European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1449

3.7.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1449

tal-25 ta’ Ġunju 2026

li tapprova t-talba tal-Ġappun għal aċċess reċiproku fl-ambitu tal-Faċilità għall-Ukrajna stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Faċilità għall-Ukrajna tagħmel appoġġ finanzjarju sa EUR 50 biljun disponibbli għall-Ukrajna għall-perjodu mill-2024 sal-2027 fil-forma ta’ appoġġ mhux ripagabbli u self għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna.

(2)

Il-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali tal-Unjoni hija essenzjali għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna. Il-Ġappun huwa sieħeb ewlieni tal-Unjoni fl-appoġġ għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna. Huwa membru fundatur tal-Pjattaforma tad-Donaturi għall-Ukrajna stabbilita f’Diċembru 2022 mill-mexxejja tal-G7 u huwa membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija tagħha.

(3)

Fl-24 ta’ Diċembru 2025, il-Ġappun issottometta talba lill-Kummissjoni għal aċċess reċiproku għan-negozji u l-entitajiet għall-proċeduri ta’ akkwist u ta’ għoti ta’ għotjiet u l-kompetizzjonijiet tal-premjijiet tal-programmi rispettivi ta’ appoġġ għall-Ukrajna.

(4)

Il-Kummissjoni eżaminat l-informazzjoni pprovduta mill-Ġappun u analizzat l-informazzjoni disponibbli dwar l-appoġġ internazzjonali pprovdut lill-Ukrajna, bil-ħsieb li tiddetermina jekk l-appoġġ tal-Ġappun huwiex effettivament u effettivament ristrett u tqabbel il-livell ta’ appoġġ ipprovdut mill-Unjoni u mill-Ġappun, filwaqt li tqis l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi.

(5)

Il-Ġappun ma jillimitax il-parteċipazzjoni għal proġetti ffinanzjati fl-Ukrajna, u jagħti aċċess ugwali għall-proċeduri ta’ akkwist u ta’ għoti ta’ għotjiet u premjijiet tal-appoġġ tiegħu lill-Ukrajna lill-pajjiżi eliġibbli kollha taħt il-Faċilità għall-Ukrajna.

(6)

Minn Frar 2022 sa Marzu 2026, il-Ġappun impenja aktar minn USD 15-il biljun għall-Ukrajna, b’USD 1,02 biljun f’appoġġ umanitarju, aktar minn USD 13-il biljun f’appoġġ finanzjarju u USD 1,26 biljun f’appoġġ għall-irkupru u r-rikostruzzjoni. Il-Ġappun impenja USD 2,97 biljun f’appoġġ bħala parti mill-inizjattiva “Extraordinary Revenue Acceleration loans for Ukraine” (Self għall-Aċċellerazzjoni tad-Dħul Straordinarju għall-Ukrajna). Barra minn hekk, il-Ġappun impenja ruħu li jipprovdi USD 3 biljun addizzjonali lill-Ukrajna fl-2026 u fl-2027. L-appoġġ totali lill-Ukrajna għalhekk huwa ekwivalenti għal medja ta’ 0,46 % tal-PDG tal-Ġappun. Dan, flimkien mal-kontribuzzjonjiet fil-kapaċitajiet tat-tneħħija tal-mini, fost l-oħrajn, huwa komparabbli mal-appoġġ tal-Unjoni lill-Ukrajna (mill-baġit tal-Unjoni u mill-baġits tal-Istati Membri flimkien) li jammonta għal 1,11 % tal-PDG tal-UE.

(7)

Il-Ġappun ipprovda l-appoġġ tiegħu lill-Ukrajna f’diversi setturi kritiċi, inkluża l-infrastruttura tal-enerġija, li saritilha ħsara serja mill-attakki Russi. Il-Ġappun wassal tagħmir tal-enerġija ta’ emerġenza u, permezz ta’ programmi tal-gvern u koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali tal-Pjattaforma tad-Donaturi tal-Ukrajna, ipprovda appoġġ għat-tiswija u l-protezzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija.

(8)

Il-Ġappun kien attiv fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji, billi pprovda t-teknoloġija innovattiva tiegħu bħas-sistema tal-immaġni tal-mini tal-art, kif ukoll ikkontribwixxa direttament għall-ekonomija tal-Ukrajna. L-appoġġ tal-Ġappun f’dawn l-oqsma jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ rkupru u rikostruzzjoni għall-ġestjoni tal-perikli splussivi, li huma stmati għal USD 27,6 biljun għall-perjodu ta’ 10 snin 2026-2035 taħt il-ħames Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet (RDNA5).

(9)

L-appoġġ kontinwu tal-Ġappun lill-Ukrajna jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-Ewropa, u għall-kondiviżjoni internazzjonali tal-piżijiet bejn l-UE u s-sħab tagħha fir-rigward tal-appoġġ lill-Ukrajna.

(10)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Ġappun, l-għoti ta’ aċċess reċiproku lill-Ġappun għall-proċeduri ta’ akkwist u ta’ għoti ta’ għotjiet u premjijiet għal attivitajiet iffinanzjati taħt il-Faċilità għall-Ukrajna jsaħħaħ l-objettivi politiċi u ekonomiċi kondiviżi taż-żewġ partijiet, b’mod partikolari b’appoġġ għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna, f’konformità mal-objettivi tal-Faċilità għall-Ukrajna.

(11)

Sabiex tiġi massimizzata l-effettività tal-għajnuna pprovduta lill-Ukrajna, huwa xieraq li l-Ġappun jingħata aċċess reċiproku għal perjodu ta’ sena.

(12)

L-Ukrajna ġiet ikkonsultata fl-21 ta’ April 2026 rigward it-talba tal-Ġappun għal aċċess reċiproku għall-Faċilità għall-Ukrajna, u kkonfermat il-qbil tagħha.

(13)

Il-miżuri li għalihom hemm ipprovdut f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Faċilità għall-Ukrajna,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ġappun jingħata aċċess reċiproku għall-proċeduri ta’ akkwist u ta’ għoti ta’ għotjiet u premjijiet għal attivitajiet iffinanzjati taħt il-Faċilità għall-Ukrajna, għal perjodu ta’ sena mit-23 ta’ Lulju 2026.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1449/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)