SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

27 ta’ April 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Miżuri, proċeduri u rimedji neċessarji sabiex ikun żgurat ir-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – Dritt għall-informazzjoni – Locus standi – Neċessità li tiġi stabbilita minn qabel l-eżistenza ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali”

Fil-Kawża C‑628/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Lulju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Ottubru 2021, fil-kawża

TB

fil-preżenza ta’:

Castorama Polska sp. z o.o.,

“Knor” sp. z o.o.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič (Relatur), I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Castorama Polska sp. z o.o., minn M. Markiewicz, M. Mioduszewski u Z. Ochońska, radcowie prawni,

–

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u G. Kunnert, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda u U. Małecka, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn TB u hija intiża sabiex Castorama Polska sp. z o.o., kumpannija stabbilita f’Varsavja (il-Polonja), u “Knor” sp. z o.o., kumpannija stabbilita f’Gliwice (il-Polonja), tipprovdi informazzjoni dwar l-oriġini u n-networks ta’ distribuzzjoni ta’ merkanzija jew ta’ servizzi li jippreġudikaw dritt ta’ proprjetà intellettwali li TB issostni li hija d-detentriċi tiegħu.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2004/48

3

Skont il-premessi 10, 13, 17 u 19 tad-Direttiva 2004/48:

“(10)

L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern.

[…]

(13)

Huwa neċessarju li ssir definizzjoni ta’ l-għan wiesa’ kemm jista’ jkun ta’ din id-Direttiva ħalli tkopri d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti bid-dispożizzjonijiet tal-Komunità f’dan il-qasam u/jew bil-liġijiet nazzjonali ta’ l-Istat Membru konċernat. Madanakollu, dik il-ħtieġa ma taffettwax il-possibilità, fuq il-parti ta’ dawk l-Istati Membri li jixtiequ, li jestendu, għall-għanijiet interni, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fejn jinkludu atti dwar kompetizzjoni mhux ġusta, inklużi kopji parasiti, jew attivitajiet simili.

[…]

(17)

Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għal din id-Direttiva għandhom ikunu determinati għal kull każ b’manjiera li jiġi kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dak il-każ, li jinkludu il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dritt ta’ proprjetà intellettwali u, fejn hu xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-kontravvenzjoni.

[…]

(19)

Minħabba li d-drittijiet ta’ l-awtur jeżistu sa mill-bidu tal-kreazzjoni tax-xogħol u ma tirrikjedix reġistrazzjoni formali, huwa xieraq li tiġi addotata ir-regola stipulata fl-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Berna [għall-protezzjoni tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi, iffirmata f’Berna fid‑9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat‑28 ta’ Settembru 1979], li tistabbilixxi l-preżunzjoni fejn l-awtur ta’ biċċa xogħol letterarja u artistika tkun meqjusa tiegħu/tagħha jekk ismu/isimha jidher fuq il-biċċa xogħol. Preżunzjoni simili għandha tiġi applikata għall-proprjetarji ta’ drittijiet relatati minħabba li ħafna drabi huwa dak li qiegħed iżomm id-dritt relatat, bħal produttur ta’ fonogramm, li jfittex li jiddefendi d-drittijiet u jidħol fi ġlieda kontra azzjonijiet ta’ piraterija.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Materja tas-suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu “diritijiet tal-proprjetà intellettwali” jinkludi id-drittijiet tal-proprjetà industrijali.”

5

Taħt il-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-Miżuri, il-Proċeduri u r-Rimedji”, l-Artikolu 3 ta’ din tal-aħħar, intitolat “Obbligu Ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.   Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

6

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Il-persuni ntitolati biex japplikaw għall-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala persuni intitolati biex jistgħu japplikaw għall-miżuri, għall-proċeduri u għar-rimedji li għalihom saret riferenza f’dan il-kapitolu:

(a)

id-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli;

(b)

il-persuni l-oħra kollha awtoriżżati, b’mod partikolari dawk li għandhom liċenza, safejn huwa permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli;

(ċ)

is-soċjetajiet li jamministraw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod kollettiv li huma regolarment rikonoxxuti bħala rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet intellettwali, safejn hu permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli;

(d)

is-soċjetajiet professjonali ta’ difiża li huma regolarment rikonoxxuti bħala rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, safejn hu permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli.”

