52013PC0556

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-ftehim, f'isem l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża li jikkonċerna l-applikazzjoni, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq it-tfaddil u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa /* COM/2013/0556 final - 2013/0270 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Skont id-Deċiżjoni 2010/718/UE tal-Kunsill tad-29 ta' Ottubru 2010, il-kollettivita territorjali tal-gżira Saint-Barthélemy m'għadhiex aktar reġjun ultraperiferiku tal-Unjoni, u mill-1 ta' Jannar 2012 kisbet status ta' pajjiż u territorju ekstra-Ewropew.

Id-deċiżjoni 2010/718/UE tistipula li Franza ingaġġat ruħha biex tikkonkludi l-ftehimiet meħtieġa sabiex jitħarsu l-interessi tal-Unjoni waqt li kienet qed isseħħ din l-evoluzzjoni.

Sabiex isir progress ulterjuri fir-rigward ta' dawn il-ftehimiet, deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2011, li ntbagħtet lill-Kummissjoni Ewropea fl-24 ta' Ottubru 2011, awtorizzat lill-Kummissjoni biex tinnegozja l-kundizzjonijiet tagħhom. L-awtorizzazzjoni timmira b'mod aktar preċiż ftehim bejn ir-Repubblika Franċiża, f'isem Saint-Barthélemy, u l-Unjoni Ewropea li tipprovdi l-applikazzkjoni, f'dak li jirrigwardja dan it-territorju, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq it-tfaddil u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa.

Id-direttivi ta' negozjar mehmuża mad-Deċiżjoni tal-Kunsill jippreċiżaw, b'mod partikolari, li:

- l-għan huwa li jiġi konkluż ftehim li jipprovdi għall-applikazzjoni, f'dak li jikkonċerna lil Saint-Barthélemy, sistemi previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE[1] u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE[2] dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE[3] dwar tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul. Għal dan l-għan, huwa xieraq li wieħed jikkunsidra l-progress leġiżlattiv ġdid f'dawn l-oqsma sabiex is-sistemi applikabbli għal Saint-Barthélemy jkunu ekwivalenti għal dawk li japplikaw fi Franza metropolitana;

- il-ftehim għandu jkopri s-sistemi previsti fid-direttivi msemmija qabel. Fir-rigward tat-taxxa fuq it-tfaddil, dan il-ftehim għandu jinkludi l-pagamenti ta' interessi, kif definiti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE u l-emendi tagħha li ġejjin, li jsiru minn aġenti tal-pagamenti stabbiliti għal Saint-Barthélemy għas-sidien benefiċjarji li joqogħdu fl-UE;

- il-ftehim għandu jiġi konkluż għal tul ta' żmien indefinit.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI

Abbażi tal-awtorizzzzjoni li ngħatat lilha, il-Kummisjoni Ewropea ħejjiet abbozz ta' ftehim li ppermetta n-negozjati ma' Franza matul is-sena 2012 u l-ewwel xhur tas-sena 2013.

Barra minn hekk, l-abbozz ta' ftehim se jiġi diskuss ukoll fil-grupp ta' ħidma "Kwistjonijiet ta' tassazzjoni" tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u l-ebda Stat Membru ma għamel riżerva.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-bażi ġuridika ta' din il-propożizzjoni hija magħmula mill-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (8) tiegħu, it-tieni subparagrafu. Il-bażi ġuridika materjali hija magħmula mill-Artikoli 113 u 115 tat-TFUE. Fil-fatt, l-għan ta' din il-miżura, li madwarha huwa mibni l-kontenut tagħha, huwa li testendi l-mekkaniżmi tad-Direttivi 2011/16/UE u 2003/48/KE, ibbażati fuq dawn l-aħħar żewġ artikoli, għar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u Saint-Barthélemy.

Il-ftehim, skont it-termini tal-Artikolu 1 tiegħu, jiffoka fuq l-applikazzjoni, f'dak li jirrigwardja l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, kwistjonijiet ta' tassazzjoni koperti minn:

- id-direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, li ħassret id-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE mill-1 ta' Jannar 2013,

- id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE,

- kif ukoll l-atti li huma marbuta magħha.

