|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2512 |
25.9.2024 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2512
tas-17 ta’ April 2024
li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, fir-rigward tal-aċidu beħeniku miż-żerriegħa tal-mustarda li jintuża fil-manifattura ta’ ċerti emulsjonanti
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jistabbilixxi lista ta’ sustanzi jew prodotti li jikkawżaw allerġiji jew intolleranzi f’individwi suxxettibbli u għalhekk, l-informazzjoni dwar il-preżenza ta’ dawn is-sustanzi jew prodotti fl-ikel dejjem trid tingħata lill-konsumatur f’konformità ma’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Sabiex il-konsumatur jiġi protett kontra allerġeni tal-ikel ġodda u jiġu evitati obbligi mhux meħtieġa dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel, l-aġġornament tal-Anness II jista’ jikkonsisti fiż-żieda ta’ sustanzi mal-lista jew it-tneħħija ta’ sustanzi minn dik il-lista meta jkun ġie stabbilit xjentifikament li x’aktarx ma jikkawżawx reazzjonijiet avversi f’individwi suxxettibbli. |
|
(3) |
Għal dan l-għan, il-partijiet li huma potenzjalment interessati xorta waħda jistgħu jipprovdu evidenza lill-Kummissjoni li tistabbilixxi li l-prodotti li ġejjin mis-sustanzi elenkati fl-Anness II, x’aktarx, taħt ċerti ċirkostanzi, ma jikkawżawx reazzjonijiet avversi fl-individwi. |
|
(4) |
Bħala parti mir-rieżami skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 u f’konformità mal-Artikolu 29(1), il-punt (a), tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-probabbiltà ta’ reazzjonijiet avversi kkawżati f’individwi suxxettibbli mill-konsum tal-aċidu beħeniku prodott miż-żerriegħa tal-mustarda u użat, f’kundizzjonijiet speċifiċi, fil-manifattura tal-emulsifikanti E 470a, (melħ tas-sodju, tal-potassju u tal-kalċju tal-aċidi grassi), E 471 (mono- u digliċeridi tal-aċidi grassi) u E 477 (esteri tal-propan-1,2-diol tal-aċidi grassi). |
|
(5) |
Fil-25 ta’ Ottubru 2016, abbażi tad-data ppreżentata, l-Awtorità adottat opinjoni xjentifika (2) li tikkonkludi li l-konsum orali tal-ikel li fih l-emulsjonanti manifatturati bl-użu tal-aċidu beħeniku miż-żerriegħa tal-mustarda (E 470a, E 471 u E 477) x’aktarx li ma jwassalx għal reazzjoni allerġika f’individwi suxxettibbli (individwi allerġiċi għall-mustarda) meta użat skont il-kundizzjonijiet proposti (jiġifieri l-aċidu beħeniku b’purità minima ta’ 85 % u miksub wara żewġ stadji ta’ distillazzjoni). |
|
(6) |
Wara tħassib imqajjem minn Stat Membru relatat mal-esponiment ta’ kuljum għas-sustanzi inkwistjoni u għad-doża ta’ proteina li twassal għal reazzjonijiet allerġiċi f’individwi allerġiċi għall-mustarda, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità tirrevedi l-opinjoni xjentifika tagħha tal-2016 u taġġornaha, jekk meħtieġ. |
|
(7) |
Fil-25 ta’ Settembru 2023, l-Awtorità ppubblikat it-tieni opinjoni xjentifika tagħha (3) li kkonkludiet li, abbażi tal-informazzjoni u d-data disponibbli, huwa estremament improbabbli (probabbiltà ta’ ≤ 1 %) li l-konsum orali tal-emulsjonanti manifatturati bl-użu tal-aċidu beħeniku miż-żrieragħ tal-mustarda (E470a, E471 u E477) jikkawża reazzjoni allerġika fl-individwi allerġiċi għall-mustarda meta użat skont il-kundizzjonijiet proposti. |
|
(8) |
Abbażi ta’ dawk il-konklużjonijiet, huwa xieraq li l-emulsjonanti manifatturati bl-użu tal-aċidu beħeniku miż-żerriegħa tal-mustarda (E 470a, E 471 u E 477) jiġu esklużi mill-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011. |
|
(9) |
Jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jiġi emendat skont dan. |
|
(10) |
Sabiex l-operaturi tan-negozji tal-ikel ikunu jistgħu jagħmlu tranżizzjoni bla xkiel għar-regoli l-ġodda, jenħtieġ li jiġu pprovduti miżuri tranżitorji xierqa f’konformità mal-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-Punt 10 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
“10. |
Mustarda u prodotti tagħha, minbarra: aċidu beħeniku b’purità minima ta’ 85 % u miksub wara żewġ stadji ta’ distillazzjoni użati fil-manifattura tal-emulsjonanti E 470a, E 471 u E 477;”. |
Artikolu 2
Ikel legalment imqiegħed fis-suq jew ittikkettat qabel l-1 ta’ April 2025 li ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament jista’ jiġi kkummerċjalizzat sakemm jispiċċaw il-ħażniet ta’ dak l-ikel.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ April 2025.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ April 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1169/oj.
(2) Opinjoni Xjentifika relatata ma’ notifika minn DuPont Nutrition Biosciences Aps dwar l-aċidu beħeniku miż-żerriegħa tal-mustarda li għandha tintuża fil-manifattura ta’ ċerti emulsjonanti skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 – għal eżenzjoni permanenti mit-tikkettar. EFSA Journal 2016;14(11):4631, 14 pp. doi:10.2903/j.efsa.2016.4631.
(3) Evalwazzjoni mill-ġdid tal-aċidu beħeniku miż-żerriegħa tal-mustarda li jintuża fil-manifattura ta’ ċerti emulsjonanti skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 – għal eżenzjoni permanenti mit-tikkettar. EFSA Journal, 21(9), 1–27. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2023.8240.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/2512/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)