7

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “L-evidenza”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fuq l-applikazzjoni ta’ xi parti li ppreżentat evidenza raġjonevoli u suffiċjenti biex tissportja it-talba tagħha, u għandha, fis-sostanzjament ta’ dawk it-talbiet, evidenza speċifika li qegħda fil-kontroll tal-parti opposta, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarja jistgħu jordnaw li dik l-evidenza tiġi ppreżentata mill-parti opposta, bla ħsara għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali. Għall-għanijiet ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu kampjun raġjonevoli ta’ numru sostanzjali ta’ kopji tal-biċċa xogħol jew ta’ xi oġġett ieħor protett li jista’ jiġi kkunsidrat mill-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji bħala evidenza raġjonevoli.”

8

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-miżuri biex tiġi ppreservata l-evidenza”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, anke qabel ma jibdew il-proċeduri fuq il-merti tal-każ, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jistgħu, fuq l-applikazzjoni ta’ xi parti li ppreżentat evidenza raġjonevoli u li hi disponnibbli biex jissapportjaw it-talbiet tiegħu/tagħha li d-dritt tal-proprjetà intellettwali tiegħu/tagħha kienu miksura jew kienu sa jinkisru, jordnaw miżuri proviżorji immedjati u effettivi biex tiġi ippreservata l-evidenza rilevanti fir-rigward tal-kontravvenzjoni allegata, bla ħsara għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu deskrizzjoni dettaljata, ma’ jew mingħajr kampjuni, jew il-qabda fiżika ta’ l-oġġetti li biha saret il-kontravvenzjoni, u, f’każijiet xierqa, il-materjali u l-istrumenti użati għall-produzzjoni u/jew id-distribuzzjoni ta’ dawn l-oġġetti u d-dokumenti relatati magħhom. Dawk il-miżuri għandhom jittieħdu, jekk hu neċessarju mingħajr li l-parti l-oħra tkun nstemgħet, b’mod partikolari fejn dewmien jista’ joħloq ħsara irreparabbli lid-detentur tad-drittijiet jew fejn hemm riskju li jista’ jintwera li l-evidenza tista’ tiġi destrutta.

Fejn il-miżuri biex tiġi ppreservata l-evidenza ġew addotati mingħajr ma nstemgħet il-parti l-oħra, il-partijiet affettwati għandhom ikunu notifikati, mingħajr dewmien l-aktar tard wara li tkun saret l-esekuzzjoni tal-miżuri. Reviżjoni, li tinkludi d-dritt ta’ smigħ, għandha ssir fuq talba tal-partijiet affettwati bl-għan li ssir deċiżjoni, fi żmien raġjonevoli wara n-notifikazzjoni tal-miżuri, liema miżuri jiġu modifikati, revokati jew konfermati jew le.”

9

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għall-informazzjoni” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u b’risposta għal talba ġustifikata u proporżjonali ta’ min għamel il-klejm, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jistgħu jordnaw li l-informazzjoni fuq n-networks ta’ l-oriġini u tad-distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew is-servizzi li tikser id-dritt għall-proprjetà intellettwali għandu jkun pprovdut mill-kontravventur u/jew xi persuna oħra li:

(a)

instab f’possessjoni ta’ l-oġġetti li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

(b)

instab juża is-servizzi li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

(ċ)

instab li qed jipprovdi fuq skala kummerċjali servizzi użati biex jagħmlu attivitajiet li jikkontravjenu;

jew

(d)

kien indikat mill-persuna li għaliha saret riferenża fil-punti (a), (b) jew (ċ) bħala li kienet involuta fil-produzzjoni, manifattura jew distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew tal-provvista tas-servizzi.”

10

L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Il-miżuri proviżorji u prekawzjonarji”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu, fuq talba ta’ l-applikant:

(a)

joħorġu kontra l-kontravventur mandat interlokutorju intiż biex jipprevjeni kontravvenzjoni imminenti tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, jew biex jipprojbixxi, fuq bażi proviżorja u bla ħsara, li jsir pagament rikorrenti tal-penalità fejn hemm provdut fil-liġi nazzjonali, il-kontinwazzjoni tal-kontravvenzjonijiet allegati ta’ dak id-dritt, jew biex jagħmel dik il-kontinwazzjoni bla ħsara għal depożitu tal-garanziji intiżi biex jassiguraw il-kumpens tad-detentur tad-dritt; mandat interlokutorju jista’ jinħareġ wkoll, taħt l-istess kondizzjonijiet, kontra intermedjarju li s-servizzi tiegħu qegħdin jiġu użati minn parti terzi biex issir kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali; mandati kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom qegħdin jintużaw minn parti terzi biex jiksru id-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati li jaqgħu taħt id-Direttiva 2001/29/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230)];

(b)

jordnaw il-qabda jew il-konsenja ta’ l-oġġetti suspettati li jikkontravjenu id-dritt tal-proprjetà intellettwali biex jipprevjenu d-dħul tagħhom jew il-moviment tagħhom fil-mezzi tal-kummerċ.