Il-ftehim sar dinamiku, permezz tal-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 2. Il-ftehim japplika wkoll mhux biss l-emendi li ġejjin taż-żewġ direttivi, iżda wkoll l-atti delegati u t-twettieq, attwali u, fejn hu possibbli, dawk futuri[4]. Dan huwa meħtieġ sabiex f'kull ħin jiġi żgurat l-istess trattament fis-sitwazzjonijiet li jseħħu fl-Unjoni Ewropea min-naħa, u f'dawk li jseħħu bejn l-Istati Membri u Saint-Barthélemy min-naħa l-oħra.

L-Artikolu 3 jispeċifika d-definizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti - l-uffiċċji ċentrali u s-servizzi ta' kollegament, kif ukoll l-uffiċjali kompetenti - b'tali mod li jiggarantixxi l-koerenza mal-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni tad-Direttivi tal-Kunsill Nru 2011/16/UE u Nru 2003/48/KE li ttieħdu jew li se jittieħdu mill-Istati Membri.

Il-preżentazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea tal-istatistika u tal-informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-ftehim għall-kollettività Saint-Barthélemy hija żgurata mir-Repubblika Franċiża (l-Artikolu 4).

F'dak li jirrigwarda s-soluzzjoni tat-tilwim, huma previsti l-elementi segwenti:

- proċedura ta' ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' dawk l-Istati Membri kkonċernati biss meta l-implimentazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-ftehim twassal għal diffikultajiet jew tikkawża xi dubji fost dawn l-awtoritajiet kompetenti (l-Artikolu 5). Il-Kummissjoni Ewropea hija informata bir-riżultati tal-proċedura tal-konsultazzjoni u min-naħa tagħha trid tinforma lill-Istati Membri l-oħra. Jekk it-tilwima tkun tikkonċerna kwistjoni ta' interpretazzjoni, il-Kummissjoni tista' tieħu sehem fil-konsultazzjoni fuq it-talba ta' waħda mill-awtoritajiet kompetenti.

- f'każ li jkun hemm tilwima bejn il-partijiet tal-ftehim dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tiegħu, il-partijiet iridu jingħaqdu flimkien mal-Kummissjoni Ewropea qabel kwalunkwe tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (Artikolu 6). Il-Qorti hija l-unika waħda kompetenti biex tasal għal soluzzjoni ta' tali tilwim.

Il-formalitajiet għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim huma stabbiliti fl-Artikolu 7.

Barra minn hekk, f'konformità mad-direttivi ta' nnegozjar, l-Artikolu 8 jipprevedi li l-ftehim huwa konkluż għal tul ta' żmien indefinit, sabiex joffri lill-partijiet il-possibbiltà li jtemmuh b'mezzi diplomatiċi.

2013/0270 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar tal-ftehim, f'isem l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża li jikkonċerna l-applikazzjoni, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq it-tfaddil u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 113 u 115 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (8), it-tieni subparagrafu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew Nru 2010/718/UE tad-29 ta’ Ottubru 2010 li timmodifika l-istatus tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy[5], fir-rigward tal-Unjoni Ewropea tipprevedi li din il-gżira ma tibqax reġjun ultraperiferiku tal-Unjoni b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012 biex b'hekk tikseb l-istatus ta' pajjiż jew ta’ territorju extra-Ewropew kif imsemmi fir-raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) minn dik id-data. Ir-Repubblika Franċiża obbligat ruħha li tikkonkludi l-ftehimiet meħtieġa sabiex jiġu miżmuma l-interessi tal-Unjoni f'din il-bidla, sabiex jiġu garantiti fost l-oħrajn l-mekkaniżmi tad-Direttiva 2011/16/UE[6] u tad-Direttiva 2003/48/KE[7] japplikaw bl-istess mod fir-rigward ta' Saint-Barthélemy wara l-bidla fl-istatus tagħha.

(2)       B'segwitu għall-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill fl-20 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim mar-Repubblika Franċiża, f'isem Saint-Barthélemy, u l-Unjoni Ewropea li jipprovdi l-applikazzkjoni, f'dak li jirrigwardja dan it-territorju, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq it-tfaddil u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa.

