European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/793

22.4.2025

DEĊIŻJONI (UE) 2025/793 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ April 2025

li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (il-Ġordan) qegħdin jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV). Fl-24 ta’ Novembru 1997, il-Ġordan iffirma l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi l-Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, fuq in-naħa l-oħra (2), (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2002. Skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-Unjoni u l-Ġordan gradwalment stabbilew Żona ta’ Kummerċ Ħieles matul perjodu tranżizzjonali ta’ 12-il sena. Barra minn hekk, fl-2007 daħal fis-seħħ Ftehim fl-għamla ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni u li jemenda l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE-Ġordan kif ukoll li jissostitwixxi l-Annessi I, II, III u IV u l-Protokolli 1 u 2 ta’ dak il-Ftehim (3). Fl-2010, ġiet miftiehma sħubija ta’ Status Avvanzat bejn l-Unjoni u l-Ġordan li tinvolvi oqsma usa’ ta’ kooperazzjoni. F’Diċembru 2009 ġie inizjalat protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwim li jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Euro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra (4), u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011. Id-djalogu politiku bilaterali u l-kooperazzjoni ekonomika ġew żviluppati aktar fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Ġordan adottati għall-2022-2027.

(2)

Mill-2011 ‘il hawn, il-Ġordan beda għadd ta’ riformi politiċi biex tissaħħaħ id-demokrazija parlamentari u l-istat tad-dritt. Twaqqfu Qorti Kostituzzjonali u Kummissjoni Elettorali Indipendenti u l-Parlament tal-Ġordan għadda għadd ta’ liġijiet ewlenin, inkluż l-Att Elettorali u l-Att tal-Partiti Politiċi, kif ukoll liġijiet dwar id-deċentralizzazzjoni u l-muniċipalitajiet. Barra minn hekk, sar titjib leġiżlattiv fejn jidħlu l-indipendenza tal-ġudikatura u d-drittijiet tan-nisa.

(3)

L-ekonomija tal-Ġordan sofriet b’mod sinifikanti minn kunflitti mtawla fir-reġjun, b’mod partikolari fil-pajjiż ġar tas-Sirja, u l-aktar reċenti wkoll f’Iżrael-Gaża u fiż-żona tal-Baħar l-Aħmar. Sa mill-bidu tal-gwerra fis-Sirja, l-ekonomija tal-Ġordan intlaqtet minn influss kbir ta’ refuġjati Sirjani, li żied il-pressjoni fuq il-pożizzjoni fiskali, is-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura tal-Ġordan. Minbarra l-instabbiltà reġjonali, l-isfidi makroekonomiċi u fiskali relatati mal-pandemija tal-COVID-19 fl-2020-2021, l-iżviluppi fil-prezzijiet tal-komoditajiet wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fl-2022, l-esponiment għoli għall-fluttwazzjonijiet kummerċjali u ż-żieda fil-kostijiet tas-self għas-swieq emerġenti globalment komplew ikunu ta’ piż fuq l-ekonomija tal-Ġordan. B’riżultat ta’ dan, il-Ġordan esperjenza kontrazzjoni ekonomika fl-2020, segwit minn irkupru ekonomiku kajman, hekk kif il-qgħad żdied b’mod sinifikanti fl-2020 u baqa’ għoli, u tfaċċaw ħtiġijiet ġodda ta’ finanzjament fiskali u estern.

(4)

Il-gwerra f’Iżrael-Gaża li bdiet f’Ottubru 2023 iġġib magħha riskju negattiv sostanzjali ħafna għall-prospettiva ekonomika, b’mod partikolari minħabba l-livell ogħla ta’ inċertezza fir-reġjun u l-impatt possibbli fuq is-settur importanti tat-turiżmu u s-sentiment tal-konsumatur. L-attakki mill-Houthi li għaddejjin bħalissa fuq il-bastimenti tal-merkanzija u tal-enerġija fil-Baħar l-Aħmar ifixklu t-traffiku tal-bastimenti lejn l-Asja, u jħallu impatt fuq l-esportazzjonijiet tal-Ġordan, b’mod partikolari dawk tal-minerali u tal-kimiċi u fuq l-importazzjonijiet tiegħu. F’Jannar 2024, l-awtoritajiet tal-Ġordan u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) qablu dwar programm ġdid ta’ aġġustament ekonomiku appoġġat minn Faċilità ta’ Fond Estiża (FES) ta’ erba’ snin fl-ammont ta’ USD 1 200 miljun, li segwa FES ta’ erba’ snin ta’ USD 1 700 miljun mill-2020 sal-2023, inkluż self taħt l-Istrument ta’ Finanzjament Rapidu. Il-Bord Eżekuttiv tal-FMI approva l-FES il-ġdida għal erba’ snin f’Jannar 2024. L-ewwel missjoni ta’ rieżami twettqet f’April u f’Mejju 2024 u r-rapport tal-missjoni ġie ppubblikat f’Lulju 2024.

