Brussell, 12.11.2020

COM(2020) 700 final

2020/0314(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE

[32015R1222 – Linji gwida dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni]

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta) għandu l-għan li jemenda l-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE sabiex jinkorpora r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni 1 fil-Ftehim ŻEE.

Il-kodiċijiet tan-network u l-linji gwida għall-elettriku, kif stabbiliti fuq il-bażi tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, jiddefinixxu r-regoli tekniċi għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ fis-suq intern tal-elettriku tal-UE. Suq intern tal-enerġija li jiffunzjona b’mod sħiħ u li jkun kompletament interkonness huwa kruċjali għall-objettivi tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, biex tiżdied il-kompetittività u biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jixtru l-enerġija bi prezzijiet affordabbli. Interkonnessjonijiet elettriċi sinifikanti ġew stabbiliti bejn in-Norveġja, bħala Stat taż-ŻEE-EFTA, u l-Istati Membri tal-UE. Għaldaqstant huwa imperattiv li r-regoli tekniċi applikabbli għall-kummerċ fis-suq intern tal-elettriku tal-UE jiġu estiżi għaż-ŻEE biex tiġi żgurata l-omoġeneità bħala bażi għall-kummerċ fl-elettriku.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 jistabbilixxi r-regoli għall-allokazzjoni tal-kapaċità disponibbli fuq l-interkonnetturi li jaqsmu l-fruntieri fis-suq intern tal-elettriku bil-għan li jkun iffaċilitat il-kummerċ fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata. Tistabbilixxi rekwiżiti għall-istabbiliment ta’ metodoloġiji komuni għad-determinazzjoni tal-kapaċità disponibbli, il-kriterji għall-valutazzjoni tal-effiċjenza u proċess ta’ rieżami għaż-żoni tal-offerti. Tapplika għall-operaturi kollha tas-sistema ta’ trażmissjoni, ħlief għal dawk fuq gżejjer li mhumiex konnessi ma’ sistema oħra.

L-adattamenti li jidhru fl-abbozz ta’ Deċiżjoni annessa tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jmorru lil hinn minn dak li jista’ jitqies bħala sempliċement adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94. Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha għalhekk tiġi stabbilita mill-Kunsill.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-abbozz anness tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jestendi l-politika tal-UE diġà eżistenti għall-Istati taż-ŻEE-EFTA (in-Norveġja, l-Iżlanda, u l-Liechtenstein).

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-estensjoni tal-acquis tal-UE għall-Istati taż-ŻEE-EFTA, permezz tal-inkorporazzjoni tiegħu fil-Ftehim ŻEE, titwettaq f’konformità mal-għanijiet u mal-prinċipji ta’ dan il-Ftehim li jimmiraw lejn l-istabbiliment ta’ Żona Ekonomika Ewropea dinamika u omoġena, ibbażata fuq regoli komuni u kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

Il-leġiżlazzjoni li se tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE hija bbażata fuq l-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 2 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ŻEE jipprevedi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ Deċiżjonijiet bħal dawn, wara proposta mill-Kummissjoni.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva) 

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għar-raġuni li ġejja:

L-għan ta’ din il-proposta, jiġifieri li tiġi żgurata l-omoġeneità tas-Suq Intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-effetti, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.

•Proporzjonalità

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tagħha.

•Għażla tal-istrument

F’konformità mal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, l-istrument magħżul huwa d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jiżgura l-implimentazzjoni u t-tħaddim effettiv tal-Ftehim ŻEE. Għal dan il-għan, għandu jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim ŻEE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ma hemm l-ebda implikazzjoni għall-baġit mistennija bħala riżultat tal-inkorporazzjoni tar-Regolament imsemmi hawn fuq fil-Ftehim ŻEE.

5.ELEMENTI OĦRA

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Adattament (a) – Nuqqas ta’ applikabbiltà għall-Iżlanda u l-Liechtenstein

Billi s-sistema ta’ trażmissjoni tal-Iżlanda mhijiex konnessa ma’ sistemi ta’ trażmissjoni oħra, jenħtieġ li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 ma japplikax għall-Iżlanda.

Jenħtieġ li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 ma japplikax għal-Liechtenstein, peress li minħabba d-daqs żgħir tiegħu u l-għadd limitat ta’ klijenti tal-elettriku l-Liechtenstein ma għandux network tat-trażmissjoni tal-elettriku tiegħu stess.

Adattament (b) u l-premessa (6) – informazzjoni sensittiva dwar is-sistema tal-elettriku

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-obbligi li tiġi pprovduta informazzjoni lin-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (European Network of Transmission System Operators for Electricity, ENTSO-E) u lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (Agency for the Cooperation of Energy Regulators, ACER). L-adattament (b) jagħmilha possibbli li l-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni (“TSOs”) u r-regolaturi jiskambjaw tali informazzjoni u jipproteġuha.

L-adattament (c) u l-premessa (7) – referenza għad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tat-TSO Norveġiż, tal-operatur nominat tas-suq tal-elettriku (Nominated Electricity Market Operator, NEMO) u tal-awtorità regolatorja nazzjonali (ARN) waqt l-iżvilupp u l-approvazzjoni tat-termini, il-kundizzjonijiet u l-metodoloġiji.

L-adattament u l-premessa msemmija hawn fuq jadattaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 dwar id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni ta’ entitajiet rilevanti waqt l-iżvilupp u l-approvazzjoni ta’ termini, kundizzjonijiet u metodoloġiji biex jinkludu n-Norveġja.

2020/0314 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE

[32015R1222 – Linji gwida dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni]

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 3 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 4 (il-“Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness IV tal-Ftehim ŻEE.

(3)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni 5 għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(4)Għalhekk, l-Anness IV tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24.
(2)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6-8.
(3)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(4)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
(5)    ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24.