|
21.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 88/7 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018
(2017/C 088/03)
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)
|
— |
waqt li kkunsidra l-Proposta mill-Kummissjoni Ewropea għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (1); |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
|
1. |
jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li l-2018 tiġi kklassifikata bħala s-“Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali” u jaqbel mal-għanijiet speċifiċi u globali ddikjarati għal dik is-Sena; |
|
2. |
iqis li Sena Ewropea ddedikata għall-wirt kulturali tikkostitwixxi opportunità siewja biex ikun hemm sensibilizzazzjoni fil-livell lokali dwar il-bżonn li jiġi protett il-wirt kulturali, biex aktar nies ikunu jafu bih u biex isir kontribut għall-ksib ta’ għanijiet kondiviżi fil-kuntest pan-Ewropew (2); barra minn hekk, is-Sena Ewropea għandha tippromovi l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-iżvilupp ta’ sistemi ta’ ġestjoni effettivi, li jgħinu jnaqqsu r-riskji relatati mal-iżvilupp urban u t-trasformazzjoni tal-pajsaġġ u fil-ġlieda kontra t-tħaffir illeċitu u t-traffikar illegali tal-beni kulturali; |
|
3. |
jappella għal approċċ komprensiv u viżjonarju sabiex l-2018 issir is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, hekk kif din hija wkoll opportunità biex jerġa’ jiġi affermat il-motto tagħna “Maqgħudin fid-diversità”. Il-KtR jirrepeti l-intenzjoni tiegħu li jappoġġja s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018. Għal dan il-għan, jesprimi li hu lest li jikkontribwixxi wkoll għall-ħidma tal-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew, li l-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tistabbilixxi fi ħdan il-qafas tas-Sena Ewropea 2018; |
|
4. |
jirrikonoxxi li meta l-wirt kulturali jiġi ċċelebrat u kkommemorat, dan jgħin lill-Ewropej jifhmu aktar, jinspira l-kreattività u jippromovi ċ-ċittadinanza attiva. Għalhekk, il-promozzjoni tal-kultura u l-wirt kulturali hija essenzjali sabiex jissaħħu l-identità u l-valuri demokratiċi fl-Ewropa u sabiex isir kontribut għall-koeżjoni soċjali u ekonomika. F’dan ir-rigward, żoni naturali protetti għandhom jitqiesu bħala li jifformaw parti mill-wirt kulturali; |
|
5. |
jilqa’ r-rikonoxximent mogħti lill-kultura bħala għodda għall-iżvilupp lokali u reġjonali u l-valur ta’ mudelli innovattivi ta’ governanza f’diversi livelli u ġestjoni tal-wirt kulturali; jenfasizza, madankollu, li l-ħatra ta’ koordinaturi fil-livell tal-Istat Membru għandha tirrifletti bis-sħiħ l-istruttura ta’ governanza ta’ kull Stat Membru, inklużi l-istrutturi federali u/jew ir-reġjuni/il-bliet b’setgħat leġislattivi; |
|
6. |
itenni s-sinifikat tal-pajsaġġi bħala komponent bażiku tal-wirt naturali u kulturali, b’impatt profond fuq l-identità kulturali taċ-ċittadini tal-Ewropa; jemmen għalhekk li, b’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Pajsaġġ u l-Aġenda Ewropea għall-Kultura, l-għanijiet ġenerali għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 jistgħu jiġu arrikkiti billi jiġi inkluż komponent b’saħħtu għall-iżvilupp territorjali, fil-forma ta’ strateġiji kulturali reġjonali u lokali li tinvolvi l-promozzjoni ta’ turiżmu kulturali sostenibbli; |
|
7. |
jistenna li s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 toħloq momentum sabiex jiżdied il-finanzjament disponibbli fil-programm COSME għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju relatati mat-turiżmu kulturali; |
|
8. |
