KONKLUŻJONIJIET TA' L-AVUKAT ĠENERALI
JULIANE KOKOTT
ippreżentati fit-18 ta’ Lulju 2007 ( 1 )
Kawża C-294/06
The Queen, fuq talba ta’:
Ezgi Payir et
vs
Secretary of State for the Home Department
“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Moviment liberu tal-ħaddiema — Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni — L-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 6(1) — Ħaddiem Tork legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol — Permess ta’ dħul bħala student jew au pair — Effett fuq id-dritt ta’ residenza”
I — Introduzzjoni
|
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KEE/Turkija tad-19 ta' Settembru 1980, dwar l-Iżvilupp ta' l-Assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem “id-Deċiżjoni Nru 1/80”) u tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-persuni li jaħdmu bħala au pair u studenti li għandhom impjieg sekondarju jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
II — Il-kuntest ġuridiku
A — Id-dritt Komunitarju
|
2. |
Il-Ftehim li ħoloq Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) ġie ffirmat f’Ankara fit-12 ta' Settembru 1963 mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa waħda, u mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u ġie konkluż, approvat u kkonfermat f'isem il-Komunità mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 64/732/KEE tat-23 ta' Diċembru 1963 ( 2 ). |
|
3. |
L-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim li ħoloq/ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, tat-23 ta’ Novembru 1970, jipprovdi li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jistabbilixxi r-regoli neċessarji għall-implementazzjoni gradwali tal-moviment liberu ta’ ħaddiema bejn l-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija skond il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. |
|
4. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni adotta d-Deċiżjoni Nru 1/80 tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-Iżvilupp ta’ l-Assoċjazzjoni ( 3 ). |
|
5. |
Skond l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Deċiżjoni Nru 1/80: “1. Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għal xogħol għal membri tal-familja tiegħu, ħaddiem Tork, li huwa legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru:
|
B — Il-liġi nazzjonali
|
6. |
Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dħul fit-territorju ta’ ħaddiema au pair u ta’ studenti jinsabu fil-“House of Commons Paper” 395 (iktar ’il quddiem “HC 395”). |
|
7. |
Ir-regoli applikabbli għall-persuni li jitpoġġew bħala au pair huma previsti mill-Artikoli 88 sa 93 tal-HC 395. L-Artikolu 88 jiddefinixxi l-impjieg au pair bħala kuntratt li bis-saħħa tiegħu persuna li għandha bejn 17 u 27 sena tmur ir-Renju Unit bil-għan li titgħallem l-Ingliż. Hija toqgħod f’dan iż-żmien għand familja li titkellem bl-Ingliż fejn tgawdi minn opportunitajiet xierqa sabiex tistudja, u tgħin fix-xogħol tad-dar għal 5 sigħat kuljum l-iktar u tirċievi, bħala ħlas, kumpens raġjonveoli, u tgawdi minn jumejn ta’ mistrieħ fil-ġimgħa. |
|
8. |
Persuna li tixtieq tikseb permess ta’ dħul fir-Renju Unit bħala “au pair” żagħżugħa m’għandhiex, skond l-Artikolu 89, ikollha l-ħsieb li toqgħod fir-Renju Unit għal iktar minn sentejn bħala impjegata “au pair ”, u bi ħsiebha titlaq mir-Renju Unit wara li ttemm ir-residenza tagħha “au pair”. |
|
9. |
Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dħul ta’ persuni qegħdin fl-Artikoli 57 sa 62 tal-HC 395. |
|
10. |
Skond l-Artikolu 57, persuna li titlob li tiġi awtorizzata tidħol fir-Renju Unit bħala student trid tkun ġiet aċċettata li ssegwi kors ta’ studju, tkun tista’ u jkollha l-ħsieb li tagħmel korsijiet ta’ studju rikonoxxuti li jkunu full time, u jkollha l-intenzjoni li titlaq mir-Renju Unit fl-aħħar ta’ l-istudji tagħha. Hija m’għandhux ikollha l-ħsieb li taħdem f’xogħol indipendenti jew bil-paga, ħlief għal attivitajiet part time jew ta’ xogħol fil-vaganzi, li għalihom irid jingħata permess. |
|
11. |
Skond l-Artikolu 58, persuna li titlob li tiġi awtorizzata tidħol fir-Renju Unit bħala student tista’ tiġi aċċettata bil-kundizzjoni li tirrestrinġi d-dritt tagħha li jkollha impjieg. Fil-Kapitlu 3, Anness A, Paragrafu 4 ta’ l-“Immigration Director’s Instructions” (Struzzjonijiet tad-Direttur ta’ Immigrazzjoni) hemm iktar dettalji f’dan ir-rigward. Persuna awtorizzata li tidħol jew toqgħod bħala student bil-kundizzjoni li tillimita d-dritt tagħha li jkollha impjieg (minflok projbizzjoni li jkollha impjieg), għandha permess ġenerali ta’ xogħol, sakemm it-tul tax-xogħol ma jaqbiżx l-20 siegħa fil-ġimgħa matul iż-żmien ta’ l-iimpjieg, bl-eċċezzjoni tal-perjodi ta’ vaganzi. |
III — Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali
|
12. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma ċittadini Torok li kienu kisbu permess ta’ dħul fir-Renju Unit sabiex ikollhom iimpjieg au pair (E. Payir), jew għal raġunijiet ta’ studju (B. Akyuz u B. Ozturk). |
|
13. |
E. Payir kienet kisbet fis-sena 2000 permess sabiex tidħol fir-Renju Unit. Dan il-permess kien mogħti bil-kundizzjoni illi ma jkollha ebda impjieg ieħor, bi ħlas jew le, ħlief dak ta’ żagħżugħa au pair. Minn mindu daħlet, E. Payir ħadmet f’żewġ familji. Fit-tieni familja, li kienet toqgħod għandha minn Marzu 2001, hija ħadmet bejn 15 u 25 siegħa fil-ġimgħa f’dar u tieħu ħsieb it-tfal. Għal dan ix-xogħol hija ngħatat l-ikel u alloġġ bla ħlas kif ukoll GBP 70 fil-ġimgħa. Is-Sinjura xtaqet tibqa’ taħdem ma’ din il-familja. |
|
14. |
B. Akyuz u B. Ozturk daħlu fl-1997 u fl-1999 bħala studenti fir-Renju Unit. Huma ngħataw għal dan il-għan permess ta’ dħul u wara permess ta’ residenza, li kien iħallihom jagħmlu xogħol ta’ mhux iktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa, bl-eċċezzjoni tal-perjodi ta’ vaganzi. Matul l-istudji tagħhom, iż-żewġ studenti ħadmu part time bħala wejters fil-limiti ta’ żmien permess. Il-persuni li impjegawhom ipproponew li jiġġedded il-kuntratt tagħhom ta’ xogħol. |
|
15. |
Ir-rikorrenti marru għand is-Secretary of State for the Home Department (Ministeru ta’ l-Intern, iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”) sabiex jiksbu tibdil jew estensjoni tal-permess tagħhom ta’ residenza bl-għan li jkunu jistgħu jkomplu jaħdmu fir-Renju Unit. Huma sostnew li huma ħadmu ma’ l-istess persuna li timpjega għal iktar minn sena u talbu li jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu ma’ l-istess persuna. |