2.   Fil-każ ta’ kontravvenzjoni kommessa fuq skala kummerċjali, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li, jekk il-parti offiża turi li hemm riskju li l-ħsara ma tistax tissewwa, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw s-sekwestru ta’ proprjetà mobbli jew mhux mobbli tal-kontravventur allegat, li jinkludu l-waqfien tal-kontijiet bankarji tiegħu/tagħha u assi oħra. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jordaw komunikazzjoni tal-bank, finanzarja jew dokumenti kummerċjali jew aċċess xieraq għall-informazzjoni rilevanti.

3.   L-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom, b’rispett għall-miżuri li saret riferenza għalihom fil-paragrafi 1 u 2, l-awtorità li jitolbu l-applikant li jipprovdi evidenza raġjonevoli u li hi disponibbli biex jissodisfaw lilhom nfushom bi grad suffiċenti ta’ ċertezza li l-applikant huwa d-detentur tad-dritt u li d-dritt ta’ l-applikant li kien kontravvenut jew li din il-kontravvenzjoni hija imminenti.”

Id‑dritt Pollakk

11

L-Artikolu 47989 tal-ustawa Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. 1964, Nru 43, entrata 296), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali (Dz. U. tal‑2020, entrata 1575) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, jipprevedi:

“1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima japplikaw għall-kawżi relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà industrijali u għall-protezzjoni ta’ drittijiet oħra relatati mal-proprjetà intanġibbli (kawżi ta’ proprjetà intellettwali).

2.   Huma meqjusa ukoll bħala kawżi ta’ proprjetà intellettwali, fis-sens ta’ din it-taqsima, il-kawżi dwar:

(1)

il-prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali u l-ġlieda kontriha;

[…]”

12

L-Artikolu 479112 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili huwa fformulat kif ġej:

“Id-dispożizzjonijiet dwar il-persuna li għandha tipprovdi l-informazzjoni japplikaw għal kwalunkwe persuna, inkluż il-konvenut, li għandha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 479113 jew li għandha aċċess għaliha.”

13

Skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 479113 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili:

“1.   Fuq talba tad-detentur tad-dritt, jekk dan tal-aħħar juri, b’mod plawżibbli, li jeżistu ċirkustanzi li jikkaratterizzaw ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, il-qorti tista’, qabel jinbdew proċeduri relatati mal-ksur ta’ dan id-dritt jew matul dawn il-proċeduri sat-tmiem tas-seduta fl-ewwel istanza, tistieden lil min wettaq il-ksur jipprovdi informazzjoni dwar l-oriġini u n-networks ta’ distribuzzjoni tal-merkanzija jew tas-servizzi, fejn dan ikun neċessarju għall-ħtiġijiet tal-azzjoni tad-detentur.

2.   Fejn it-talba tal-qorti għal informazzjoni titressaq qabel ma tinbeda l-proċedura relatata mal-ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali, din il-proċedura għandha tinbeda sa mhux iktar tard minn xahar mid-data li fiha l-ordni relatata mat-talba għal informazzjoni tiġi eżegwita.”

14

L-Artikolu 1 tal-ustawa o prawie autorskim i prawach pokrewnych (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), tal‑4 ta’ Frar 1994 (Dz. U. 1994, Nru 24, entrata 83), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali (Dz. U. tal‑2021, entrata 1062), jipprovdi:

“1.   Id-drittijiet tal-awtur għandhom bħala suġġett kull manifestazzjoni ta’ attività kreattiva ta’ natura individwali, tkun xi tkun il-forma tagħha, indipendentement mill-valur tagħha, id-destinazzjoni tagħha u l-mod ta’ espressjoni tagħha (xogħol).