jistenna li t-turiżmu, speċjalment it-turiżmu kulturali u dak marbut mal-wirt, jaqdi rwol importanti fl-2018, fid-dawl tal-fatt li huwa wieħed mis-setturi ekonomiċi li qed jikbru l-iżjed malajr fl-Ewropa u dan imexxi t-tkabbir u l-iżvilupp globali, joħloq miljuni ta’ impjiegi, jixpruna l-esportazzjoni u l-investiment u jibdel ħajjet in-nies; |
|
9. |
jenfasizza l-importanza tal-kultura bħala wieħed mill-fatturi kruċjali sabiex jinġibdu t-turisti u jenfasizza l-ħtieġa biex jiġi promoss il-wirt kulturali u naturali tal-Ewropa fir-reġjuni, il-bliet u ż-żoni rurali li jservu ta’ vetrina għad-diversità tagħna, u biex jiżgura aktar aċċessibilità għal dawk iż-żoni, li diffiċli wieħed ikollu aċċess għalihom, bħal reġjuni rurali, muntanjużi jew gżejjer; |
|
10. |
ifakkar l-għan tal-Aġendi Urbani l-ġodda tal-UE sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja fl-irħula u l-bliet u tiġi żviluppata governanza “urbana” ġdida, u jenfasizza li għandhom jiġu stabbiliti sħubijiet dwar kwistjonijiet oħra li jeħtieġu approċċi integrati ta’ politika, pereżempju, billi jitqiesu d-dimensjoni kulturali u tat-turiżmu fl-iżvilupp urban, forom inklużivi ġodda ta’ parteċipazzjoni, l-innovazzjoni u l-Bliet Intelliġenti (3); |
|
11. |
jenfasizza r-rabtiet mill-qrib bejn il-wirt kulturali u l-iżvilupp rurali u jappella liż-żoni rurali biex jagħtu iżjed attenzjoni lill-wirt kulturali fl-istrateġiji ta’ żvilupp tagħhom peress li jikkontribwixxi għas-salvagwardja u l-ħolqien ta’ impjiegi, l-appoġġ ta’ negozji agrikoli, il-ħarsien tal-pajsaġġi kulturali, l-appoġġ tal-arti u s-snajja’ rurali; |
|
12. |
jirrepeti l-vantaġġ possibbli li jintuża r-Raggruppament Ewropew tal-Kooperazzjoni Territorjali (REKT) għall-proġetti ta’ governanza f’diversi livelli, fejn il-parteċipanti rilevanti kollha jiġu involuti fil-governanza ta’ territorju transkonfinali jew Ewroreġjonali (4) u jistimulaw il-kooperazzjoni fil-qasam tal-kultura, inkluż il-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli, b’konsegwenzi pożittivi fuq is-setturi l-oħra, bħat-turiżmu u l-industrija; |
|
13. |
jirrepeti l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura u taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, kif ukoll għall-Jiem tal-Patrimonju Ewropew u l-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Wirt Kulturali, u jenfasizza l-bżonn għal sinerġiji b’saħħithom bl-attivitajiet li jsiru fil-kuntest tas-Sena Ewropea 2018; |
|
14. |
jinnota li, għalkemm il-kofinanzjament fil-livell Ewropew tal-attivitajiet li jappoġġjaw is-Snien Ewropej huwa fi ħdan il-possibbiltajiet eżistenti sabiex tiġi stabbilita l-prijorità fuq bażi annwali jew pluriennali u f’rabta mal-programmi eżistenti, l-għażla tal-fokus tal-politika ta’ kull Sena tiddetermina sa ċertu punt d-daqs tal-pakkett baġitarju disponibbli. Dan iwassal għal varjazzjonijiet konsiderevoli fil-finanzjament minn Sena għal oħra, li jista’ jxekkel il-ksib tal-għanijiet ta’ Sena; |
|
15. |
itenni li f’dinja li qed tiġi globalizzata, il-kultura tista’ tiddetermina kemm ikun attraenti post kif ukoll il-kompetittività għan-negozji, l-investituri u l-individwi kreattivi u intraprenditorjali; |
|
16. |
iqis is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 bħala pass importanti biex tiġi promossa l-istrateġija tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali (5) |
|
17. |
jilqa’ l-attenzjoni fuq il-Lvant Nofsani meta jitqies ir-rwol tal-wirt fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, peress li dan ir-reġjun huwa milqut sew mill-qirda apposta tat-teżori kulturali f’ċerti żoni ta’ kunflitt. Jaqbel li l-kooperazzjoni kulturali għandha titfittex ukoll mal-pajjiżi membri tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u tas-Sħubija tal-Lvant; |
|
18. |