|
16. |
Is-Secretary of State ċaħad it-talbiet tagħhom, peress li l-istudenti li jeżerċitaw attività part time u l-impjegati au pair ma jistgħux jistrieħu fuq l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ġew ikkontestati b’rikors quddiem il-qrati mir-rikorrenti. L-Administrative Court tal-High Court of England and Wales laqgħet ir-rikors tagħhom u annullat id-deċiżjoni tas-Secretary of State, minħabba l-fatt li r-rikorrenti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Is-Secretary of State appella mid-deċiżjonijiet ta’ l-Administrative Court quddiem il-Court of Appeal. |
IV — It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
17. |
B’deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 2006, il-Court of Appeal staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
18. |
Ħadu sehem fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss il-partijiet fil-kawża prinċipali iżda wkoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Olandiż, kemm fil-proċedura bil-miktub kif ukoll f'dik orali; barra minn hekk il-gvern Taljan ippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub. |
V — Evalwazzjoni
|
19. |
Sabiex tkun tista’ tinvoka l-benefiċċju ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-persuna kkonċernata trid tkun ħaddiema Torka li hija legalment irreġistrata fis-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti u jkollha impjieg legali matul iż-żmien previst fl-Artikolu 6(1). Issa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk impjegati au pair u l-istudenti li għandhom impjieg sekondarju humiex ħaddiema skond l-Artikolu 6 u jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma legalment irreġistrati fis-suq tax-xogħol. Dan ifisser li essenzjalment hija tistaqsi jekk, għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1), għandux jingħata importanza lill-fatt li d-dħul fl-Istat ospitanti kien ġie awtorizzat bl-għan li jiġi segwit kors ta’ studju jew, fil-każ ta’ impjieg au pair, li jinkiseb għarfien lingwistiku. |
|
20. |
Il-qorti tar-rinviju ma tagħmilx espressament domanda fuq it-tielet kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1), jiġifieri l-kunċett ta’ “impjieg legali”. Madankollu, sabiex tingħata risposta kompleta u definittiva lid-domanda tal-qorti tar-rinviju, din it-tielet kundizzjoni mitluba mill-Artikolu 6 għandha tiġi kkunsidrata fl-evalwazzjoni li ser issir. |
A — Il-kwalità ta’ ħaddiem
|
21. |
Hija ġurisprudenza stabbilita illi għandhu jsir riferiment għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ħaddiem fid-dritt Komunitarju sabiex jiġi ddeterminat xi jfisser dan l-istess kunċett użat mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 4 ). Hekk, dan il-kunċett ikollu tifsira Komunitarja u mhux jiġi interpretat b’mod restrittiv biss. Huwa ddefinit skond kriterji oġġettivi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni tax-xogħol b’riferiment għad-drittijiet u d-dmirijiet tal-persuni kkonċernati. Sabiex tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala ħaddiem, persuna għandha teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet fuq skala daqstant żgħira li huma purament marġinali u anċillari. Il-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni tax-xogħol hija ċ-ċirkustanza illi persuna twettaq, għal ċertu zmien, favur persuna oħra u taħt it-tmexxija tagħha, servizzi għal ħlas ta’ kumpens ( 5 ). |
1. L-impjegati au pair
|
22. |
Fil-każ ta’ impjegati au pair li, bħal E. Payir, jekk wieħed jirreferi għall-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, jiddedikaw 25 sa 30 siegħa fil-ġimgħa sabiex jieħdu ħsieb it-tfal u għax-xogħol tad-dar, għandu, bħala prinċipju, jiġi aċċettat li jkun hemm il-kwalità ta’ ħaddiem. |
|
23. |
Meta persuna taħdem għal 25 sa 30 siegħa fil-ġimgħa u twettaq attivtijiet bħalma huma li tieħu ħsieb it-tfal u x-xogħol tad-dar, ma jistax jiġi kkunsidrat, la mil-lat tat-tul ta’ l-attività u lanqas mil-lat tal-kontenut tagħha, illi l-attività hija biss purament marġinali u anċillari. Għall-kuntrarju, il-kwistjoni tirrigwarda attivitajiet reali u effettivi, kif jitlob il-kunċett ta’ ħaddiem. |
|
24. |
Il-fatt illi impjegat au pair ma jaħdimx full time ma jipprekludix li dan jiġi kkwalifikat bħala ħaddiem. Fil-kuntest ta’ l-Artikolu 39 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet illi persuna li taħdem biss part time tista’ tiġi kkunsidrata bħala ħaddiem ( 6 ). Dan jgħodd ukoll fil-kuntest ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Dak li hu determinanti, bil-kontra, huwa l-karattru reali u effettiv ta’ l-attività, li m’għandhiex tkun purament marġinali u anċillari. |
|
25. |
In ġenerali, impjegat au pair huwa wkoll suġġett għall-istruzzjonijiet tal-familja ospitanti. |
|
26. |
Wieħed jista’ jistaqsi lilu nnifsu jekk il-kwalità ta’ ħaddiem hijiex eskluża meta impjegat au pair jirċievi l-kumpens tiegħu fil-forma ta’ ikel u alloġġ b’xejn minbarra somma ta’ flus. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali Nru 1 hija wkoll ikkumpensata bl-attività tagħha peress li tingħata ikel u alloġġ b’xejn, u tirċievi GBP 70 fil-ġimgħa. |
|
27. |
Fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 39 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet illi mhuwiex rilevanti, sabiex tiddetermina jekk xi ħadd għandux jingħata l-istatus ta’ ħaddiem, illi l-kumpens ikun fil-forma ta’ alloġġ u ikel u somma zgħira ta’ flus ( 7 ). |
|
28. |
Sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ ħaddiem skond l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-Qorti tal-Ġustizzja hija ispirata, fil-ġurisprudenza stabbilita, mid-definizzjoni mogħtija għal dan it-terminu fil-kuntest ta’ l-Artikolu 39 KE. Għalhekk, mhemmx raġuni għalfejn għandu jiġi kkunsidrat rilevanti fil-kuntest tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għad-differenza ta’ l-Artikolu 39 KE, li l-kumpens jingħata fil-forma ta’ benefiċċji ta’ alloġġ u ikel. |
|
29. |