2.   Id-drittijiet tal-awtur għandhom bħala suġġett, b’mod partikolari, ix-xogħlijiet:

[…]

(2)

ta’ plastik;

21.   Huwa biss il-mod ta’ espressjoni li jista’ jiġi protett; l-iskoperti, l-ideat, il-proċeduri, il-metodi u prinċipji ta’ funzjonament u l-kunċetti matematiċi ma humiex protetti.

[…]

4.   Il-protezzjoni tingħata lill-kreatur indipendentement minn kull formalità.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

15

TB hija persuna fiżika li tinnegozja f’oġġetti ta’ dekorazzjoni fil-ħwienet online tagħha. Fil-kuntest tal-attività tagħha, hija tbigħ ir-riproduzzjonijiet tal-immaġni A, B u C, imwettqa b’mod mekkaniku minnha stess. Kull waħda minn dawn l-immaġni tippreżenta grafika sempliċi, magħmula minn numru limitat ta’ kuluri, figuri ġeometriċi u frażijiet qosra. F’dan ir-rigward, l-immaġni A, B u C jinkludu, rispettivament, il-frażijiet li ġejjin: “Mój dom moje zasady” (“Id-dar tiegħi, ir-regoli tiegħi”), “Nie ma ludzi idealnych a jednak jestem” (“Ħadd ma huwa perfett, minbarra jiena”) u “W naszym domu rano słychać tupot małych stopek. Zawsze pachnie pysznym ciastem. Mamy dużo obowiązków, mnóstwo zabawy i miłości” (“Filgħodu, fid-dar tagħna, tisma’ t-taptip ta’ passi żgħar. Ta’ kuljum, tiġri mad-dar riħa tfuħ ta’ xi kejk jinħema. Għandna ħafna dmirijiet, kuntentizza u mħabba”). TB tippreżenta ruħha bħala l-kreatriċi ta’ dawn l-immaġni, li, fil-fehma tagħha, jikkostitwixxu “xogħlijiet” fis-sens tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur.

16

Riproduzzjonijiet tal-imsemmija immaġini jinbigħu fis-suq minn Castorama Polska u minn Knor (iktar ’il quddiem ir-“riproduzzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Kopji eżatti tal-immaġni A u B jinbigħu fil-ħwienet online u fil-ħwienet ta’ Castorama Polska u huma pprovduti minn Knor. Castorama Polska tbigħ ukoll immaġni pprovduti minn Knor, li jinkludu kliem identiku għal dak tal-immaġni C, iżda li, meta mqabbla magħha, għandhom ċerti differenzi ta’ grafika u ta’ tipa. La r-riproduzzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas l-immaġni stess li huma s-suġġett tagħha ma jsemmu l-awtur jew l-oriġini tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, TB ma tatx il-kunsens tagħha għal dawn ir-riproduzzjonijiet u lanqas għall-bejgħ ta’ dawn tal-aħħar minn Castorama Polska u minn Knor.

17

Fit‑13 ta’ Ottubru 2020, TB intimat lil Castorama Polska sabiex tieqaf tikser id-drittijiet tal-awtur ekonomiċi u morali fir-rigward tax-“xogħlijiet” li hija ħolqot.

18

Fil‑15 ta’ Diċembru 2020, TB adixxiet lill-qorti tar-rinviju, abbażi tal-Artikolu 479113 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, b’talba intiża sabiex Castorama Polska u Knor jiġu ordnati jipprovdu informazzjoni dwar ir-riproduzzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda n-networks ta’ distribuzzjoni u l-kwantità tal-merkanzija li jirċievu jew jordnaw dawn tal-aħħar, kif ukoll il-lista sħiħa tal-fornituri tagħhom, id-data li fiha din il-merkanzija titqiegħed għall-bejgħ fil-ħwienet u fil-ħanut online ta’ Castorama Polska, kif ukoll il-kwantità u d-dħul mill-bejgħ tal-imsemmija merkanzija, imqassma bejn il-bejgħ fil-ħwienet u l-bejgħ online.

19

TB indikat li hija kienet detentriċi ta’ drittijiet tal-awtur ekonomiċi u morali fir-rigward tal-immaġni tar-riproduzzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li din l-informazzjoni kienet neċessarja sabiex titressaq azzjoni għal ksur tad-drittijiet tal-awtur tagħha u, sussidjarjament, azzjoni għad-danni għal kompetizzjoni żleali.

