|
26.5.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 185/23 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/837
tas-6 ta’ Mejju 2021
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali dwar l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 192 u 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006 (ITTA 2006) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/731/UE (1) u daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Diċembru 2011. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 6 tal-ITTA, il-Kunsill Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali (ITTC) huwa l-ogħla awtorità tal-Organizzazzjoni Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali (ITTO) u jikkonsisti mill-membri kollha tal-ITTO. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 44(1) tal-ITTA 2006, dak il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ għal perijodu ta’ 10 snin wara li jidħol fis-seħħ, sas-6 ta’ Diċembru 2021, sakemm l-ITTC, ma jiddeċidix li permezz ta’ vot speċjali f’konformità mal-Artikolu 12 tiegħu, jestendih, jinnegozjah mill-ġdid jew jitterminah. Skont l-Artikolu 44(2) tal-ITTA 2006, l-ITTC jista’ jiddeċiedi li jestendih għal żewġ perijodi, jiġifieri għal perijodu inizjali ta’ ħames snin u perijodu addizzjonali ta’ tliet snin. |
|
(4) |
L-ITTC ser jieħu deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-ITTA 2006, jew fis-57 sessjoni tiegħu li ser issir f’Novembru 2021 jew inkella b’mod intersessjonali mingħajr ma ssir laqgħa. |
|
(5) |
L-estensjoni tal-ITTA 2006 għal perijodu inizjali ta’ ħames snin hija fl-interess tal-Unjoni, minħabba li l-ITTO għadha fl-istadji bikrin tal-irkupru finanzjarju u fil-proċess ta’ riforma tal-arkitettura finanzjarja tagħha. |
|
(6) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ITTC fir-rigward tal-estensjoni tal-ITTA 2006, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali għandha tkun li tagħti kunsens jew tivvota favur l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali 2006 għal perijodu inizjali ta’ ħames snin.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/731/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali (ĠU L 294, 12.11.2011, p. 1).