Din l-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ ħaddiem ta’ l-iimpjieg au pair mhijiex mibdula mill-kuntest partikolari li fih huwa kkollokat l-iimpjieg au pair. Iimpjieg au pair għandu qabel xejn iservi sabiex itejjeb l-għarfien lingwistiku tal-persuna kkonċernata u jikkontribwixxi għal skambji kulturali. L-iimpjieg au pair huwa għalhekk fil-biċċa l-kbira marbut, b’mod prinċipali, ma’ vantaġġi li jmorru lil hinn mill-kumpens ta’ l-attivitajiet tiegħu permezz ta’ l-għoti b’xejn ta’ ikel u alloġġ u ta’ somma żgħira ta’ flus. Dan il-fatt biss ma jistax madankollu jeskludi l-kwalità ta’ ħaddiem ta’ l-impjegat au pair. Fil-fatt, kuntratti ta’ xogħol oħrajn jistgħu jkunu marbuta ma’ vantaġġi li jmorru lil hinn mit-teħid ta’ salarju. Dan jista’ jkun il-każ ta’ iimpjieg barra l-pajjiż li jippermetti wkoll, per eżempju, li wieħed jitgħallem lingwa barranija jew, b’mod iktar ġenerali, li jakkwista esperjenza professjonali barra l-pajjiż. |
|
30. |
Barra minn hekk, l-iimpjieg au pair jista’ jkollu bħala karratteristika tiegħu il-fatt illi l-integrazzjoni fi ħdan familja ospitanti jkollha importanza partikolari, li fuqha l-gvern Taljan insista. F’dan ir-rigward, jista’ jsir paragun mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwalità ta’ ħaddiem mogħtija lill-membri tal-familja. Fuq il-punt dwar jekk persuna mqabbda minn membru tal-familja tiegħu stess tistax tiġi kkunsidrata bħala ħaddiem fir-rigward tat-Trattat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi hu determinanti li hemm rabta ta’ subordinazzjoni, kundizzjoni tipika rikjesta sabiex ikun hemm kuntratt ta’ xogħol ( 8 ). |
|
31. |
Bħala prinċipju, impjegat au pair għandu jiġi kkunsidrat għalhekk bħala ħaddiem skond l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 9 ). |
|
32. |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-impjieg au pair jista’ jiġi organizzat b’mod differenti. Għalhekk, il-punt dwar jekk impjieg au pair jissodisfax il-kriterji ta’ status ta’ ħaddiem jiddependi miċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ fil-kawża partikolari. Għalhekk huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu jekk il-kriterji ta’ rikonoxximent tal-kwalità ta’ ħaddiem ikunux issodisfati f’kull każ partikolari. |
2. Studenti
|
33. |
L-istudenti li, bħar-rikorrenti nru 2, għandom l-attività ta’ wejter fil-limiti ta’ 20 siegħa fil-ġimgħa u jirċievu kumpens regolari għal dan huma ħaddiema fir-rigward ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Fil-fatt, huma jeżerċitaw attività reali u effettiva, f’rabta ta’ subordinazzjoni, u għal dan jirċievu kumpens. Il-fatt illi jeżerċitaw biss attività part time mhuwiex ta’ xkiel għar-rikonoxximent ta’ l-istatus ta’ ħaddiem ( 10 ). Għalkemm attività ta’ 20 siegħa fil-ġimgħa ma tirrapreżentax xogħol full time, din l-attività ma tistax tiġi kkwalifikata bħala purament marġinali u anċillari. |
|
34. |
L-istudenti li għandhom impjieg matul l-istudji tagħhom għandhom bħala prinċipju jkunu kkunsidrati bħala ħaddiema, sakemm l-impjieg tagħhom mhuwiex purament marġinali u anċillari ( 11 ). |
3. Paragun mal-kawża Bettray
|
35. |
Il-qorti tar-rinviju tiċċita s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Bettray u titlob lill-qorti tal-Ġustizzja jekk jistax jiġi dedott minn din is-sentenza prinċipju ġenerali li l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu sistemi li għandhom għan essenzjalment soċjali, bil-konsegwenza li impjieg li jaqa’ taħt din is-sistema ma jistax jiġi kkunsidrat bħala relazzjoni ta’ xogħol għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Wieħed jista’ jikkunsidra li l-permess mogħti lill-istudenti li jkollhom impjieg sekondarju u l-possibbilità għaż-żagħżagħ li jkunu impjegati au pair jikkostitwixxu din is-sistema. |
|
36. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Bettray illi dawk l-attivitajiet li jservu biss bħala mezz ta' edukazzjoni mill-ġdid jew ta' inseriment mill-ġdid tal-persuni li jeżerċitawhom ma jistgħux jitqiesu bħala attivitajiet ekonomiċi reali u effettivi ( 12 ). Il-kawża li wasslet għal dik is-sentenza kienet tirrigwarda persuna illi, minħabba l-abbuż tagħha mid-drogi, kienet ġiet impjegata abbażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt intern intiżi li jagħtu xogħol lill-individwi li, waqt tul ta’ żmien indeterminat, minħabba ċ-ċirkustanzi marbuta ma’ l-istat tagħhom, ma kienx jista’ jkollhom iimpjieg f’kundizzjonijiet normali: il-persuna kkonċernata, barra minn hekk, ma kinitx ġiet impjegata għall-kapaċitajiet tagħha li teżerċita impjieg partikolari, iżda ngħatat, għall-kuntrarju, fil-kuntest ta’ impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ xogħol maħluqa speċjalment għal għan soċjali, attivitajiet intiżi għall-possibbiltajiet fiżiċi u mentali tagħha. |
|
37. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet sussegwentement fuq il-karattru uniku tas-sitwazzjoni li kien hemm fil-kawża Bettray, u stqarret li s-soluzzjoni deċiża f’dan il-kuntest hija ġġustifikata biss fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ dik il-kawża u ma ssegwix, għalhekk, il-linja ta’ ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ħaddiem fid-dritt Komunitarju. Is-sentenza ma tistax għalhekk tintuża f’kawżi li m’għandhomx karatteristiċi li huma simili għal dawk tal-kawża Bettray ( 13 ). |
|
38. |
L-attivitajiet eżerċitati mill-impjegati au pair u l-istudenti jikkostitwixxu madankollu bħala regola ġenerali attività reali u effettiva. Il-karatteristiċi partikolari tal-kawża Bettray mhumiex preżenti fil-każ ta’ studenti u ta’ impjegati au pair. Is-sentenza Bettray ma tippermettix għalhekk li tikkonkludi li l-impjegati au pair u l-istudenti li għandhom impjieg sekondarju ma jistgħux jingħataw l-istatus ta’ ħaddiema. |
B — Impjieg legali
|
39. |
Il-kunċett ta’ “impjieg legali” jassumi, skond il-ġurisprudenza, sitwazzjoni stabbli u mhux prekarja fuq is-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru u jimplika, għalhekk, li hemm dritt ta’ residenza mhux ikkontestat ( 14 ). Għaldaqstant, il-persuna kkonċernata ma tistax tkun f’sitwazzjoni prekarja li tista’ tiġi kkontestata f’kull ħin ( 15 ). |
|
40. |
Kif indikat il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża preżenti kellhom ukoll dritt ta’ residenza matul l-impjieg tagħhom. Bħala prinċipju, l-impjegati au pair u l-istudenti mhumiex f’sitwazzjoni prekarja li tista’ tiġi kkontestata f’kull ħin. |
|
41. |
Il-Gvern Olandiż osserva korrettament li r-residenza ta’ student fl-Istat Membru ospitanti hija limitata fiż-żmien għat-tul ta’ l-istudji. Madankollu, dan ma jfissirx li d-dritt ta’ residenza ta’ l-istudent huwa prekarju u jista’ jiġi kkontestat f’kull ħin. |
|
42. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt diġà ddeċidiet illi, sabiex ikun hemm “impjieg legali”, mhuwiex rilevanti li l-ħaddiem ikun ġie infurmat mad-dħul tiegħu fl-Istat ospitanti li d-dritt tiegħu ta’ residenza kien suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet sostantivi u dwar tul ta’ żmien ( 16 ). |
|
43. |
Il-fatt biss li r-residenza fl-Istat ospitanti tingħata għal żmien determinat m’għandux l-effett li jagħmluha prekarja. |
|
44. |
Skond il-ġurisprduenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’sitwazzjoni prekarja fuq is-suq tax-xogħol wieħed għandu jifhem, per eżempju, il-perjodu li fih il-ħaddiem, billi jibbenefika mill-effett sospensiv ta’ l-appel li jkun ressaq kontra r-rifjut li jingħatalu dritt ta’ residenza, jista’ jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat u hemmhekk jeżerċita impjieg ( 17 ). |
|
45. |
Madankollu, is-sitwazzjoni ta’ l-impjieg au pair jew ta’ student mhijiex simili għal din is-sitwazzjoni. |
C — Reġistrazzjoni fis-suq tax-xogħol
|
46. |
Hija ġurisprudenza stabbilita illi l-espressjoni “legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol” użata fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 1/80 tirrikjedi li r-relazzjoni ġuridika ta’ xogħol tal-persuna kkonċernata tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru jew li għandha rabta mill-qrib bizzejjed ma’ dan it-territorju ( 18 ). |
|
47. |
Jista’ jiġi mistoqsi jekk ir-rekwiżit li persuna tkun legalment irreġistrata fis-suq tax-xogħol jimponix kundizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-ħtieġa ta’ impjieg legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet b’mod negattiv għal din id-domanda fis-sentenza Birden ( 19 ). Hija ddeċidiet fil-fatt illi l-espressjonijiet “regulär” (ekwivalenti għal “regolari”) u “ordnungsgemäßen” (ekwivalenti għal “legali”) li hemm fil-verżjoni Ġermaniża huma identiċi. |
|
48. |
Il-kunċett ta’ “legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol” jirreferi għalhekk għall-ħaddiema kollha li kkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet legali u mar-regolamenti ta’ l-Istat ikkonċernat u għandhom b’hekk id-dritt li jeżerċitaw attività professjonali fit-territorju tagħhom ( 20 ). |
|
49. |
Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol m’għandux għalhekk jiġi interpretat bħala li jfisser is-suq ġenerali tax-xogħol, b’kuntrast għal suq ristrett li għandu għan soċjali speċifiku ( 21 ). |
|
50. |
Il-fatt li l-attivatijiet au pair u l-iimpjiegi li l-istudenti jeżerċitaw matul l-istudji tagħhom għandhom ġeneralment karatteristiċi partikolari — safejn għandhom ċertu għan soċjali peress illi jippermettilhom (ukoll) li jakkwistaw għarfien lingwistiku — ma jbiddel xejn minn din l-evalwazzjoni: huma attivitajiet eżerċitati minn persuni “legalment irreġistrati fis-suq tax-xogħol” fis-sens ta’ l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni Nru 1/80. |
D — Konklużjoni parzjali
|
51. |
Kemm l-istudenti kif ukoll l-impjegati jissodisfaw għalhekk, prima facie, il-kriterji ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. |
E — L-għan ta’ dħul fit-territorju
|
52. |
Iċ-ċirkustanzi li taw bidu għal din il-kawża għandhom mandankollu karatteristika partikolari: l-Istati Membri li intervenew fil-proċedura enfasizzaw li l-permess ta’ dħul ma ngħatax sabiex jingħata impjieg fis-suq tax-xogħol. L-istudenti kienu awtorizzati jidħlu fit-territorju għal raġunijiet ta’ studju u setgħu jkollhom impjieg biss b’mod anċillari sabiex jiffinanzjaw l-istudji tagħhom. L-ammissjoni ta’ impjegat au pair isseħħ għall-għanijiet ta’ tagħlim lingwistiku u ta’ skambji kulturali. |
|
53. |
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat x’inhuma l-konsegwenzi li l-għan ta’ residenza meta jsir id-dħul fl-Istat Membru ospitanti jista’ jkollu fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ħaddiem skond l-Artikolu 6 (1) tad-Deċiżjoni Nru. 1/80. |
1. L-istudenti
|
54. |
L-Istati Membri li ħadu parti fil-proċedura huma tal-fehma illi ċ-ċittadini Torok li kienu awtorizzati jidħlu għal raġunijiet ta’ studju, anki jekk jeżerċitaw impjieg sekondarju, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna fil-fatt biss lill-individwi ammessi sabiex jirrisjedu preċiżament fil-kwalità ta’ ħaddiem. |
|
55. |
Il-Gvern Olandiż u l-Gvern Ġermaniż jinvokaw f’dan il-kuntest id- Direttiva tal-Kunsill Nru 2004/114/KEE tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal raġunijiet ta’ studju, ta’ skambju ta’ studenti, ta’ taħriġ mhux ikkumpensat jew ta’ volontarjat ( 22 ). L-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri li jawtorizzaw lill-istudenti li ġejjin minn Stati terzi jeżerċitaw impjieg sekondarju ta’ mill-anqas 10 sigħat fil-ġimgħa jew l-ekwivalenti fi ġranet jew f’xhur kull sena. |
|
56. |
Mill-kliem tad-Direttiva 2004/114 jista’ jiġi dedott li l-leġiżlatur Komunitarju ma jikkunsidrax lill-istudenti illi jeżerċitaw impjieg sekondarju bħala ħaddiema iżda jkompli jikkunsidrahom bħala studenti, u minħabba f’hekk l-istudenti lanqas ma setgħu jiġu kklassifikati bħala ħaddiema fil-kuntest tad-Deċiżjoni 1/80. |
|
57. |
Dan l-argument mhuwiex madankollu konvinċenti. Minn naħa, id-Direttiva 2004/114 — li barra dan ma torbotx lir-Renju Unit ( 23 ) - tipprovdi espressament fl-Artikolu 4(1) li d-direttiva hija applikabbli bla ħsara għad-dispożizzjonijiet iktar favorevoli tal-ftehim bilaterali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Direttiva ma tista’ fl-ebda każ tiġġustifika interpretazzjoni restrittiva ta’ klawżola bilaterali. Min-naħa l-oħra, iż-żewġ strumenti ġuridiċi għandhom suġġett normattiv differenti. Jekk id-Direttiva 2004/114 tiddetermina f’liema miżura minima l-istudenti għandhom jingħataw id-dritt li jeżerċitaw impjieg sekondarju, dan ma jwassal għal ebda konklużjoni għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. |
|
58. |
Dejjem rigward id-Direttiva 2004/114, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Olandiż, madankollu, josservaw li, fil-każ ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għall-istudenti, l-obbligu li d-Direttiva timponi fuq l-Istati Membri sabiex jawtorizzaw lill-istudenti jeżerċitaw impjieg sekondarju għandu jagħti lil kull student Tork il-possibbiltà li jgawdi d-drittijiet previsti mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Id-deċiżjoni ta' Stat Membru li jawtorizza lil ċittadin Tork jirrisjedi hemmhekk għall-istudji tiegħu twassal għall-konsegwenza, permezz tar-regola ta' l-Artikolu 17(1) tad-direttiva, li l-istudent — malli juża d-dritt tiegħu li jeżerċita impjieg matul il-perijodu ta’ l-istudji tiegħu, li ġeneralment huwa itwal mit-terminu stabbilit fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 — jikseb direttament dritt ta’ residenza fit-tul. |