20

Castorama Polska titlob li l-qorti tar-rinviju tiċħad din it-talba għal informazzjoni u, sussidjarjament, li l-portata tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata tkun limitata kemm jista’ jkun, billi ssostni li din tal-aħħar għandha tkun strettament limitata għal “xogħlijiet”, fis-sens tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur, filwaqt li tikkontesta il-possibbiltà stess li l-immaġni tar-riproduzzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jkunu kklassifikati bħala “xogħlijiet”, fis-sens ta’ din il-liġi. Hija titlob ukoll il-protezzjoni tas-sigriet tan-negozju u ssostni li TB ma wrietx li hija kellha d-drittijiet tal-awtur ekonomiċi fir-rigward ta’ dawn ir-riproduzzjonijiet. Skont Castorama Polska, ix-xogħlijiet intellettwali li ssemmi TB fit-talba tagħha ma humiex oriġinali u li din tal-aħħar naqset milli turi li l-kundizzjoni tan-natura ġdida tagħhom kienet issodisfatta. Il-fatt li tintlaqa’ din it-talba ikun, għalhekk, jimplika li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tingħata lil “ideat” u “kunċetti”, peress li l-immaġni tal-imsemmija riproduzzjonijiet huma parti mill-moda kurrenti ta’ “immaġnijiet sempliċi ta’ motivazzjoni”, b’“sentenzi banali”. Castorama Polska tqis, barra minn hekk, li l-elementi grafiċi kollha ta’ dawn l-immaġni huma banali u repetittivi u li bl-ebda mod ma jippreżentaw xi forma ta’ oriġinalità, kemm jekk fir-rigward tal-kompożizzjoni tagħhom, tal-kuluri tagħhom u kif ukoll fir-rigward tat-tipa użata jew tal-immaġni l-oħra li wieħed jista’ jsib fis-suq.

21

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-provi prodotti minn TB jikkonsistu biss, minn naħa, f’materjal stampat tas-sit internet tagħha li jippreżenta oġġetti għall-bejgħ fil-ħwienet online tagħha, kif ukoll fatturi redatti sa mis-sena 2014 u, min-naħa l-oħra, f’materjal stampat tas-siti internet ta’ Castorama Polska u fatturi dwar il-bejgħ ta’ immaġni fil-ħanut online ta’ din tal-aħħar.

22

Għall-finijiet tal-eżami tat-talba ta’ TB fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni jekk, fil-kuntest ta’ proċedura għal talba għal informazzjoni li tkun inbdiet abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun id-detentriċi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali invokati insostenn tat-talba tagħha għandux ikun stabbilit b’mod sħiħ jew sempliċement “muri b’mod plawżibbli” minn din tal-aħħar.

23

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 8(1), moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2004/48], għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għal miżura ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li tkun miftuħa biss jekk jiġi stabbilit, fil-kuntest ta’ din il-proċedura jew ta’ proċedura oħra, li l-persuna kkkonċernata tkun detentur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

(2)

L-Artikolu 8(1), moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2004/48/KE], għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa suffiċjenti li jiġi stabbilit prima facie li l-miżura tikkonċerna dritt tal-proprjetà intellettwali eżistenti pjuttost milli jiġi pprovat dan il-fatt, b’mod partikolari fl-ipoteżi fejn it-talba għal informazzjoni dwar l-oriġini u n-networks ta’ distribuzzjoni ta’ merkanzija jew ta’ servizzi titressaq qabel il-preżentata ta’ azzjoni għad-danni għal ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali?”

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

24

Il-Gvern Awstrijak jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48 ma hijiex neċessarja sabiex tiġi deċiża t-tilwima fil-kawża prinċipali.

25

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (sentenzi tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Impacto Azul, C‑186/12, EU:C:2013:412, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, kemm-il darba d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi. Minn dan isegwi li domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, fejn il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, BalevBio, C‑76/20, EU:C:2021:441, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha, barra minn hekk, tindika r-raġunijiet preċiżi li jkunu wasslu lill-qorti nazzjonali li titlob l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li tqis neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Roma Multiservizi u Rekeep, C‑332/20, EU:C:2022:610, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tfisser b’mod ċar biżżejjed il-kuntest ġuridiku u fattwali u r-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet li hija tqis neċessarja sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha. B’mod partikolari, ma jidhirx b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda rabta mat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika.

