiġux applikati d-dazji addizzjonali tal-importazzjoni għal għadd ta' prodotti taz-zokkor kif previst fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 75/2013.

(5)

Il-metodi biex jiġi kkalkulat il-kontenut tas-sukrożju fl-isoglukożju u f'ċerti ġuleppijiet previsti fl-Artikolu 42(2), (3) u (4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 se jiddaħħlu b'mod iktar ċar u aġġornat fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (4) permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1344 (5) mill-1 ta' Ottubru 2017. Għalhekk jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet jitħassru bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 75/2013 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 jiġu emendati kif xieraq.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 75/2013, id-data “30 ta' Settembru 2017” għandha tinbidel bid-data “30 ta' Settembru 2022”.

Artikolu 2

Fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006, għandu jitħassar l-Artikolu 42(2), (3) u (4).

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta' Ottubru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta' Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-kummerċ ma' pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 75/2013 tal-25 ta' Jannar 2013 li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 951/2006 fir-rigward tal-applikazzjoni ta' prezzijiet rappreżentattivi u dazji addizzjonali tal-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 892/2012 li jistabbilixxi l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2012/2013 (ĠU L 26, 26.1.2013, p. 19).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1344 tat-18 ta' Lulju 2017 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 186, 19.7.2017, p. 3).