|
59. |
L-Istati Membri jirreferu f’dan ir-rigward għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li d-deċiżjoni dwar l-ewwel dħul u l-ewwel impjieg ta’ ċittadin, u għalhekk id-deċiżjoni li tagħti jew le lil ċittadin Tork il-possibbiltà li jikseb sussegwentement id-drittijiet previsti mill-Artikolu 6 (1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tappartjeni lill-Istati Membri ( 24 ). |
|
60. |
Issa, minħabba l-obbligu stabbilit mid-direttiva li l-istudenti Torok għandhom jiġu awtorizzati jeżerċitaw impjieg sekondarju, l-Istati Membri ma jistgħux iktar jiddeċiedu huma stess sabiex jawtorizzaw l-ewwel impjieg ta’ l-istudent. Barra minn hekk, jekk wieħed jitlaq mill-premessa li l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija applikabbli, l-istudent Tork jista’ għalhekk jikseb b’mod definittiv dritt ta’ residenza fit-tul sabiex jeżerċita attività professjonali, mingħajr ma l-Istat ospitanti ma jista’ jiddeċiedi, bħala regola, fuq il-kwistjoni ta’ l-attività professjonali u ta' l-estensjoni tar-residenza għal skopijiet professjonali. L-Istati Membri jsostnu f’dan ir-rigward illi l-unika miżura regolatorja fil-qasam tal-politika ta’ l-impjieg li tibqa’ għad-dispożizzjoni tagħhom fil-konfront ta’ l-istudenti Torok u d-dħul eventwali tagħhom fis-suq tax-xogħol permezz ta’ l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni tkun li jikkontrollaw b’mod iktar rigoruż, u jekk ikun il-każ li jnaqqsu sa mill-bidu n-numru ta’ ċittadini Torok awtorizzati jidħlu sabiex jistudjaw. |
|
61. |
Il-Kummissjoni wkoll irrispondiet fis-seduta għad-domanda dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-effett kombinat tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u tad-Direttiva 2004/114. Billi l-Kummissjoni sostniet illi, jekk ikun il-każ, jiġi miċħud l-istatus ta’ ħaddiem meta hemm attività ta’ 10 sigħat fil-ġimgħa, m’hemmx lok li jiġi milqugħ l-argument tagħha, minħabba dak li diġà ntqal iktar ’il fuq dwar il-kunċett ta’ ħaddiem. Attività ta’ 10 sigħat fil-ġimgħa tikkostitwixxi wkoll attività reali u effettiva u mhijiex ta’ firxa tant imnaqqsa li għandha tiġi kkwalifikata bħala marġinali u sekondarja, fid-dawl tad-definizzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
62. |
Il-kwistjoni dwar jekk, sabiex tinterperta l-kunċett ta’ ħaddiem użat fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għandux jittieħed in kunsiderazzjoni l-għan speċifiku ta’ l-ammissjoni ta’ studenti fit-territorju u l-fatt illi huma awtorizzati jeżerċitaw impjieg biss b’mod anċillari sabiex jiffinanzjaw l-istudji tagħhom, għandha tiġi solvuta abbażi ta’ interpretazzjoni teleoloġika tad-deċiżjoni. |
|
63. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta ġeneralment — kif diġa spjegajt — il-kunċett ta’ ħaddiema għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 b’analoġija mal-prinċipji rikonoxxuti fil-kuntest ta’ l-Artikoli 39 KE u 40 KE. Sabiex tagħmel dan, hija tibbaża ruha fuq l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li fih il-partijiet kontraenti ftiehmu li jiġu ggwidati mill-Artikoli 48, 49 u 50 tat-Trattat KEE sabiex gradwalment jiġi assigurat il-moviment liberu tal-ħaddiema bejniethom ( 25 ). |
|
64. |
Fil-kuntest ta’ l-Artikolu 39 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi dak li huwa rilevanti, għad-dritt Komunitarju, huwa l-kontenut tax-xogħol imwettaq u mhux il-motivi li wasslu għal dak ix-xogħol ( 26 ). |
|
65. |
Il-Qorti tal-Ġutizzja madankollu stqarret li l-prinċipji rikonoxxuti fil-kuntest ta’ l-Artikolu 39 KE għandhom jiġu trasposti fid-drittijiet mogħtija mid-Deċiżjoni Nru 1/80 biss safejn possibbli ( 27 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat illi l-għan ta’ l-Artikolu 6(1) u l-għan partikolari tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tad-deċiżjoni ( 28 ). |
|
66. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddikjarat li d-drittijiet fil-qasam tax-xogħol u, għaldaqstant, ta’ residenza li huma kkonferiti permezz ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandhom bħala għan li jikkonsolidaw gradwalment is-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati fl-Istat Membru ospitanti ( 29 ). |
|
67. |
L-intenzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) hija għalhekk li tagħti lill-ħaddiem li jmur jaħdem f'pajjiż ieħor, li jintegra dejjem iktar fis-suq tax-xogħol ta’ l-Istat ospitanti, drittijiet ta’ residenza fuq it-territorju proporzjonalment iktar u iktar estiżi. Dawn id-drittijiet ta’ xogħol u ta’ residenza joħolqu aspettativi leġittimi f’moħħ il-ħaddiema Torok li jidħlu fis-suq tax-xogħol ta’ l-Istati Membri. Iktar ma ddum l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, iktar ikun importanti l-bżonn ta’ ċertezza għall-proġetti tagħhom u ta' protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi tagħhom fir-rigward tal-permanenza tas-sitwazzjoni tagħhom, u iktar ikunu estiżi d-drittijiet li huma mogħtija lilhom mill-Artikolu 6(1). |
|
68. |
Madankollu, student li jmur fi Stat Membru sabiex jistudja u jeżerċita biss attività anċillari ma jinsabx fl-istess sitwazzjoni u ma jeħtieġx l-istess protezzjoni. L-għan tad-dritt ta’ dħul huwa l-istudju. Għaldaqstant, student m’għandux l-istess bżonn ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi tiegħu, sabiex ikun jista’ jagħmel pjanijiet fuq bażi ċerta, u ta’ konsolidazzjoni tas-sitwazzjoni tiegħu fl-Istat ospitanti. |
|
69. |
Interpretazzjoni teleoloġika ta’ l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni għandha barra minn dan tieħu in kunsiderazzjoni wkoll l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kollu kemm hu. Fil-fatt, interpretazzjoni li hija possibbli permezz tat-test ta’ l-Artikolu 6(1) Nru 1/80, li tmur kontra l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, ma tistax tiġi approvata. |
|
70. |
Skond l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Ftehim huwa intiż li “jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-Partijiet, billi jieħu pjenament in kunsiderazzjoni n-neċessità li jiġi assigurat l-iżvilupp mgħaġġel ta’ l-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-poplu Tork”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