29

Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

30

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ azzjoni dwar ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, ir-rikorrent għandux, għall-finijiet ta’ talba għal informazzjoni taħt dan l-Artikolu 8, juri li huwa d-detentur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni jew jekk huwiex biżżejjed li juri b’mod plawżibbli li huwa d-detentur ta’ dan id-dritt ta’ proprjetà intellettwali, b’mod partikolari fejn it-talba għal informazzjoni titressaq qabel il-preżentata ta’ azzjoni għad-danni għal ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali.

31

Permezz ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2019, IT Development, C‑666/18, EU:C:2019:1099, punt 38) u li jwettaq armonizzazzjoni minima fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali b’mod ġenerali (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Constantin Film Verleih, C‑264/19, EU:C:2020:542, punt 36).

32

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 8(1)(a) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-kuntest ta’ azzjoni relatata ma’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali u bħala tweġiba għal talba ġġustifikata u proporzjonata tar-rikorrent, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jordnaw li l-informazzjoni dwar l-oriġini u n-networks ta’ distribuzzjoni tal-merkanzija jew is-servizzi li jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali tiġi pprovduta minn min iwettaq il-ksur u/jew minn kwalunkwe persuna oħra li tkun instabet fil-pussess tal-merkanzija kontrafatta fuq skala kummerċjali.

33

Għalhekk, fir-rigward tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li din ma tipprevedix, fiha nnifisha, l-obbligu tar-rikorrent li juri li huwa d-detentur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali kkonċernat.

34

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/48, il-persuni li jistgħu jitlobu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti fil-Kapitolu II tagħha għandhom jaqgħu taħt waħda mill-erba’ kategoriji ta’ persuni jew korpi elenkati taħt il-paragrafi (a) sa (d) ta’ dan l-artikolu. Dawn il-kategoriji jinkludu, l-ewwel, id-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli, it-tieni, il-persuni l-oħra kollha awtorizzati li jużaw dawn id-drittijiet, b’mod partikolari d-detenturi ta’ liċenzji, sa fejn il-leġiżlazzjoni applikabbli tippermettilhom jagħmlu dan u konformement ma’ din tal-aħħar, it-tielet, l-organi ta’ amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali rrikonoxxuti b’mod regolari li għandhom il-kapaċità li jirrappreżentaw detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli jippermettulhom jagħmlu dan u konformement ma’ dawn tal-aħħar, u, ir-raba’, l-organi ta’ difiża professjonali rrikonoxxuti b’mod regolari li għandhom il-kapaċità li jirrappreżentaw detenturi ta’ drittijiet ta’proprjetà intellettwali, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli jippermettulhom jagħmlu dan u konformement ma’ dawn tal-aħħar.

35

Skont l-Artikolu 4(a) ta’ din id-direttiva dwar id-“detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”, din id-dispożizzjoni tista’ tinftiehem fis-sens li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, ir-rikorrent għandu juri li huwa tassew id-detentur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali kkonċernat.

36

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Quadrant Amroq Beverages, C‑332/21, EU:C:2022:1031, punt 42).

37

Għaldaqstant, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48, għandu jiġi eżaminat il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll l-għanijiet li din id-direttiva tfittex li tilħaq.

38

Fir-rigward tal-livell ta’ prova meħtieġ għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-“miżuri, il-proċeduri u r-rimedji” previsti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48, jirriżulta, b’mod partikolari mill-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, li, għall-finijiet tal-preżentata ta’ talba għal produzzjoni ta’ provi mill-parti l-oħra, min iressaq it-talba għandu jippreżenta “evidenza [raġonevolment aċċessibbli] u suffiċjenti biex tissportja it-talba tagħha”. L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jeżiġi li, għall-finijiet tal-preżentata ta’ talba għal miżuri provviżorji ta’ konservazzjoni ta’ provi, min iressaq it-talba għandu jippreżenta “evidenza [raġonevolment aċċessibbli] u li hi disponnibbli biex jissapportjaw it-talbiet tiegħu/tagħha li d-dritt tal-proprjetà intellettwali tiegħu/tagħha kienu miksura jew kienu sa jinkisru”. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 9 tal-istess direttiva, fir-rigward ta’ miżuri provviżorji u kawtelatorji, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom is-setgħa li jeżiġu li r-rikorrent jipprovdi “evidenza raġjonevoli u li hi disponibbli biex jissodisfaw lilhom nfushom bi grad suffiċenti ta’ ċertezza li l-applikant huwa d-detentur tad-dritt u li d-dritt ta’ l-applikant li kien kontravvenut.”

