KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BIONDI
ippreżentati fil‑25 ta’ Settembru 2025 ( 1 )
Kawża C‑490/24
Stichting Koskea, li taġixxi bħala amministratriċi ta’ ED
vs
Nationale Nederlanden Schadeverzekering Maatschappij NV li taġixxi taħt l-isem kummerċjali Reaal Schadeverzekering NV
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – Artikolu 12(1) – Danni kkawżati minn vettura – Kopertura mill-assigurazzjoni – Esklużjoni tad-danni subiti mis-sewwieq kif prevista mid-Direttiva 2009/103 – Parteċipazzjoni tal-passiġġier fit-twettiq tad-danni kkawżati mill-vettura – Impatt fuq il-klassifikazzjoni ta’ ‘sewwieq’ – Definizzjoni – Kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni – Għan ta’ protezzjoni tat-terzi vittmi – Ċertezza legali – Linja ta’ demarkazzjoni bejn, minn naħa, ir-responsabbiltà ċivili u, min-naħa l-oħra, l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili”
|
1. |
L-iżvilupp teknoloġiku dejjem miexi ’l quddiem ifittex li jeħles lill-individwi mill-kompiti diffiċli jew perikolużi tagħhom. Il-karozza mingħajr sewwieq, li konna naħsbu teżisti biss fir-rumanzi tal-fantaxjenza, qiegħda ssir realtà. Hija diġà topera fit-toroq ta’ San Francisco u ta’ Beijing u ser tkun, għada pitgħada, f’Londra ( 2 ). Huwa mistenni tnaqqis sostanzjali tan-numru ta’ inċidenti tat-triq bħala riżultat tat-tnaqqis tar-riskju relatat mal-iżball uman. |
|
2. |
Sakemm naraw jekk dan it-tnaqqis isirx reali, id-dritt tal-Unjoni jkompli jipprovdi mezz importanti ta’ protezzjoni lill-vittmi ta’ inċidenti tat-triq permezz tad-direttivi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur ( 3 ) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“Direttivi tal-‘assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili’”). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġiet mitluba, diversi drabi, tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-direttivi, partikolarment sabiex tiddefinixxi l-kunċetti ta’ “passiġġieri” ( 4 ) jew ta’ “użu tal-vetturi” ( 5 ), din it-talba għal deċiżjoni preliminari tistedinha, għall-ewwel darba, tippreċiża l-limiti tal-kunċett ta’ “sewwieq”, meta din il-kwistjoni diġà qiegħda tħasseb lil bosta qrati nazzjonali. |
I. It-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
3. |
Fl‑2016, ED, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, kien qiegħed isuq vann li kien jappartjeni lil klabb tal-futbol li fih kienu qiegħed jirkbu ex kowċ ta’ dan il-klabb u ċerti membri tat-tim. Il-vann telaq mill-grawnd ta’ klabb tal-futbol ieħor u mar fid-direzzjoni ta’ klabb terz sabiex iżur festa organizzata hemmhekk. Filwaqt li l-vann misjuq minn ED kien għaddej b’veloċità ta’ madwar 70 km fis-siegħa, il-kowċ, li kien bilqiegħda wara fuq il-lemin tas-sewwieq, f’daqqa waħda ġibed il-ħendbrejk. Il-vann skiddja bla kontroll u laqat diversi pilastri. Is-sewwieq kif ukoll il-membru tat-tim li kien jinsab fuq is-sit tal-passiġġier ta’ quddiem taru ’l barra mill-vettura. Il-membru tat-tim miet mill-ġrieħi li ġarrab. ED weġġa’ serjament u, sal-lum, għadu jsofri mill-ġrieħi gravi mġarrba bħala riżultat ta’ dan l-inċident. |
|
4. |
Il-klabb tal-futbol proprjetarju tal-vann kien issottoskriva assigurazzjoni mar-Reaal Schadeverzekering NV kontra r-riskju ta’ responsabbiltà ċivili. Il-klabb kien ukoll issottoskriva assigurazzjoni għad-danni tal-passiġġieri u tas-sewwieq mal-kumpannija Nationale Nederlanden ( 6 ). |
|
5. |
Għad-danni tiegħu stess li rriżultaw minn dan l-inċident, ED, permezz tal-fondazzjoni Stichting Koskea li issa tamministra l-beni tiegħu u tiddefendi l-interessi tiegħu, ipprova jirrikorri għall-kopertura ta’ Nationale Nederlanden. F’Jannar 2020, l-avukat ta’ din il-kumpannija informa lil ED li ma kienx hemm kopertura taħt l-assigurazzjoni għas-sewwieq għaliex mir-rapport tal-pulizija dwar iċ-ċirkustanzi tal-inċident kien jirriżulta li ED kien ikkonsma l-alkoħol qabel ma beda jsuq il-vann u ma kellux iċ-ċinturin tas-sigurtà tiegħu maqful. L-avukat indika wkoll li ma setax ikun hemm kopertura taħt l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili peress li mill-Artikolu 4(1) tal-Wet aansprakelijkheidsverzekering motorrijtuigen (il-Liġi Olandiża dwar l-Assigurazzjoni għar-Responsabbiltà Ċivili tal-Vetturi bil-Mutur, iktar ’il quddiem il-“WAM”) jirriżulta li “l-assigurazzjoni ma għandhiex neċessarjament tkopri l-kumpens għad-danni subiti mis-sewwieq tal-vettura bil-mutur li kkawża l-inċident”. |
|
6. |