71. |
Jidhirli li huwa kuntrarju għal dawn l-għanijiet, għal diversi raġunijiet, illi l-istudenti li jeżerċitaw impjieg sekondarju jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, bil-konsegwenza li, jekk ikunu ħadmu matul l-istudji tagħhom skond il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 6(1) jingħatalhom id-dritt, wara erba’ snin ta’ impjieg legali, li jaċċedu liberament għal kull impjieg ta’ l-għażla tagħhom. |
|
72. |
L-interess prinċipali wara l-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza lill-istudenti Torok għal raġunijiet ta’ studju fl-Istati Membri huwa sabiex jiġi ffavorit “l-iżvilupp mgħaġġel ta’ l-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-poplu Tork” billi jiġu mħarrġa żgħażagħ gradwati Torok illi, meta jispiċċaw l-istudji tagħhom, jużaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, fl-ekonomija, fir-riċerka u fit-tagħlim, l-għarfien u l-kompetenzi miksuba, biex imbagħad jgħadduhom lil ħaddieħor u b’hekk jikkontribwixxu lis-soċjetà Torka. |
|
73. |
Huwa kuntrarju għal dan il-għan, li jippruvaw jilħqu l-partijiet għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jekk l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tkun ibbażata fuq fehim ta’ din ir-regola li, billi jinkludi l-istudenti li jkunu ffinanzjaw l-istudji tagħhom permezz ta’ attività mħallsa parallela, iwassal sabiex joffri lil dawn ta’ l-aħħar dritt attraenti li jibqgħu fl-Istat ospitanti b’anqas xkiel. B’tali interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni, ikun hemm il-biża’ li, minflok ma jmorru lura f’pajjiżhom u jużaw it-taħriġ miksub, diversi studenti Torok jieħdu l-opportunità li jibqgħu fl-Istat ospitanti sabiex jeżerċitaw hemmhekk impjieg. Għaldaqstant, l-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jiġifieri li jingħata kontribut għall-iżvilupp mgħaġġel ta’ l-ekonomija tat-Turkija u għaż-żieda fil-livell tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-poplu Tork, ikun mhedded. |
|
74. |
Għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ħaddiem, mhuwiex possibbli għalhekk li jiġi stabbilit xebh perfett bejn il-ħaddiem fis-sens ta’ l-Artikolu 39 KE u l-ħaddiem fis-sens ta’ l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Iċ-ċittadini Torok li jaslu fi Stat Membru sabiex jistudjaw u li huma awtorizzati jkollhom impjieg sekondarju minbarra l-istudji tagħhom sabiex jassiguraw il-finanzjament tagħhom, ma jaqgħux għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, u dan ukoll jekk, kkunsidrata b’mod iżolat, l-attività sekondarja tagħhom tagħtihom il-karatteristiċi kollha ta’ ħaddiem fis-sens ta’ l-Artikolu 39 KE. |
|
75. |
Din il-konklużjoni twassal ukoll għal konsegwenzi pożittivi minn lati oħrajn, kemm għall-istudenti Torok ikkonċernati kif ukoll mil-lat ta’ l-għanijiet li jipprova jilħaq il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fl-intier tiegħu. Peress illi limitazzjoni eventwali tan-numru ta’ studenti bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ politika ta’ l-impjieg mhijiex meħtieġa, numru akbar ta’ studenti Torok ser ikollhom il-possibbilità li jistudjaw fi Stat Membru. Il-possibbiltà li persuna taħdem matul l-istudji tagħha u għalhekk li tkun tista’ tiffinanzja hija stess l-istudji fl-Istat ospitanti, tiggarantixxi barra minn hekk li l-possibbilità ta’ studju fl-Istati Membri mhijiex irriżervata biss għall-istudenti ta’ l-ogħla klassijiet. |
|
76. |
Is-soluzzjoni li ser tingħata ma tmurx kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li t-termini ta’ żmien imposti mill-Istati Membri jew id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-ħaddiem waqt id-dħul tiegħu fit-territorju dwar ir-ritorn tiegħu wara ċertu żmien mhumiex daqstant rilevanti fil-kuntest ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet korretta meta stqarret li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 jkun espost għall-arbitrarjetà ta’ l-Istati Membri jekk it-termini ta’ żmien u d-dikjarazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq seta’ jkollhom effett fuq l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 6. Is-sitwazzjoni preżenti hija madankollu differenti: kif osserva ġustament il-Gvern Olandiż, id-dritt ta’ residenza ta’ studenti huwa, mid-definizzjoni tiegħu stess, limitat fiż-żmien għat-tul ta’ l-istudji, u għalhekk din il-limitazzjoni m’għandhiex x’taqsam mal-perijodi msemmija fl-Artikolu 6. |
|
77. |
Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li fihom hija ddeċidiet, f’ċerti każijiet partikolari, illi l-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw li jestendu permess ta’ xogħol u ta’ residenza minħabba li d-dħul u r-residenza kienu ġew awtorizzati għal għanijiet oħra minbarra t-twettiq ta’ xogħol b’salarju ( 30 ), mhumiex f’kontradizzjoni mal-konklużjoni mogħtija iktar ’il fuq. Fil-fatt, ma jistax jiġi dedott mill-istqarrijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dawn il-każijiet partikolari — differenti — ebda prinċipju ġenerali li jipprovdi li l-għan ta’ permess ta’ xogħol u ta’ residenza mogħti oriġinarjament għandu dejjem jibqa’ mingħajr rilevanza. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat preċiżament, fil-ġurisprudenza tagħha li tipprovdi li l-prinċipji applikabbli għall-Artikolu 39 KE għandhom jiġu applikati għall-interpretazzjoni tad-deċiżjoni biss safejn huwa possibbli, li wieħed m’għandux jiġġeneralizza b’mod skematiku, iżda jieħu in kunsiderazzjoni kull sitwazzjoni speċifika. |
|
78. |
Waħda mill-kawżi deċiżi kienet tirrigwarda ħaddiem Tork li kien ġie awtorizzat jidħol u jaħdem fi Stat Membru sabiex jakkwista esperjenza professjonali ma’ kumpannija parent tal-persuna Torka li kienet timpjegah ( 31 ). B’differenza għal dak li jirriżulta f’din il-kawża, fejn id-dħul ġie awtorizzat għal raġunijiet ta’ studju, f’dik il-kawża l-ħaddiem mar sabiex iwettaq attività professjonali, b’mod illi l-unika kwistjoni li kellha tiġi deċiża kienet l-importanza li kellha tingħata lill-motiv li awtorizza t-twettiq ta’ l-attività professjonali. Għalkemm il-qorti tal-Ġustizzja ma rrikonoxxiet ebda karattru rilevanti għall-motiv ta’ l-ewwel impjieg imwettaq, din id-deċiżjoni mhi ta’ ebda utilità f’din il-kawża. |
|
79. |