(3)       Dan il-Ftehim għandu fil-mira li jiggarantixxi li l-mekkaniżmi taż-żewġ direttivi, li huma maħsuba b'mod partikolari biex jiġġieldu kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa transfruntiera, jiġu applikati għal dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, minkejja l-bidla fl-istatus tagħha.

(4)       Il-Ftehim għandu jkun iffirmat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data ulterjuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI,

Artikolu 1

L-iffirmar tal-ftehim, bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża li jikkonċerna l-applikazzjoni, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq it-tfaddil u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa ġie approvat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi ftehim.

It-test tal-Ftehim li għandu jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jfassal l-istrument ta' setgħat sħaħ għall-iffirmar tal-Ftehim, suġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna (jew il-persuni) indikata/indikati min-negozjatur tal-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża li jikkonċerna l-applikazzjoni, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq it-tfaddil u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa.

L-UNJONI EWROPEA, rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea,

u

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy,

Billi,

(1) Il-kollettività ta' Saint-Barthélemy hija parti integrali mir-Repubblika Franċiża iżda m'għadhiex tagħmel parti mill-Unjoni Ewropea mill-1 ta' Jannar 2012, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2010/718/UE tad-29 ta' Ottubru 2010 li timmodifika l-istatus tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni Ewropea[8];

(2) Sabiex jibqgħu jiġu mħarsa l-interessi tal-Unjoni u b'mod partikolari biex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa transfruntiera, jeħtieġ li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet li qegħdin fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa, kif ukoll dawk dwar it-taxxa fuq id-dħul mit-tfaddil f'forma ta' pagamenti tal-imgħax, ikomplu jiġu applikati f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy. Jaqbel li jiġi żgurat ukoll li t-testi li jemendaw dawn id-dispożizzjonijiet jiġu applikati f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-applikazzjoni tad-Direttivi Nru 2011/16/UE u Nru 2003/48/KE u tal-atti relatati

1. Ir-Repubblika Franċiża u l-Istati Membri l-oħra japplikaw, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, id-Direttiva Nru 2011/16/UE kif ukoll il-miżuri li kienu adottaw biex jittrasponu din id-Direttiva.

2. Ir-Repubblika Franċiża u l-Istati Membri l-oħra japplikaw, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, id-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/48/KE kif ukoll il-miżuri li kienu adottaw biex jittrasponu din id-Direttiva.

3. Ir-Repubblika Franċiża u l-Istati Membri l-oħra japplikaw, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, l-atti tal-Unjoni adottati, jekk ikun meħtieġ, abbażi tad-Direttivi msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4. Il-partijiet ta' dan il-Ftehim jispeċifikaw li l-Kummissjoni Ewropea, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, għandha l-istess kompiti bħal dawk previsti mid-Direttivi Nru 2011/16/UE u Nru 2003/48/KE, kif ukoll mill-istrumenti ġuridiċi l-oħra relatati adottati mill-Kunsill, bl-għan li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

Artikolu 2

Il-verżjonijiet applikabbli tal-atti tal-Unjoni msemmija f'dan il-Ftehim

Ir-referenzi magħmula f'dan il-Ftehim għad-Direttivi Nru 2011/16/UE u Nru 2003/48/KE kif ukoll għall-atti l-oħra tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(3) u (4) tiegħu, jinftiehmu bħala referenzi għal dawn id-Direttivi u l-atti fil-verżjoni li tkun fis-seħħ fil-mument ikkonċernat, u hekk kif ikunu ġew emendati, fejn meħtieġ, mill-atti emendatorji suċċessivi.