Din id-dispożizzjoni nazzjonali tittrasponi fid-dritt Olandiż l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103 li jipprovdi li “[…] l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3 għandha tkopri r-responsabbiltà għal danni personali tal-passiġġieri kollha, minbarra x-xufier, ikkawżati mill-użu ta’ vettura” ( 7 ). |
|
7. |
Stichting Koskea, li taġixxi f’isem ED, ippreżentat rikors kontra Nationale Nederlanden intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-danni subiti minnu abbażi tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni kontra r-riskju ta’ responsabbiltà ċivili billi sostniet, essenzjalment, li ED ma setax jibqa’ jitqies bħala sewwieq wara l-intervent tal-kowċ fis-sewqan tal-vettura li kkawża d-danni. |
|
8. |
Ir-Rechtbank Noord-Nederland (il-Qorti Distrettwali ta’ Noord-Nederland, il-Pajjiżi l-Baxxi) laqgħet dan ir-rikors billi qieset, essenzjalment, li, mill-mument li l-ex kowċ ġibed il-ħendbrejk, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx għadu f’pożizzjoni li effettivament isuq dik il-vettura u, konsegwentement, ma setax jibqa’ jitqies bħala s-“sewwieq” tagħha fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-WAM. |
|
9. |
Nationale Nederlanden appellat minn dik is-sentenza quddiem il-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem-Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi) li annullatha billi ddeċidiet li ED ma kienx tilef il-kwalità tiegħu ta’ sewwieq minħabba l-intervent tal-kowċ u li ED kien il-persuna li inizjalment ħadet f’idejha l-isteering wheel ta’ dik il-vettura, li startjatha, li ddeterminat il-veloċità tagħha u li għażlet f’liema direzzjoni tivvjaġġa. Huwa kien qiegħed iħaddem il-kontrolli tal-imsemmija vettura u l-fatt li l-ex kowċ f’daqqa waħda ġibed il-ħendbrejk u wettaq azzjoni ta’ sewqan ma jbiddel xejn minn dan kollu. |
|
10. |
Il-Fondazzjoni Stichting Koskea appellat fil-kassazzjoni quddiem l-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar għandha dubji dwar jekk ED kienx għadu sewwieq fil-mument meta seħħ l-inċident u jekk għandux jiġi ekwiparat ma’ passiġġier vittma u, bħala tali, kopert mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili. Fil-fehma tagħha, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-assigurazzjoni obbligatorja ta’ vetturi bil-mutur għandha tkopri r-responsabbiltà għad-danni tax-sewwieq inizjali tal-vettura kkonċernata meta passiġġier ikun intervjena fis-sewqan ta’ dik il-vettura u meta dan l-intervent ikun ikkawża inċident. |
|
11. |
Għalkemm l-Artikolu 4(1) tal-WAM huwa intiż li jagħmel użu mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva, li sar l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103, ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tiddefinixxi x’inhu “sewwieq”. Peress li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103 jistabbilixxi distinzjoni bejn is-sewwieq u l-passiġġieri l-oħra, huwa importanti li jiġi ddefinit is-“sewwieq” li għalih ma japplikax il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni permezz tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili. |
|
12. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Lulju 2024, id-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
13. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Nationale Nederlanden, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni Ewropea li nstemgħu wkoll waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Ġunju 2025. |
II. Analiżi
|
14. |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li “l-obbligu ta’ kopertura mill-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati lil terzi minn vetturi bil-mutur huwa distint mill-estent tal-kumpens ta’ dawn id-danni fuq il-bażi tar-responsabbiltà ċivili tal-assigurat. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel wieħed huwa ddefinit u ggarantit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-tieni wieħed huwa rregolat, essenzjalment, mid-dritt nazzjonali” ( 8 ). Minn dan isegwi li l-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Direttivi ma jfittxux li jarmonizzaw is-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri u li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi li jistabbilixxu s-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu tal-vetturi ( 9 ). |
|
15. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma xtaqx, pereżempju, jippreċiża t-tip ta’ responsabbiltà ċivili, għal tort jew għal riskju, fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, li għandha tiġi koperta minn assigurazzjoni obbligatorja ( 10 ). Hija għalhekk ir-responsabbiltà ċivili applikabbli skont il-modalitajiet iddefiniti mid-dritt ta’ kull Stat Membru li għandha tkun koperta minn assigurazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni, sakemm l-effett utli tad-direttivi li jirregolaw dan il-qasam ikun protett ( 11 ). Huwa f’isem dan l-effett utli li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet għalhekk tiddeċiedi li dawn id-direttivi jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li teskludi awtomatikament jew tillimita b’mod sproporzjonat id-dritt għal kumpens tal-vittma minħabba l-kontribut tagħha għat-twettiq tad-dannu ( 12 ). |
|
16. |
B’dan il-mod, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kompliet traqqaq il-linja ta’ demarkazzjoni bejn l-armonizzazzjoni tas-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili u l-armonizzazzjoni tal-assigurazzjoni għal din ir-responsabbiltà. Huwa neċessarju li wieħed iżomm f’moħħu din il-linja rqiqa qabel ma jibda janalizza d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
A. Fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “sewwieq”
|
17. |
Għalkemm ma hijiex drawwa tiegħi, ser nibda l-analiżi bit-tieni domanda preliminari. Madankollu, fid-dawl tar-risposta li ser nipproponi li tingħata għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, ma huwiex, fil-fehma tiegħi, neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal din it-tieni domanda li tistedinha tiddefinixxi l-kunċett ta’ “sewwieq” fis-sens tad-Direttivi tal-“assigurazzjoni għar‑responsabbiltà ċivili”. Għalhekk huwa biss b’mod sussidjarju li nsemmi l-elementi tar-risposta li ġejjin. |
|
18. |
L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103 ma jiddefinixxix is-“sewwieq”. L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li madankollu huwa ddedikat għad-definizzjonijiet, ma huwiex ta’ wisq għajnuna lanqas. L-ebda waħda mid-direttivi l-oħra tal-“assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili” ma jippreċiżaw dan it-terminu ( 13 ). |
|
19. |
Issa, fir-rigward ta’ kunċett li jinsab f’dispożizzjoni ta’ direttiva li ma tinkludi ebda riferiment għad-drittijiet nazzjonali, il-kelma “sewwieq” teħtieġ, bħala prinċipju, fid-dawl tar-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti ( 14 ). |
|
20. |
F’dak li jirrigwarda l-kuntest, mill-eżami tad-Direttiva 2009/103 jirriżulta li s-sewwieq huwa ddefinit biss b’mod negattiv: ma huwiex passiġġier ( 15 ), lanqas ma huwa persuna miexja fit-triq jew utent tat-triq mingħajr vettura bil-mutur ( 16 ), u lanqas, a fortiori, ċiklist ( 17 ). |
|
21. |
Madankollu, is-sewwieq jinsab neċessarjament fil-vettura, iddefinita fil-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103 bħala, b’mod partikolari, li tista’ “tinsaq b’potenza mekkanika”. Għaldaqstant, minn dan jista’ jiġi dedott li s-sewwieq huwa, bħala prinċipju, dak li, ġewwa l-vettura, jopera l-potenza mekkanika tal-vettura. |
|
22. |
Fir-rigward tal-għan imfittex, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement reġgħet fakkret li d-direttivi kkodifikati mid-Direttiva 2009/103 “ppreċiżaw bil-mod il-mod l-obbligi tal-Istati Membri fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja. Huma kienu intiżi, minn naħa, li jiżguraw il-moviment liberu kemm tal-vetturi normalment ibbażati fit-territorju tal-Unjoni […] kif ukoll tal-persuni li jkunu jinsabu f’dawn il-vetturi u, min-naħa l-oħra, li jiggarantixxu li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jgawdu trattament paragunabbli, ikun fejn ikun il-post fit-territorju tal-Unjoni fejn ikun iseħħ l-inċident […]. [M]ill-premessi 2 u 20 tad-Direttiva 2009/103 jirriżulta li din tal-aħħar għandha, essenzjalment, l-istess għanijiet bħal dawk tal-imsemmija direttivi […]. Mill-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kontinwament fittex u saħħaħ l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi” ( 18 ). |
|
23. |
Għalkemm minn dan l-għan jirriżulta rekwiżit li l-“vittmi” jiġu ddefiniti b’mod wiesa’ ( 19 ), fil-fehma tiegħi, dan ma jistax iservi ta’ bażi għal definizzjoni tal-kunċett ta’ “sewwieq” li tinkludi fiha d-dimensjoni potenzjalment ta’ vittma tiegħu, minħabba l-esklużjoni espliċita li tinsab fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103. |
|
24. |
Id-definizzjoni ta’ “sewwieq”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandha għalhekk taqa’ xi mkien bejn ir-rispett tal-libertà tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-mudell ta’ responsabbiltà ċivili tal-għażla tagħhom ( 20 ) u l-preżervazzjoni tal-effett utli ta’ din id-direttiva. |
|
25. |
Sabiex jintlaħaq livell ogħla ta’ preċiżjoni f’din id-definizzjoni, għajnuna interpretattiva tista’ utilment tinstab fid-dritt internazzjonali. |