F’kawża oħra, ċittadin Tork kien kiseb permess ta’ dħul sabiex jiżżewweġ u kien talab, wara d-divorzju, estensjoni tal-permess tiegħu ta’ residenza u ta’ xogħol ( 32 ). Safejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’dan il-każ partikolari, l-estensjoni ma tistax tiġi miċħuda minħabba li d-dħul kien ġie awtorizzat għal għanijiet oħra minbarra t-twettiq ta’ xogħol b’salarju, din id-deċiżjoni ma tikkontribwixxi xejn għall-kawża preżenti. Fil-fatt, dħul immotivat minn żwieġ mhuwiex simili għal dħul għal raġunijiet ta’ studju, peress illi d-dħul għal żwieġ mhuwiex, skond id-definizzjoni tiegħu, awtorizzat bl-idea li l-persuna tirrisjedi hemmhekk għal żmien limitat. Ir-residenza hija kkonċepita bħala residenza fit-tul u toħloq aspettattivi leġittimi korrispondenti, li jistħoqqilhom li jkunu protetti. Għaldaqstant, dħul sabiex ikun hemm żwieġ ma jistax jitqabbel ma’ dħul għal raġunijiet ta’ studju u għalhekk mhuwiex meħtieġ trattament identiku fir-rigward ta’ l-Artikolu 6. |
|
80. |
Fl-aħħar nett, fil-kawża Kurz, permess ta’ dħul kien ġie mogħti lill-persuna kkonċernata sabiex tkun tista’ ssegwi taħriġ ta’ plamer ( 33 ). Din is-sitwazzjoni tista’ tidher mad-daqqa t’għajn simili ħafna għall-permess ta’ dħul mogħti għal raġunijiet ta’ studju, peress illi jirrigwarda wkoll dħul għal raġunijiet ta’ taħriġ. Id-differenza determinanti bejn iż-żewġ tipi ta’ taħriġ, li tiġġustifika wkoll li l-għan inizjalment mogħti lill-visa ma jingħatax l-istess importanza meta għandha tittieħed deċiżjoni dwar jekk għandux jiġi estiż il-permess ta’ residenza u jekk għandux jiġi applikat l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, hija madankollu r-relazzjoni stretta li teżisti bejn it-taħriġ professjonali u l-attività ekonomika, bil-konsegwenza li — b’mod partikolari minħabba l-importanza kbira li tingħata għall-istadji prattiċi u l-organizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ taħriġ — it-taħriġ professjonali jidher fundamentalment bħala fażi tal-ħajja professjonali. Id-dħul sabiex persuna ssegwi taħriġ professjonali tikkostiwixxi bażikament dħul sabiex twettaq attività professjonali. Għaldaqstant, din is-sitwazzjoni wkoll mhijiex simili għal dħul għal raġunijiet ta’ studju, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6. |
|
81. |
Is-sentenza Eroglu ( 34 ), li tikkonċerna d-dritt ta’ residenza mogħti mill-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ma twassalx għal xi soluzzjoni oħra. Din id-dispożizzjoni tagħti lit-tfal ta’ ħaddiema Torok li kienu kisbu fl-Istat ospitanti taħriġ professjonali d-dritt li jidħlu għal kull impjieg f’dan l-istess Stat, indipendentement mit-tul ta’ residenza tagħhom, bil-kundizzjoni li xi ħadd mill-ġenituri tagħhom kellu impjieg legali għal mill-inqas tliet xhur. Safejn il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet espressament f’din il-kawża li, sabiex jiġi eżerċitat dan id-dritt, il-motiv li għalih il-persuna kkonċernata kienet oriġinarjament awtorizzata tidħol u tirrisjedi ma tantx kien importanti, huwa jieħu ġustament in kunsiderazzjoni l-għan li jipprova jilħaq l-Artikolu 7(2) u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li huwa li joħloq ċertezza, kredibbiltà u stabbiltà għall-familji tal-ħaddiema Torok impjegati fl-Istat ospitanti. L-Artikolu 7(2) jikkonċerna wkoll is-sitwazzjoni partikolari tat-tfal ta’ ħaddiema Torok li jkunu studjaw fl-Istat ospitanti. F’dan il-kuntest, ma jkunx kompatibbli ma’ l-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq jekk jitħallew jirrisjedu fl-Istat ospitanti biss il-persuni li ngħataw permess ta’ dħul abbażi ta’ riunifikazzjoni tal-familja u mhux dawk li ngħataw permess ta’ dhul għal raġunijiet ta’ studju. Madankollu, ma teżisti l-ebda sitwazzjoni simili, li tirrendi irrilevanti l-motiv għall-permess ta’ dħul inizjali, fil-kuntest ġenerali ta’ l-Artikolu 6(1). Għaldaqstant, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 7(2) ma tipprekludix li jittieħed in kunsiderazzjoni l-motiv tad-dħul fil-kuntest ta’ l-Artikolu 6(1). |
2. L-impjegati au pair
|
82. |
Fl-aħħar nett, għandha tingħata risposta lid-domanda dwar jekk, fil-każ ta’ dħul fit-territorju għal raġunijiet ta’ ksib ta’ iimpjieg au pair, li — kif diġà rajna — jissodisfa ħafna drabi l-kriterji tal-kunċett ta’ ħaddiem fis-sens ta’ l-Artikolu 39 KE, hemmx lok li tiġi adottata soluzzjoni anqas restrittiva fil-kuntest ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, abbażi ta’ interpretazzjoni teleoloġika. |
|
83. |
Madankollu, ma hemm l-ebda raġuni għalfejn f’dan il-każ — kuntrarjament għad-dħul għal raġunijiet ta’ studju — għandu jiġi mwarrab il-kunċett ta’ ħaddiem kif mifhum fil-kuntest ta’ l-Artikolu 39 KE, fid-dawl ta’ l-għan aħħari tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fil-fatt, it-twettiq ta’ xogħol ta’ au pair jirrappreżenta diġà fih innifsu l-bidu ta’ attività professjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet — kif diġà rajna — fis-sentenzi Kurz u Günaydin għal dak li jikkonċerna l-kuntratt ta’ taħriġ u l-ksib ta’ esperjenza professjonali mal-kumpannija parent, illi l-motiv preċiż għat-twettiq ta’ attività ma jistax ikollu effett fuq l-istatus ta’ ħaddiem skond l-Artikolu 6. Għaldaqstant, il-fatt li r-residenza bħala au pair għandha tippermetti ġustament il-ksib ta’ esperjenzi kulturali u tapprofondixxi l-għarfien lingwistiku ma jistax ikollu effett fuq l-istatus ta’ ħaddiem. |
|
84. |
Lanqas ma hemm il-biża’ li l-limitazzjonijiet ta’ żmien mill-Istati Membri ta’ kuntratti au pair għal massimu ta’ sena, li jistgħu jirriżultaw mill-imsemmi status fid-dawl ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ikollhom riperkussjonijiet negattivi fuq l-iskambji kulturali mixtieqa mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fil-fatt, l-idea stess ta’ l-impjieg au pair tippresupponi li l-għanijiet imfittxija permezz ta’ residenza au pair jintlaħqu normalment waqt residenza limitata għal sena. |
F — Konklużjoni parzjali
|
85. |
Ċittadin Tork li jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru bl-għan li jsegwi studji u jwettaq attività professjonali matul l-istudji tiegħu sabiex jiffinanzja dawn l-istudji ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Min-naħa l-oħra, id-dħul għal impjieg au pair ma jrendix inapplikabbli l-Artikolu 6(1). |
VI — Konklużjoni
|
86. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru qabel, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti r-risposta li ġejja lill-Court of Appeal:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) ĠU 1964, L 217, p. 3685.