39

Fir-rigward tal-għan, mill-premessi 10 u 13 tagħha jirriżulta, rispettivament, li dan l-għan huwa dak li jiġu approssimati l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri sabiex ikun żgurat livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma intiżi sabiex jirregolaw l-aspetti kollha marbuta mad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li huma inerenti, minn naħa, għar-rispett ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, għall-ksur ta’ dawn tal-aħħar, billi jimponu l-eżistenza ta’ rimedji effettivi intiżi sabiex jipprevjenu, iwaqqfu jew jirrimedjaw kwalunkwe ksur ta’ dritt eżistenti ta’ proprjetà intellettwali (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2019, IT Development, C‑666/18, EU:C:2019:1099, punti 38 u 40).

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-proċedura ta’ talba għal informazzjoni, prevista fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 għall-benefiċċju tad-detentur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, tikkostitwixxi proċedura ta’ natura awtonoma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M., C‑597/19, EU:C:2021:492, punti 81 u 82).

41

Dejjem skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tkun żgurata protezzjoni għolja tal-proprjetà intellettwali, għandha tiġi miċħuda interpretazzjoni li tirrikonoxxi d-dritt għall-informazzjoni previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 biss fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex ikun ikkonstatat ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali peress li tali livell ta’ protezzjoni jista’ ma jkunx żgurat jekk ma jkunx possibbli li dan id-dritt għall-informazzjoni jiġi eżerċitat ukoll fil-kuntest ta’ proċedura awtonoma li tinbeda wara l-għeluq definittiv ta’ azzjoni li tkun wasslet għall-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, NEW WAVE CZ, C‑427/15, EU:C:2017:18, punt 24).

42

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għandu jiġi applikat l-istess raġunament fir-rigward ta’ proċedura awtonoma li tippreċedi l-azzjoni għal kumpens li fiha, skont l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/48, rikorrent jitlob l-informazzjoni li tippermettilu, preċiżament, li jkun jista’ jressaq, b’mod utli, azzjoni legali kontra l-persuni li allegatament wettqu l-ksur (sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M., C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 82).

43

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt għall‑informazzjoni previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 jikkonkretizza d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jiżgura, b’dan il-mod, l-eżerċizzju effettiv tad-dritt fundamentali għall-proprjetà, li minnu jagħmel parti d-dritt għall-proprjetà intellettwali protett fl-Artikolu 17(2) tagħha. Għalhekk, dan id-dritt għall‑informazzjoni jippermetti lid-detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali li jidentifika l-persuna li tikser dan tal-aħħar u li jieħu l-miżuri neċessarji, bħal li jressaq talbiet għal miżuri provviżorji, previsti fl-Artikolu 9(1) u (2) ta’ din id-direttiva, jew għal danni, previsti fl-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, sabiex jipproteġi dan id-dritt ta’ proprjetà intellettwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M., C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 83). Fil-fatt, mingħajr ma jkollu għarfien sħiħ tal-portata tal-ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali tiegħu, id-detentur tal-imsemmi dritt ta’ proprjetà intellettwali ma jkunx jista’ jikkalkola b’mod preċiż id-danni li għalihom huwa jkun intitolat minħabba dan il-ksur.

44

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn din il-ġurisprudenza kollha jirriżulta b’mod ċar li għandha ssir distinzjoni bejn il-funzjoni ta’ talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48 u dik ta’ azzjoni legali intiża sabiex jiġi kkonstatat ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali.

45

It-talba għal informazzjoni prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48 għandha għan differenti minn dak tal-azzjoni intiża sabiex jiġi kkonstatat ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali. Li kieku din it-talba kienet suġġetta għall-istess rekwiżiti ta’ prova bħalma hija l-azzjoni legali intiża sabiex jiġi kkonstatat ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, il-proċedura awtonoma stabbilita f’dan l-Artikolu 8, li tikkostitwixxi aspett speċifiku tad-dritt tal-Unjoni, titlef parti kbira mill-utilità prattika tagħha.

46

Barra minn hekk, sabiex tiġi ppreċiżata n-natura suffiċjenti tal-provi prodotti fil-kuntest tal-proċedura ta’ talba għal informazzjoni prevista fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali invokat u l-formalitajiet speċjali li possibbilment jikkundizzjonaw il-proprjetà ta’ dan id-dritt.