|
26. |
B’hekk, il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tat‑8 ta’ Novembru 1968 dwar it-Traffiku fit-Toroq ( 21 ), li għaliha huma partijiet l-Istati Membri kollha, tiddefinixxi lis-sewwieq fl-Artikolu 1(v) tagħha bħala “kull persuna li tieħu f’idejha d-direzzjoni ta’ vettura, karozza jew xort’oħra (inkluż ir-rota)”. Hija tiddedika dispożizzjoni speċifika għas-sewwieqa fl-Artikolu 8 tagħha li minnha jirriżulta li “[k]ull vettura li tkun miexja jew kull kombinazzjoni ta’ vetturi li jkunu qegħdin jiċċaqilqu għandha jkollha sewwieq”, li “[k]ull sewwieq għandu jkollu l-kwalitajiet fiżiċi u psikiċi neċessarji u jkun fi stat fiżiku u mentali li jsuq”, li “[k]ull sewwieq ta’ vettura bil-mutur għandu jkollu l-għarfien u l-ħila meħtieġa biex isuq il-vettura tiegħu” u li “[k]ull sewwieq għandu jkollu kontroll kostanti tal-vettura tiegħu” ( 22 ). Huwa interessanti li wieħed jinnota li, dejjem skont dan l-Artikolu 8, hija responsabbiltà esklużiva tas-sewwieq li jibqa’ dejjem kapaċi li jikkontrolla l-vettura. |
|
27. |
Għaldaqstant, minn dawn l-elementi kollha jista’ jiġi dedott li s-sewwieq huwa dak li ħa postu fis-sit ta’ pilotaġġ tal-vettura u li għalhekk għandu aċċess għall-kontrolli essenzjali ta’ din il-vettura li jippermettulu jiddetermina l-moviment, id-direzzjoni u l-veloċità tagħha. |
|
28. |
Fl-aħħar nett, inżid li, għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, huwa biss f’ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali li l-kwalità ta’ sewwieq tista’ tintilef mill-persuna li tkun ħadet postha fis-sit ta’ pilotaġġ ( 23 ). F’kull każ, l-oneru li jiġi evalwat min kien is-sewwieq fil-mument tal-inċident, skont il-kuntest fattwali speċifiku ta’ kull waħda mis-sitwazzjonijiet li jqumu quddiemhom, għandu jitħalla f’idejn il-qrati nazzjonali. Huma u jagħmlu din l-evalwazzjoni, infakkar li għandhom jiżguraw li jinżamm l-effett utli tad-Direttiva 2009/103 ( 24 ). |
B. Fuq il-kwistjoni tal-kumpens għad-danni subiti mis-sewwieq
|
29. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk mill-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103 jirriżultax li l-assigurazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva għandhiex tkopri r-responsabbiltà għad-danni subiti mis-sewwieq fil-każ fejn passiġġier jintervjeni fis-sewqan tal-vettura bil-mutur u fejn dan l-intervent jikkawża inċident. |
|
30. |
Fil-fehma tiegħi, din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv. |
|
31. |
Infakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jobbliga lil kull Stat Membru jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni. |
|
32. |
Għalkemm id-danni koperti u l-modalitajiet ta’ din l-assigurazzjoni huma ddeterminati fil-kuntest ta’ dawn il-“miżuri xierqa” ( 25 ), id-Direttiva 2009/103 tippreċiża li l-assigurazzjoni għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm id-danni materjali kif ukoll id-danni personali ( 26 ). Iktar ’il quddiem, din id-direttiva tippreċiża wkoll li l-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tagħha “għandha tkopri r-responsabbiltà għal danni personali tal-passiġġieri kollha, minbarra x-xufier, ikkawżati mill-użu ta’ vettura” ( 27 ). Min-naħa l-oħra, id-danni subiti mill-familja tas-sewwieq għandhom, bħala prinċipju, ikunu koperti ( 28 ). Fl-aħħar nett, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2009/103, jirriżulta li din id-dispożizzjoni “[għandha tkun] mingħajr preġudizzju kemm għar-responsabbiltà ċivili kif ukoll għall-ammont ta’ kumpens”. |
|
33. |
Għaldaqstant, mill-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103 tirriżulta intenzjoni ċara u espliċita tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma jipprevedix kopertura, mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili, għad-danni subiti mis-sewwieq, u dan irrispettivament mill-oriġini tagħhom. Fil-fatt, l-esklużjoni li tirrigwarda lis-sewwieq tikkonċerna d-danni kollha, mingħajr distinzjoni, u mhux biss id-danni li għalihom huwa responsabbli s-sewwieq. |
|
34. |
Barra minn hekk, mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu jirriżulta li vettura tista’ tinsaq biss minn sewwieq wieħed ( 29 ). |
|
35. |
