24.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 251/31


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ Settembru 2009

dwar l-esklużjoni tal-chlorthal-dimethyl mill-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 6431)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/715/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b'mod partikolari r-raba' subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipula li Stat Membru, matul perjodu ta' 12-il sena wara n-notifika ta' dik id-Direttiva, jista' jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux jinsabu fl-Anness I ta' dik id-Direttiva u li jkunu diġà fis-suq sentejn wara n-notifika, filwaqt li dawk is-sustanzi jkunu qed jiġu investigati gradwalment fil-qafas ta' programm ta' ħidma.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 1490/2002 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati bil-ħsieb li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Dik il-lista tinkludi l-chlorthal-dimethyl.

(3)

Għall-chlorthal-dimethyl, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew eżaminati skont id-dispożizzjonijiet stipulati mir-Regolamenti (KE) Nru 451/2000 u (KE) Nru 1490/2002 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawk ir-Regolamenti jinnominaw lill-Istati Membri relaturi li għandhom iressqu r-rapporti ta’ valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza tal-Ikel (EFSA) skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002. Għall-chlorthal-dimethyl l-Istat Membru relatur kien il-Greċja u kull informazzjoni rilevanti tressqet fil-31 ta’ Ottubru 2006. Ġie ppreżentat addendum fit-3 ta' April 2008.

(4)

Ir-rapport tal-evalwazzjoni ġie rivedut minn esperti mill-Istati Membri u l-EFSA. Skont l-Artikolu 11c tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002, ir-reviżjoni esperta ffukat fuq dawn il-punti: it-tossiċità, ir-relevanza tal-metabolit MPA u jekk hux iċarċar għal ġol-ilma ta’ taħt l-art. L-EFSA ppreżentatu lill-Kummissjoni fl-4 ta' Settembru 2008, u reġa' nħareġ fis-26 ta' Novembru 2008 fl-għamla tal-konklużjoni tal-EFSA rigward ir-reviżjoni esperta ffukata tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi dwar is-sustanza attiva chlorthal-dimethyl (4). Dan ir-rapport ġie rrivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ffinalizzat fit-12 ta’ Ġunju 2009 fl-għamla tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-chlorthal-dimethyl.

(5)

Waqt din il-valutazzjoni ta’ din is-sustanza attiva nstab li l-metabolit MPA tagħha jippenetra l-ilma ta’ taħt l-art. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, ma jistax jiġi konkluż li l-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom dik is-sustanza attiva aktarx jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414/KE, partikolarment fir-rigward tas-sinifikanza tossikoloġika ta’ dak il-metabolit.

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati tar-reviżjoni esperta u dwar jekk kienx biħsiebu jkompli jappoġġa s-sustanza jew le. In-notifikant ressaq il-kummenti tiegħu li ġew analizzati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikant, it-tħassib identifikat ma setax jitneħħa, u l-valutazzjonijiet li saru fuq il-bażi tat-tagħrif ippreżentat u vvalutat fil-laqgħat tal-esperti tal-EFSA ma wrewx li wieħed jista' jistenna li, fil-kundizzjonijiet ta' użu proposti, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-chlorthal-dimethyl jissodisfaw b'mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(7)

Għalhekk, il-chlorthal-dimethyl ma għandux jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li awtorizzazzjonijiet mogħtija għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-chlorthal-dimethyl jiġu rtirati f’perjodu ta' żmien preskritt u li ma jiġġeddux, u li ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni ġdida lil prodotti bħal dawn.

(9)

Kull perjodu ta' konċessjoni mogħti minn Stat Membru għar-rimi, il-ħżin, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-chlorthal-dimethyl, għandu jkun limitat għal perjodu ta' tnax-il xahar biex il-ħażniet eżistenti jiġu użati fi staġun ieħor tat-tkabbir. Dan jiżgura li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-chlorthal-dimethyl jibqgħu disponibbli għall-bdiewa għal 18-il xahar wara l-adozzjoni ta' din id-Deċizjoni.

(10)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għall-chlorthal-dimethyl skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, li r-regoli dettaljati tal-implimentazzjoni tiegħu ġew stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta' Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha (5), bil-ħsieb li possibbilment jiġu inkużi fl-Anness I tagħha.

(11)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-chlorthal-dimethyl ma għandux jiddaħħal bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-chlorthal-dimethyl jiġu rtirati sat-23 ta' Marzu 2010;

(b)

l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-chlorthal-dimethyl ma tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Kull perjodu ta' konċessjoni mogħti mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun qasir kemm jista' jkun u għandu jiskadi nhar it-23 ta' Marzu 2011.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)   ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25.

(3)   ĠU L 224, 21.8.2002, p. 23.

(4)   Rapport Xjentifiku tal-EFSA (2008) 156. Konklużjoni rigward ir-reviżjoni esperta ffukata tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi dwar is-sustanza attiva chlorthal-dimethyl (iffinalizzat fl-4 ta’ Settembru 2008 u maħruġ għal darb’oħra fis-26 ta’ Novembru 2008 ).

(5)   ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.