47

Dan jirriżulta wkoll mill-premessa 17 tal-imsemmija direttiva li tiddikjara li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti għandhom ikunu ddeterminati każ b’każ, b’mod li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi tal-każ, b’mod partikolari l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dritt ta’ proprjetà intellettwali u, fejn hu xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-ksur li jkun twettaq.

48

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li fil-kawża prinċipali huma d-drittijiet tal-awtur ta’ TB li huma inkwistjoni.

49

F’dan ir-rigward, il-premessa 19 tad-Direttiva 2004/48 tenfasizza, barra minn hekk, li “d-drittijiet ta’ l-awtur jeżistu sa mill-bidu tal-kreazzjoni tax-xogħol u ma tirrikjedix reġistrazzjoni formali”.

50

Fir-rigward tad-drittijet tal-awtur, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-kunċett ta’ “xogħol” jikkonsisti f’żewġ elementi. Minn naħa, dan il-kunċett jeħtieġ oġġett oriġinali li huwa kreazzjoni intellettwali tal-awtur tiegħu stess u, min-naħa l-oħra, jeħtieġ l-espressjoni ta’ din il-kreazzjoni. Fir-rigward tal-ewwel element, sabiex oġġett jitqies bħala oriġinali, huwa kemm meħtieġ kif ukoll suffiċjenti li jirrifletti l-personalità tal-awtur tiegħu, billi juri l-għażliet ħielsa u kreattivi ta’ dan tal-aħħar. Fir-rigward tat-tieni element, il-kunċett ta’ “xogħol” imsemmi fid-Direttiva 2001/29/KE jimplika neċessarjament l-eżistenza ta’ oġġett li jista’ jiġi identifikat bi preċiżjoni u oġġettività suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Brompton Bicycle, C‑833/18, EU:C:2020:461, punti 22 sa 25).

51

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk TB ipproduċietx provi suffiċjenti li jistabbilixxu li hija d-detentriċi tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali kkonċernat.

52

Fl-istess sens, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/48 jipprovdi li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji, previsti fil-Kapitolu II ta’ din tal-aħħar, għandhom ikunu, inter alia, ġusti u ekwi u ma għandhomx ikunu għaljin bla bżonn. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, dawn il-miżuri, proċeduri u rimedji għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, kif ukoll dissważivi u jiġu applikati b’mod li joffru salvagwardji kontra l-użu abbużiv tagħhom. Dan l-Artikolu 3 jobbliga, għalhekk, lill-Istati Membri u, fl-aħħar mill-aħħar, lill-qrati nazzjonali, li joffru garanziji li, b’mod partikolari, it-talba għal informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva ma tintużax b’mod abbużiv (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Phoenix Contact, C‑44/21, EU:C:2022:309, punt 43).

53

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tat-talba għal informazzjoni li hija adita biha, kif ukoll li tivverifika li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma nqdietx b’din it-talba b’mod abbużiv. Għal dan l-għan, hija dik il-qorti li għandha tqis kif xieraq ċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Bayer Pharma, C‑688/17, EU:C:2019:722, punt 70).

54

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-każ li din il-qorti tar-rinviju tasal sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ abbuż ta’ drittijiet, hija għandha tirrifjuta l-benefiċċju tad-dritt għall‑informazzjoni previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ azzjoni relatata ma’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali skont din id-dispożizzjoni, ir-rikorrent għandu, għall-finijiet ta’ talba għal informazzjoni abbażi ta’ dan l-Artikolu 8, jipprovdi kull prova raġonevolment aċċessibbli sabiex il-qorti adita b’din it-talba tkun konvinta, b’ċertezza suffiċjenti, li huwa d-detentur ta’ dan id-dritt, billi jippreżenta provi xierqa fid-dawl tan-natura tal-imsemmi dritt u tal-formalitajiet speċjali li possibbilment japplikaw.

Fuq l‑ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

fil-kuntest ta’ azzjoni relatata ma’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali skont din id-dispożizzjoni, ir-rikorrent għandu, għall-finijiet ta’ talba għal informazzjoni abbażi ta’ dan l-Artikolu 8, jipprovdi kull prova raġonevolment aċċessibbli sabiex il-qorti adita b’din it-talba tkun konvinta, b’ċertezza suffiċjenti, li huwa d-detentur ta’ dan id-dritt, billi jippreżenta provi xierqa fid-dawl tan-natura tal-imsemmi dritt u tal-formalitajiet speċjali li possibbilment japplikaw.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.