It-trattazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppermettewx verament li tiġi stabbilita r-raġuni eżatta għall-esklużjoni tal-kopertura tad-danni tas-sewwieq, li toriġina mit-Tielet Direttiva ( 30 ), iżda wieħed jista’ raġonevolment jaħseb li s-sistema ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi kif implimentata fuq il-livell tal-Unjoni hija bbażata fuq dikotomija fundamentali – summa divisio – bejn, minn naħa, is-sewwieq, meqjus bħala dak li ddeċieda jintroduċi l-vettura fit-traffiku fit-toroq ( 31 ), u għalhekk li jibqa’ l-attur tat-teħid tar-riskju, u li għandu kontroll fuq dan tal-aħħar, u, min-naħa l-oħra, il-vittmi “parti[jiet] dgħajfa f’inċident” ( 32 ), kemm jekk ikunu mexjin fit-triq, passiġġieri u, fl-istess ħin, persuni assigurati, proprjetarji tal-vettura jew membri tal-familja tas-sewwieq, tad-detentur tal-polza jew tal-proprjetarju tal-vettura, kemm jekk ikunu daħlu fil-vettura b’għarfien sħiħ tar-riskju u kemm jekk jistgħu jiġu kkritikati talli kkontribwixxew għat-twettiq tad-dannu ( 33 ). Id-dgħufija ta’ terzi li sfaw vittmi bħala passiġġieri tirriżulta, ipotetikament, mill-inkapaċità tagħhom li jinfluwenzaw is-sitwazzjoni aleatorja ( 34 ). Il-persuni protetti skont id-diversi direttivi huma għalhekk il-vittmi tal-inċident, mifhuma f’sens wiesa’, li huma ddefiniti b’kuntrast ma’ u b’mod li jeskludi lis-sewwieq. |
|
36. |
Kemm minn perspettiva letterali u kemm minn waħda sistematika, kollox jissuġġerixxi li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-intervent ta’ passiġġier li jikkawża inċident ma jistax ikollu l-konsegwenza li jċaħħad lis-sewwieq minn din il-kwalità. |
|
37. |
Minn perspettiva teleoloġika, jidhirli li huwa konformi mal-għan imfittex minn din id-direttiva li wieħed jipproponi interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103 favur l-esklużjoni tal-kumpens għad-danni subiti mis-sewwieq inkluż fil-każ ta’ intervent ta’ passiġġier, u dan għal żewġ raġunijiet essenzjali. |
|
38. |
Fl-ewwel lok, filwaqt li l-evoluzzjoni leġiżlattiva marret bla dubju fid-direzzjoni ta’ protezzjoni ikbar għall-vittmi ( 35 ), din l-evoluzzjoni, fl-istess ħin, kienet ikkaratterizzata b’mod ċar ħafna mill-esklużjoni – kostanti wara l-adozzjoni tat-Tielet Direttiva – tad-danni subiti mis-sewwieq mill-kamp tal-assigurazzjoni obbligatorja. Id-Direttivi tal-“assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili” huma għalhekk ibbażati fuq il-prinċipju li huma biss id-danni kkawżati lil terzi li jkunu vittmi ta’ vettura misjuqa minn sewwieq li għandhom ikunu koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja ( 36 ). L-armonizzazzjoni mwettqa minn dawn id-direttivi ma tikkonċernax is-sewwieq, li d-destin tiegħu jibqa’ ddeterminat mid-drittijiet nazzjonali. |
|
39. |
Fit-tieni lok, huwa preċiżament sabiex jiġi ggarantit l-għan imfittex b’mod kostanti mil-leġiżlatur matul l-interventi tiegħu f’dan il-qasam li għandha tittieħed rigorożament inkunsiderazzjoni l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103. |
|
40. |
Fil-fatt, jidhirli li ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tillimita indebitament il-kunċett ta’ passiġġier ( 37 ), dan ma huwiex il-waqt li jittieħed riskju bl-adozzjoni ta’ kunċett ta’ “sewwieq”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, li huwa fluwidu, suġġettiv u, fuq kollox, kapaċi jipperikola, indirettament, lill-vittmi stess billi jneħħilhom l-istatus tagħhom ta’ passiġġier. L-għan tal-protezzjoni tal-vittmi jiġi żgurat biss jekk tinżamm il-prevedibbiltà tar-regoli u din il-prevedibbiltà tista’ tiġi żgurata biss jekk il-kunċetti jkunu ċari u stabbli. Ninnota li, anki fir-rigward tal-passiġġieri, il-kopertura tad-danni tagħhom taħt id-Direttiva 2009/103 ma hijiex suġġetta għal nuqqas ta’ parteċipazzjoni fit-twettiq ta’ dawn tal-aħħar ( 38 ). |
|
41. |
Għaldaqstant, il-kwistjoni tal-kopertura mill-assigurazzjoni obbligatorja għandha tiġi sseparata minn dik tar-responsabbiltà għad-danni minħabba li d-dritt tal-Unjoni ma rnexxilux jarmonizza din tal-aħħar ( 39 ). Għalhekk, sabiex tiġi ppreżervata ċ-ċertezza legali u t-tqassim korrett tal-kompetenzi, għandu sempliċement jiġi kkonstatat, b’mod kemxejn riduzzjonist, li d-Direttiva 2009/103, minn naħa, tobbliga lill-Istati Membri jipprevedu li l-assigurazzjoni obbligatorja għandha tkopri d-danni subiti mill-passiġġieri vittmi u, min-naħa l-oħra, ma tipprevedix li din l-assigurazzjoni tkopri d-danni subiti mis-sewwieq. |
|
42. |
Iċ-ċirkustanzi tal-inċident li wasslu għall-kawża prinċipali huma għal kollox traġiċi u ovvjament għandu jintwera spirtu ta’ appoġġ fil-konfront tal-vittmi kollha. Madankollu, ir-rieda li tiġi stabbilita mill-ġdid xi tip ta’ ġustizzja fl-isfortuna ma tistax tiġġustifika tgħawwiġ tan-normi u tal-kunċetti legali sal-punt li dawn jitilfu s-sens komuni tagħhom. |
|
43. |
