|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/92 |
21.1.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/92
tal-20 ta’ Jannar 2025
li jagħmel importazzjonijiet ta’ klorur tal-kolin li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li informat lill-Istati Membri,
Billi:
|
(1) |
Fil-31 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ klorur tal-kolin li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. |
|
(2) |
Dan il-bidu segwa lment imressaq fis-17 ta’ Settembru 2024 mill-industrija tal-Unjoni f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-klorur tal-kolin. |
1. PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI
|
(3) |
Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa klorur tal-kolin (choline chloride “CC”), fil-forom u l-puritajiet kollha, kemm jekk fuq trasportatur kif ukoll jekk le, b’kontenut minimu ta’ klorur tal-kolin ta’ 30 % skont il-piż, eskluż it-tetra idrat tal-klorur tal-kolin tal-kalċju fosforil bin-numru CAS 72556-74-2, attwalment ikklassifikat taħt il-kodiċijiet NM ex 2923 10 00 , ex 2309 90 31 , ex 2309 90 96 , ex 2106 u 3824 99 96 (kodiċi addizzjonali TARIC 89ID) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. |
2. REĠISTRAZZJONI
|
(4) |
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni bl-għan li jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji jistgħu, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa, jiġu imposti retroattivament fuq l-importazzjonijiet irreġistrati skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għal reġistrazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Il-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji se jiġu vvalutati fir-regolament li jimponi dazji definittivi, jekk ikun hemm. |
|
(6) |
Kwalunkwe obbligazzjoni futura tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni anti-dumping. |
|
(7) |
Il-kalkoli forniti fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġnijiet tad-dumping ta’ bejn 26 % u 121 % u livell medju ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ bejn 85 % u 86 % għall-prodott ikkonċernat għall-perjodu mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024. L-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli normalment jiġi stabbilit fl-aktar livell baxx ta’ dawk iż-żewġ livelli f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. |
|
(8) |
Madankollu, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tagħti stima tal-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli. Għalhekk, l-ammonti msemmija fl-ilment huma biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma jistgħux joħolqu aspettattivi dwar il-livell attwali ta’ obbligazzjoni li se jiġi stabbilit bħala riżultat tal-investigazzjoni. |
3. PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI
|
(9) |
Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-klorur tal-kolin, fil-forom u l-puritajiet kollha, kemm jekk fuq trasportatur kif ukoll jekk le, b’kontenut minimu ta’ klorur tal-kolin ta’ 30 % skont il-piż, eskluż it-tetra idrat tal-klorur tal-kolin tal-kalċju fosforil bin-numru CAS 72556-74-2, attwalment ikklassifikat taħt il-kodiċijiet NM ex 2923 10 00 , ex 2309 90 31 , ex 2309 90 96 , ex 2106 u 3824 99 96 (kodiċi addizzjonali TARIC 89ID) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
2. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI:http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) ĠU C, C/2024/6602, 31.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6602/oj.
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, , u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/92/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)