( 3 ) Id-deċiżjoni mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali, iżda tista’ tiġi kkonsultata fil-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u Protokolli KEE-Turkija u testi oħta bażiċi, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, Brussell 1992”.
( 4 ) Sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Birden (C-1/97, Ġabra p. I-7747, punt 23).
( 5 ) Għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ara biss is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2002, Kurz (C-188/00, Ġabra p. I-10691, punt 32); u Birden (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna, punti 25 u 28).
( 6 ) Sentenzi tat-23 ta’ Marzu 1982, Levin (53/81, Ġabra p. 1035, punt 16); u tat-3 ta’ Ġunju 1986, Kempf (139/85, Ġabra p. 1741, punt 11).
( 7 ) Sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1988, Steymann (196/87, Ġabra p. 6159, punt 12); u tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C-456/02, Ġabra p. I-7573, punt 22).
( 8 ) Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen (C-337/97, Ġabra p. I-3289, punt 15).
( 9 ) Ara, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 39 KE, il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Trabucchi tat-2 ta’ Ġunju 1976, Watson (118/75, Ġabra p. 1201, punt 2).
( 10 ) Ara l-konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, punt 24.
( 11 ) Ara wkoll il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Alber tat-28 September 2000, Grzelczyk (C-184/99, Ġabra p. I-6193, punti 70 et seq) fejn ġie ddikjarat li l-istudenti li għandhom impjieg sekondarju huma ħaddiema fir-rigward tat-Trattat.
( 12 ) Sentenza tal-31 ta’ Mejju 1989, Bettray (344/87, Ġabra p. 1621, punt 17).
( 13 ) Sentenza Birden (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna, punt 31).
( 14 ) Sentenzi ta’ l-20 ta’ Settembru 1990, Sevince (C-192/89, Ġabra p. I-3461, punt 30); tas-6 ta’ Ġunju 1995, Bozkurt (C-434/93, Ġabra p. I-1475, punt 26); u tas-16 ta’ Diċembru 1992, Kus (C-237/91, Ġabra p. I-6781, punti 12 u 22).
( 15 ) Sentenza Kurz (iċċitata fin-nota 5 ta’ qiegħ il-paġna, punt 49).
( 16 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 1997, Ertanir (C-98/96, Ġabra p. I-5179, punt 58).
( 17 ) Ara s-sentenza Sevince (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 14 ta’ qiegħ il-paġna, punt 31) u s-sentenza Kus (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 14 ta’ qiegħ il-paġna, punt 13), fej ġie deċiż illi ż-żamma fl-Istat ospitanti matul il-perjodu tal-proċedura relattiva għall-għoti tal-permess ta’ residenza lanqas ma jissodisfa din il-kundizzjoni.
( 18 ) Sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1997, Günaydin (C-36/96, Ġabra p. I-5143, punt 29); Birden (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna, punt 33); u Ertanir (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 16 ta’ qiegħ il-paġna, punt 39).
( 19 ) Sentenza Birden (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna, punti 47 et seq) illi tirreferi għall-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-Deċiżjoni Nru 1/80.
( 20 ) Sentenzi Birden (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna, punt 51); ta’ l-10 ta’ Frar 2000, Nazli (C-340/97, Ġabra p. I-957, punt 31); u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Güzeli (C-4/05, Ġabra p. I-10279, punt 32).
( 21 ) Sentenza Birden (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna, punt 51).
( 22 ) ĠU L 375, S. 12; iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/114”.
( 23 ) Ara l-ħamsa u għoxrin premessa tad-Direttiva 2004/114.
( 24 ) Ara per eżempju s-sentenzi Nazli (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 20 ta’ qiegħ il-paġna, punt 29); Ertanir (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 16 ta’ qiegħ il-paġna, punt 23); u Kus (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 14 ta’ qiegħ il-paġna, punt 25).
( 25 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata wkoll f’dan il-kuntest l-Artikolu 36 tal-protokoll addizzjonali ffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970, anness ma’ l-imsemmi ftehim u konkluż mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU L 293, p. 1).
( 26 ) Sentenza Levin (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 6 ta’ qiegħ il-paġna, punt 21).
( 27 ) Ara s-sentenza Kurz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 5 ta’ qiegħ il-paġna, punt 30); Nazli (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 20, punt 55); Bozkurt (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 14 ta’ qiegħ il-paġna, punt 20); u tat-23 ta’ Jannar 1997, Tetik (C-171/95, Ġabra p. I-329, punt 20).
( 28 ) Għal distinzjoni ċara bejn l-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Artikolu 39 KE, ara l-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Geelhoed tat-12 ta’ Settembre 2006, Tum & Dari (C-16/05, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra).
( 29 ) Ara, per eżempju, is-sentenza Sedef (C-230/03, Ġabra p. I-157, punt 34) u Tetik (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 27 ta’ qiegħ il-paġna, punt 21).
( 30 ) Sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1997, Günaydin (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 18 ta’ qiegħ il-paġna, punt 52); Kus (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 14 ta’ qiegħ il-paġna, punt 52); u Kurz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 5 ta’ qiegħ il-paġna, punt 56).
( 31 ) Sentenza Günaydin (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 18 ta’ qiegħ il-paġna).
( 32 ) Sentenza Kus (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 14 ta’ qiegħ il-paġna).
( 33 ) Sentenza Kurz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 5 ta’ qiegħ il-paġna).
( 34 ) Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Eroglu (C-355/93, Ġabra p. I-5113).