Fis-sens tad-Direttiva 2009/103, ED ma jistax ikun sewwieq u passiġġier, fl-istess ħin, tal-vettura li kkawżat id-danni. Il-kowċ li ġibed il-ħendbrejk ma jistax jitqies bħala sewwieq. Is-sempliċi interferenza tal-passiġġier fis-sewqan ma għandhiex l-effett li ttelliflu l-kwalità tiegħu ta’ vittma, billi din ma hijiex biżżejjed sabiex ittellef il-kwalità ta’ sewwieq lil dak li jinsab f’dik il-pożizzjoni. |
|
44. |
Il-grad ta’ intervent – ta’ responsabbiltà – tal-passiġġier fit-twettiq tad-dannu hija kwistjoni li ma tikkonċernax l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili kif stabbilita mid-Direttiva 2009/103 iżda pjuttost ir-responsabbiltà ċivili nnifisha ( 40 ) li hija rregolata mid-dritt nazzjonali ( 41 ). Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103 jiġi interpretat fis-sens li ma jipprovdix li l-assigurazzjoni obbligatorja għandha tkopri d-danni kkawżati mill-vettura lis-sewwieq tagħha, anki fil-każ fejn passiġġier ikun intervjena fis-sewqan tal-vettura. |
|
45. |
Li wieħed jiddeċiedi b’dan il-mod ma jħallix lis-sewwieqa bla rimedju, iżda jikkonferma illi huma l-Istati Membri li għandhom jorganizzaw sistema ta’ assigurazzjoni li tkopri d-danni subiti mis-sewwieqa ( 42 ). |
III. Konklużjoni
|
46. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi): L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, għandu jiġi interpretat fis-sens li: id-danni subiti mis-sewwieq ta’ vettura waqt inċident tat-triq ma humiex koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja prevista minn din id-direttiva, anki fil-każ ta’ intervent ta’ passiġġier fis-sewqan tal-vettura li jkun ikkawża l-inċident. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Ara “Self-driving vehicles set to be on roads by 2026 as Automated Vehicles Act becomes law” disponibbli fuq https://www.gov.uk/government/news/self-driving-vehicles-set-to-be-on-roads-by-2026-as-automated-vehicles-act-becomes-law (ikkonsultat għall-aħħar darba fit‑18 ta’ Ġunju 2025).
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal‑24 ta’ April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”); it-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat‑30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3, iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”); it-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE tal‑14 ta’ Mejju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249, iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva”); Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE u 88/357/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 331, iktar ’il quddiem ir-“Raba’ Direttiva”); Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU 2005, L 149, p. 14); u, fl-aħħar nett, id-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11) li kkodifikat id-direttivi preċedenti (ara l-premessa 1 tad-Direttiva 2009/103), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2021/2118 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2021 (ĠU 2021 L 430, p. 1). Billi l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali seħħew fl-2016, ser nirreferi essenzjalment, fil-kumplament tal-analiżi, għad-Direttiva 2009/103 fil-verżjoni inizjali tagħha. Billi din tal-aħħar ikkodifikat id-direttivi preċedenti, infakkar li l-ġurisprudenza dwarhom hija trasponibbli għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-Direttiva 2009/103 (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España (C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
( 4 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans (C‑442/10, EU:C:2011:799, punt 30).
( 5 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146); tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro (C‑334/16, EU:C:2017:1007); u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Línea Directa Aseguradora (C‑100/18, EU:C:2019:517).
( 6 ) Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, minn dak iż-żmien ’l hawn, Reaal Schadeverzekering NV ingħaqdet ma’ Nationale Nederlanden.
( 7 ) L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 huma fformulati kif ġej: “Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.
Il-ħsara koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu.”
( 8 ) Sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España (C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 9 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 2011, Carvalho Ferreira Santos (C‑484/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza Carvalho Ferreira Santos, EU:C:2011:158, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑23 ta’ Jannar 2014, Petillo (C‑371/12, EU:C:2014:26, punt 29).
( 10 ) Sentenza Carvalho Ferreira Santos (punt 33).