Artikolu 3

L-awtoritajiet kompetenti, l-uffiċċji ċentrali ta' kollegament, is-servizzi ta' kollegament, u l-uffiċjali kompetenti

Il-partijiet ta' dan il-Ftehim jispeċifikaw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont id-Direttiva Nru 2003/48/KE, kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti, l-uffiċċji ċentrali ta' kollegament, is-servizzi ta' kollegament u l-uffiċjali kompetenti maħtura skont id-Direttiva Nru 2011/16/UE mill-Istati Membri huma inkarigati bl-istess funzjonijiet u kompetenzi għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dawn id-Direttivi, f'dak li jirrigwarda l-kollettività ta' Saint-Barthélemy, f'konformità mal-Artikolu 1 ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Il-monitoraġġ

Ir-Repubblika Franċiża tippreżenta lill-Kummissjoni Ewropea l-istatistika u l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għall-kollettività ta' Saint-Barthélemy, bl-istess mod, bl-istess forma u bl-istess skadenzi ta' dawk li jridu jiġu ppreżentati fir-rigward tal-funzjonament tad-Direttivi Nru 2011/16/UE u Nru 2003/48/KE f'dak li jirrigwarda t-territorji Franċiżi li għalihom huma applikabbli dawn id-Direttivi.

Artikolu 5

Il-proċedura ta' ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet kompetenti

1. Meta l-implimentazzjoni jew l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim twassal għal diffikultajiet jew tikkawża xi dubji bejn l-awtorità kompetenti fir-rigward tal-kollettività ta' Saint-Barthélemy u awtorità kompetenti jew diversi awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, dawn l-awtoritajiet jagħmlu minn kollox biex isolvu l-kwistjoni bi ftehim reċiproku. Huma jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea bir-riżultati ta' din il-konsultazzjoni, u wara l-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri l-oħra.

2. F'dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet ta' interpretazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tista' tieħu sehem fil-konsultazzjonijiet, fuq it-talba ta' waħda mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 6

Is-soluzzjoni tat-tilwim bejn il-partijiet ta' dan il-Ftehim

1. F'każ li jkun hemm tilwima bejn il-partijiet ta' dan il-Ftehim dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tiegħu, il-partijiet iridu jingħaqdu flimkien qabel kwalunkwe tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-paragrafu 2.

2. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva biex issolvi t-tilwim ta' bejn il-partijiet ta' dan il-Ftehim fir-rigward tal-applikazzjoni jew tal-interpretazzjoni tiegħu. It-tilwima titressaq quddiem il-Qorti minn waħda minn dawn il-partijiet.

Artikolu 7

Id-dħul fis-seħħ

Kull waħda mill-partijiet kontraenti tinnotifika lill-oħra dwar l-ikkompletar tal-proċeduri meħtieġa f'dak li jirrigwardaha għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, li jkollu effett mill-għada tal-jum li fih tasal it-tieni notifika.

Artikolu 8

It-tul ta' żmien u t-terminazzjoni

Dan il-Ftehim ġie konkluż għal tul ta' żmien indefinit, bil-kundizzjoni li jiġi mitmum minn waħda mill-partijiet kontraenti wara li tkun indirizzat notifika bil-miktub lill-parti kontraenti l-oħra b'mezzi diplomatiċi. Dan il-Ftehim jiġi fi tmiemu tnax-il xahar wara li tkun waslet tali notifika.

Artikolu 9

Il-lingwi

Dan il-Ftehim huwa magħmul doppju fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana u Ungeriża, b’kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku.

Magħmul fi … fi …

Għall-Unjoni Ewropea  Għar-Repubblika Franċiża

[1]               Id-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, ĠU L 336, 27.12.1977, p. 15.

[2]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE, ĠU UE L 64, 11.3.2011, p. 1.

[3]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imgħax, ĠU UE L 157, 26.6.2003, p.38.

[4]               Din is-sitwazzjoni bl-ebda mod mhija ta' ħsara għall-pożizzjoni tal-Istati Membri fil-Kunsill, meta jkun qed jiġi deċiż jekk is-setgħat iddelegati jew ta' implimentazzjoni għandhomx jingħataw lill-Kummissjoni jew le.

[5]               ĠU UE L 325, tad-9.12.2010, p.4.

[6]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE, ĠU UE L 64, 11.3.2011, p. 1.

[7]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imgħax, ĠU UE L 157, 26.6.2003, p.38.

[8]               ĠU UE L 325, tad-9.12.2010, p.4.