Subject of the case
Parti operattiva

Subject of the case

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Tribunale Amministrativo Regionale del Lazio - Interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/105/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar it-trasparenza ta’ miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-persuna [mill-bniedem] u li jkunu parti mill-pjan ta’ sistemi nazzjonali ta’ assigurazzjoni tas-saħħa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 345) – Prodotti mediċinali suġġetti għal iffriżar tal-prezzijiet – Metodi li għandhom jiġu segwiti fil-każ ta’ tnaqqis eventwali fil-prezzijiet.

Parti operattiva

Dispożittiv

1) L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/105/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar it-trasparenza ta’ miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-persuna u li jkunu parti mill-pjan ta’ sistemi nazzjonali ta’ assigurazzjoni tas-saħħa, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sakemm ir-rekwiżiti previsti f’din id-dispożizzjoni huma sodisfatti, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jadottaw miżuri ta’ portata ġenerali li jikkonsistu fit-tnaqqis tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali kollha jew ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti mediċinali, anki jekk l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri ma hijiex ippreċeduta minn iffriżar ta’ dawn il-prezzijiet.

2) L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/105 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sakemm ir-rekwiżiti previsti f’din id-dispożizzjoni huma sodisfatti, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ tnaqqis tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali kollha jew ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti mediċinali hija possibbli diversi drabi fis-sena, u dan għal diversi snin.

3) L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/105 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix li miżuri intiżi sabiex jikkontrollaw il-prezzijiet tal-prodotti mediċinali kollha jew ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti mediċinali jkunu adottati abbażi ta’ stimi tal-ispejjeż, sakemm ir-rekwiżiti previsti f’din id-dispożizzjoni huma sodisfatti u dawn l-istimi huma bbażati fuq elementi oġġettivi u verifikabbli.

4) L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/105 għandu jiġi interpretat fis-sens li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, filwaqt li josservaw l-għan ta’ trasparenza segwit minn din id-direttiva kif ukoll ir-rekwiżiti previsti f’din id-dispożizzjoni, il-kriterji li abbażi tagħhom għandha ssir ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet makroekonomiċi prevista f’din id-dispożizzjoni u li dawn il-kriterji jistgħu jikkonsistu fi spejjeż farmaċewtiċi biss, fl-ispejjeż tas-saħħa kollha jew ukoll f’tipi oħra ta’ spejjeż.