( 11 ) Ara s-sentenza Carvalho Ferreira Santos (punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara s-sentenza Carvalho Ferreira Santos (punti 36 sa 38).
( 13 ) Ma hemm l-ebda riferiment għal “sewwieq” fl-Ewwel Direttiva. Dan il-kunċett jidher għall-ewwel darba fit-Tieni Direttiva (ara l-premessa 9 u l-Artikolu 3 ta’ din it-Tieni Direttiva). Huwa biss l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva li jirreferi għal sewwieq. Ir-Raba’ Direttiva ssemmi lis-sewwieq fil-premessi 23 u 24 tagħha kif ukoll fl-Artikolu 5(4) tagħha. Fl-aħħar nett, isir riferiment għal sewwieq fil-premessa 15 u fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2005/14.
( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds (C‑201/13, EU:C:2014:2132, punti 14 u 15). Dwar ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 31), u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Línea Directa Aseguradora (C‑100/18, EU:C:2019:517, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Ara l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103.
( 16 ) Ara l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2009/103.
( 17 ) Ara l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2009/103. Ara wkoll, sa fejn teskludi r-rota elettrika mill-kunċett ta’ “vettura” fis-sens ta’ din id-direttiva, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, KBC Verzekeringen (C‑286/22, EU:C:2023:767).
( 18 ) Sentenza tat‑30 ta’ April 2025, Nastolo (C‑370/24, EU:C:2025:300, punti 37 sa 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi, imfittex mid-Direttiva 2009/103, ġie kkonfermat bid-Direttiva 2021/2118 (ara l-premessa 39 ta’ din id-direttiva).
( 19 ) Li fir-rigward tagħhom id-Direttiva 2021/2118 tippreferi l-kunċett ta’ “partijiet li jkunu sofrew ħsara” (ara l-premessa 2 ta’ din id-direttiva. Ara wkoll it-titolu tal-Artikolu 12 fil-verżjoni emendata tad-Direttiva 2009/103).
( 20 ) Dan huwa rifless fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2009/103. Nammetti li jiena sensittiv għall-argument, żviluppat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni, li skontu l-kriterji tad-definizzjoni ma għandhomx ikunu stretti żżejjed inkella jkun hemm riskju li tiġi ppreġudikata l-kompetenza tal-Istati Membri li jiddefinixxu huma stess is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili li jixtiequ.
( 21 ) Serje ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1042, p. 17.
( 22 ) Ara, rispettivament, l-Artikolu 8(1), (3), (4) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tat‑8 ta’ Novembru 1968 dwar it-Traffiku fit-Toroq.
( 23 ) Pereżempju, is-sempliċi interferenza fl-azzjoni ta’ sewqan minn persuna li ma hijiex is-sewwieq ma għandhiex tkun biżżejjed sabiex ittellef lil dan tal-aħħar minn din il-kwalità fis-sens tad-Direttiva 2009/103. Kif enfasizza l-Gvern Olandiż, għandha tingħata attenzjoni kbira sabiex tiġi ssalvagwardata ċ-ċertezza legali tal-vittmi. Issa, jekk il-kwalità ta’ sewwieq tista’ faċilment tintilef, dan ifisser li, fuq in-naħa l-oħra tal-mera, passiġġier jitlef il-kwalità tiegħu ta’ vittma. Għalhekk wieħed jista’ jsib ruħu f’sistema li fiha l-kumpanniji ta’ assigurazzjoni jkollhom interess li jikkontestaw b’mod sistematiku l-attitudni tal-passiġġieri fi ħdan il-parti interna tal-vettura, ħaġa li tippreġudika l-effettività tad-dritt għal kumpens tagħhom u għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, il-protezzjoni tagħhom.
( 24 ) Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 25 ) Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103.
( 26 ) Ara r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103.
( 27 ) Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103. L-użu tal-korsiv huwa tiegħi.
( 28 ) Ara, għad-danni fiżiċi, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2009/103.
( 29 ) Dan jikkuntrasta mal-plural użat sabiex jiġu deskritti l-passiġġieri.
( 30 ) Ara l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva. Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2000, Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira (C‑348/98, EU:C:2000:442, punt 26).
( 31 ) Hawnhekk ser nirriproduċi l-kliem użat waqt is-seduta minn Nationale Nederlanden.
( 32 ) Ara l-premessa 22 tad-Direttiva 2009/103. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “billi kien previst li l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu tal-vetturi tkopri r-responsabbiltà għal korriment fuq il-persuna tal-passiġġieri kollha l-oħra għajr is-sewwieq, l-Artikolu 1 tat-tielet Direttiva stabbiliet biss distinzjoni bejn dan is-sewwieq u l-passiġġieri l-oħra” (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2005, Candolin et (C‑537/03, EU:C:2005:417, punt 32)).