jenfasizza li huwa fundamentali li ż-żgħażagħ jirrikonoxxu, jifhmu u japprezzaw il-wirt tagħhom u jħossuh bħala parti mill-identità tagħhom. F’dan ir-rigward jappella għal approċċ aktar proattiv sabiex il-wirt kulturali Ewropew u d-diversità tiegħu jiġu promossi fost iż-żgħażagħ u t-tfal; għaldaqstant jirrakkomanda li fil-kurrikulu tal-iskejjel jiġu inklużi elementi ta’ edukazzjoni dwar l-arti, il-mużika, it-teatru u ċ-ċinema Ewropea sabiex jitjieb l-għarfien tal-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli tal-kontinent; |
|
19. |
jerġa’ jafferma l-importanza li l-ħiliet kulturali u kreattivi jinkisbu minn età bikrija, kemm fi ħdan is-sistema edukattiva kif ukoll fil-ħin liberu, hekk kif dawn jagħtu s-setgħa lill-ġenerazzjonijiet taż-żgħażagħ sabiex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-forom ġodda ta’ aċċess għall-kultura (6); |
|
20. |
iqis li l-aċċessibbiltà hija fundamentali sabiex is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 tkun suċċess; it-titjib fl-aċċessibbiltà jirrappreżenta punt ta’ tluq kruċjali sabiex jiżdiedu wkoll ir-rati ta’ parteċipazzjoni (7); |
|
21. |
jikkonferma r-rieda tiegħu li jkun involut fit-tfassil ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni komprensiva, kif ukoll fl-organizzazzjoni ta’ konferenzi, avvenimenti u inizjattivi rilevanti, u jikkonferma wkoll li jinsab lest li jiffaċilita l-impenn maċ-ċittadini u l-partijiet interessati; |
|
22. |
jixtieq jara politika medjatika, awdjoviżiva u tal-IT tal-UE iżjed attiva li tfittex li tippromwovi l-wirt kulturali u lingwistiku tal-Ewropa; |
|
23. |
iqis ukoll li jinħtieġ li jinħoloq Netwerk Ewropew ta’ Bliet Siti ta’ Wirt Dinji, u jiġi meqjus bħala Wirt Komuni għaċ-ċittadini Ewropej kollha u jiġu adottati miżuri speċifiċi sabiex tiġi ppreservata u kondiviża l-eżistenza tiegħu; |
|
24. |
jagħti struzzjonijiet lill-President sabiex iwassal din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Presidenza Slovakka. |
II. RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI
Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali
Emenda 1
Premessa 0
|
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
|
|
L-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi sabiex tippreserva u tiżviluppa l-valuri universali u indiviżibbli tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, waqt li tiġi rispettata d-diversità tal-kulturi, il-lingwi u t-tradizzjonijiet tal-popli tal-Ewropa, kif iddikjarat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
Raġuni
Evidenti.
Emenda 2
Premessa 4
|
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
|
Kif enfasizzat mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha “Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali” (8), il-wirt kulturali se jiġi kkunsidrat bħala riżorsa kondiviża u ġid komuni miżmum għall-ġenerazzjonijiet futuri, li l-ħarsien tiegħu hija r-responsabbiltà komuni tal-partijiet ikkonċernati kollha. |
Kif enfasizzat mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha “Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali” (8), il-wirt kulturali se jiġi kkunsidrat bħala riżorsa kondiviża u ġid komuni miżmum għall-ġenerazzjonijiet futuri, li l-ħarsien tiegħu hija r-responsabbiltà komuni tal-partijiet ikkonċernati kollha. Għal dan il-għan, l-Artikolu 36 tat-TFUE ma jipprekludix projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet, esportazzjonijiet jew oġġetti fit-tranżitu ġġustifikati abbażi tal-ħarsien tat-teżori nazzjonali li għandhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku. |
Raġuni
Huwa importanti li jitfakkar li l-oġġetti li huma parti mit-teżori kulturali nazzjonali huma eżentati mir-regoli tal-UE relatati mal-libertà tal-moviment tal-oġġetti.