( 33 ) Għal dak li jirrigwarda l-kopertura tad-danni fiżiċi tal-membri tal-familja tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, tas-sewwieq jew ta’ kull persuna oħra li r-responsabbiltà ċivili tagħha tkun stabbilita, ara l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2009/103; għal dak li jirrigwarda l-kopertura tad-danni fiżiċi u materjali ta’ dawk li jkunu mexjin, ta’ ċiklisti u ta’ utenti oħra tat-triq li ma għandhomx vettura bil-mutur, ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva.
( 34 ) Dwar il-kwalità ta’ terzi vittmi tal-passiġġieri, ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Matmut (C‑236/23, EU:C:2024:761, punt 34). Minn dan jirriżulta li l-persuna assigurata għas-sewqan tal-vettura, iżda li tkun passiġġiera fil-mument tal-inċident, titqies li hija passiġġier vittma fis-sens tad-Direttiva 2009/103; ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Matmut (C‑236/23, EU:C:2024:761, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 35 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 36 ) Din il-konstatazzjoni ma tinbidilx bil-qari tas-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, Carvalho Ferreira Santos (C‑484/09, EU:C:2011:158). Hemmhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar il-kompatibbiltà mad-Direttivi tal-“assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili” ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tipprevedi, fil-każ ta’ ħabta bejn żewġ vetturi u fin-nuqqas ta’ tort imputabbli lis-sewwiewqa, tnaqqis tar-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata (is-sewwieq) skont is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili nazzjonali applikabbli. Il-leġiżlazzjoni Portugiża kienet għalhekk intiża sabiex “taqsam ir-responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati matul ħabta bejn żewġ vetturi bil-mutur, fin-nuqqas ta’ tort imputabbli lis-sewwieqa” (ara l-punt 41 tas-sentenza Carvalho Ferreira Santos) u din il-qasma kellha neċessarjament impatt fuq il-kumpens mogħti. Fl-ipoteżi tas-sentenza Carvalho Ferreira Santos, kull wieħed mis-sewwieqa kien għalhekk responsabbli kemm għad-dannu kkawżat lill-ieħor (li għalhekk sar terza vittma) kif ukoll bħala terza vittma stess. Huwa f’dan is-sens li għandha tinftiehem l-espressjoni “id-dritt tal-vittmi, li f’dan il-każ huwa dak tas-sewwieq” li tinsab fil-punt 43 tas-sentenza u din il-kwalità doppja hija espressament enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 45 ta’ din is-sentenza. L-ordinament ġuridiku Portugiż kien għażel li jsolvi din l-inkonsistenza apparenti billi ppreveda qsim tar-responsabbiltà ċivili proporzjonalment għall-kontribuzzjoni ta’ kull vettura (ara l-punt 43 tal-istess sentenza) – biex ma ngħidx sewwieq – għat-twettiq tad-danni. Is-sentenza Carvalho Ferreira Santos għandha għalhekk tinqara fid-dawl tal-fatti u tal-kuntest ġuridiku nazzjonali li kienu jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali.
( 37 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Matmut (C‑236/23, EU:C:2024:761, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 38 ) Ħlief każ partikolari msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103.
( 39 ) Id-diversità tal-mudelli magħżula mill-Istati Membri għandha tiġi ppreżervata u huwa minħabba li l-Istati Membri ma qablux dwar id-definizzjoni ta’ sistema unika li d-Direttiva 2009/103 tħaddan dan l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar kif nafuh. Pereżempju, ċerti Stati Membri għażlu mudell li fih id-danni kkawżati mill-vettura huma assigurati permezz tas-sewwieq tagħha li huwa d-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni. Hija għalhekk il-persuna tas-sewwieq li hija assigurata għad-danni kkawżati lil terzi mill-vettura li huwa jsuq. F’sistemi bħal dawn, wieħed jara sew id-diffikultajiet kollha li jistgħu jqumu sabiex jiġi aċċettat li l-kwalità ta’ sewwieq tista’ tiġi ttrasferita lil passiġġier tal-vettura malli jkun hemm l-inqas intervent minn dan tal-aħħar. Wieħed ma jistax jippretendi li l-assigurazzjoni tas-sewwieq tkopri d-danni kkawżati lil dan tal-aħħar mill-passiġġier li intervjena fis-sewqan, u dan il-passiġġier, min-naħa tiegħu, probabbilment ma jkunx assigurat fil-kwalità tiegħu ta’ sewwieq.
( 40 ) Kif, jidhirli, diġà jirriżulta mill-qari tal-punt 24 tas-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2005, Candolin et (C‑537/03, EU:C:2005:417).
( 41 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España (C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 42 ) Tali sistema tista’ tipprevedi klawżoli ta’ esklużjoni, bħalma huwa l-każ tal-assigurazzjoni tas-sewwieq konkluża sabiex tkopri d-danni ta’ ED. Jidher għalhekk li l-uniku rimedju li jifdallu dan tal-aħħar huwa li jfittex, jekk ikun il-każ, ir-responsabbiltà ċivili tal-kowċ (ara l-punt 11 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Olandiż).