Emenda 3
Premessa 11
|
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
|
Il-wirt kulturali jista’ jkollu rwol importanti għall-koeżjoni tal-komunità fi żmien meta d-diversità kulturali qed tiżdied f’soċjetajiet Ewropej. Approċċi parteċipatorji u interkulturali ġodda għal politiki dwar il-wirt u inizjattivi edukattivi li jattribwixxu dinjità ugwali għall-wirt kulturali kollha għandhom il-potenzjal li jżidu l-fiduċja, ir-rikonoxximent reċiproku u l-koeżjoni soċjali. |
Il-wirt kulturali jista’ jkollu rwol importanti għall-koeżjoni tal-komunità fi żmien meta d-diversità kulturali qed tiżdied f’soċjetajiet Ewropej. Is-siti li ngħataw iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew għandhom dimensjoni Ewropea b’saħħitha peress li ntgħażlu għar-rwol tagħhom fl-istorja Ewropea. Għalhekk, jissimbolizzaw l-ideali, il-valuri, l-istorja u l-integrazzjoni Ewropej, u jqarrbu lill-Unjoni Ewropea maċ-ċittadini tagħha. Flimkien mal-Kapitali Ewropej tal-Kultura, iżidu s-sens ta’ appartenenza taċ-ċittadini Ewropej għal żona kulturali komuni. Għalhekk għandhom jitfittxu l-komplementaritajiet mas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali. Approċċi parteċipatorji u interkulturali ġodda għal politiki dwar il-wirt u inizjattivi edukattivi li jattribwixxu dinjità ugwali għall-wirt kulturali kollha , filwaqt li jirrispettaw il-libertà tal-arti, skont l-Artikolu 13 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom il-potenzjal li jżidu l-fiduċja, ir-rikonoxximent reċiproku u l-koeżjoni soċjali. |
Raġuni
Kemm iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew kif ukoll il-Kapitali Ewropej tal-Kultura huma strumenti importanti sabiex il-wirt kulturali jiġi promoss fil-livell lokali u reġjonali u għandhom jiġu rikonoxxuti kif dovut fid-Deċiżjoni. L-istess japplika għal-libertà tal-arti, li hija l-pedament tal-kreattività Ewropea.
Emenda 4
Artikolu 2(2)(k)
|
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
|
li jiġu inkoraġġiti sinerġiji bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, inkluż it-tisħiħ ta’ inizjattivi li jipprevjenu t-traffikar illegali ta’ oġġetti kulturali. |
li jiġu inkoraġġiti sinerġiji bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, inkluż it-tisħiħ ta’ inizjattivi li jipprevjenu t-tħaffir mhux awtorizzat u t-traffikar illegali ta’ oġġetti kulturali. |
Raġuni
Il-qirda tas-siti arkeoloġiċi minħabba tħaffir illeċitu għandha konsegwenzi inestimabbli għall-wirt kulturali tal-Ewropa.
Emenda 5
Artikolu 4
|
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
|
Kull Stat Membru għandu jaħtar koordinatur nazzjonali responsabbli għall-organizzazzjoni tas-sehem tiegħu fis-Sena Ewropea. Il-koordinatur għandu jiżgura l-koordinazzjoni ta’ attivitajiet rilevanti fil-livell nazzjonali. |
Kull Stat Membru għandu jaħtar koordinatur responsabbli għall-organizzazzjoni tas-sehem tiegħu fis-Sena Ewropea , b’rispett sħiħ tas-setgħat mogħtija lil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali ta’ gvern . Il-koordinatur għandu jiżgura l-koordinazzjoni ta’ attivitajiet rilevanti fil-livell tal-Istat Membru . |
Raġuni
L-istrutturi ta’ stat federali u l-livelli governattivi sottonazzjonali għandhom jitqiesu bis-sħiħ fil-ħatra tal-koordinaturi fil-livell tal-Istat Membru.
Brussell, 12 ta’ Ottubru 2016.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Markku MARKKULA
(1) COM(2016) 543 final.
(2) COR-2014-05515-00-00-AC-TRA.
(3) COR-2015-05511-00-01-AC-TRA
(4) CDR371-2011_FIN_AC
(5) JOIN(2016) 29 final
(6) CDR 2391/2012 fin
(7) CDR3952-2013_00_00_TRA_AC.
(8) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-22 ta’ Lulju 2014 Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali COM(2014) 477 finali.
(8) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-22 ta’ Lulju 2014 Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali COM(2014) 477 finali.