(5)

F’Jannar 2020, l-Unjoni adottat it-tielet programm ta’ assistenza makrofinanzjarja (5) (AMF-III) ta’ EUR 500 miljun fil-forma ta’ self, bi tweġiba għal talba mill-Ġordan f’Lulju 2019 u wara t-tlestija tat-tieni programm ta’ assistenza makrofinanzjarja ta’ EUR 200 miljun fl-2019. L-AMF-II (6) ġiet bħala segwitu għall-AMF-I (7) ta’ EUR 180 miljun implimentata fl-2015. F’Mejju 2020, l-AMF-III ġiet miżjuda b’EUR 200 miljun skont id-Deċiżjoni (UE) 2020/701 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) b’rispons għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19. L-ewwel pagament parzjali tal-AMF-III ġie rilaxxat fil-25 ta’ Ottubru 2020, it-tieni pagament parzjali fl-20 ta’ Lulju 2021 u t-tielet pagament parzjali fit-3 ta’ Mejju 2023, wara l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ politika miftiehma. L-assistenza tħallset totalment fl-2020-2023.

(6)

L-AMF-III inkludiet dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni li fiha l-Kummissjoni, fid-dawl tal-isfidi fiskali u ċ-ċirkostanzi straordinarji li ffaċċja l-Ġordan, impenjat ruħha li tippreżenta, jekk xieraq, proposta ġdida għall-estensjoni u ż-żieda tal-assistenza makrofinanzjarja għall-Ġordan, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tas-soltu għal dak it-tip ta’ assistenza, inklużi l-karattru eċċezzjonali tagħha, il-prekundizzjonijiet politiċi, il-komplementarjetà, il-kundizzjonalità u d-dixxiplina finanzjarja, u valutazzjoni aġġornata mill-Kummissjoni tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern tal-Ġordan.

(7)

F’dak il-kuntest diffiċli, l-Unjoni u l-komunità internazzjonali esprimew l-impenn tagħhom li jappoġġaw lill-Ġordan f’diversi okkażjonijiet, b’mod partikolari matul il-Konferenzi annwali ta’ Brussell dwar l-Appoġġ għall-futur tas-Sirja u r-reġjun, u fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Ġordan f’Ġunju 2022.

(8)

Sa mill-bidu tal-kriżi Sirjana fl-2011, l-Unjoni għamlet disponibbli aktar minn EUR 3 500 miljun lill-Ġordan taħt strumenti varji, inklużi EUR 1 080 miljun taħt it-tliet operazzjonijiet ta’ assistenza makrofinanzjarja, biex tgħin lill-Ġordan jippreserva l-istabbiltà ekonomika, isostni r-riforma politika u ekonomika u jindirizza l-ħtiġijiet relatati umanitarji, ta’ żvilupp u ta’ sigurtà tiegħu. Barra minn hekk, il-Bank Ewropew tal-Investiment alloka madwar EUR 1 100 miljun f’self għal proġetti lill-Ġordan mill-2011 ‘l hawn.

(9)

Għall-perjodu 2021-2024, l-allokazzjoni indikattiva bilaterali tal-Unjoni (għotjiet) lill-Ġordan taħt l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI-GE) stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) ammontat għal EUR 364 miljun, u ġiet ikkomplementata mill-appoġġ tal-Unjoni biex tgħin lill-Ġordan jindirizza l-impatt tal-kriżi Sirjana (EUR 214-il miljun mill-2021 sal-2023), flimkien ma’ assistenza minn programmi reġjonali u tematiċi oħra. Matul il-perjodu 2014-2020, l-appoġġ tal-Unjoni lill-Ġordan, mogħti prinċipalment permezz tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, ammonta għal EUR 765 miljun. Matul l-istess perjodu, il-Ġordan ibbenefika wkoll minn EUR 126 miljun addizzjonali mgħoddija permezz tal-Pjattaforma ta’ Investiment tal-Viċinat, li ingranat madwar EUR 580 miljun f’investimenti.

(10)

F’Ottubru 2023, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika u l-prospett ekonomiku diffiċli persistenti, il-Ġordan talab għal aktar assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni.

(11)

Minħabba li l-Ġordan huwa pajjiż kopert mill-PEV, huwa jitqies eliġibbli biex jirċievi l-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni.

(12)

L-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni jenħtieġ li tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta’ appoġġ mingħajr irbit u mhux speċifikat għall-bilanċ tal-pagamenti, bl-għan li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet finanzjarji esterni immedjati tal-Ġordan, u jenħtieġ li tirfed l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ politika li fih miżuri qawwija ta’ riforma strutturali u ta’ aġġustament immedjat maħsuba biex itejbu l-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti fuq terminu qasir tal-Ġordan.

(13)

Minħabba li għad hemm diskrepanza fil-finanzjament residwu tal-bilanċ tal-Ġordan tal-pagamenti lil hinn mir-riżorsi pprovduti mill-FMI u minn istituzzjonijiet multilaterali oħrajn, l-għoti mill-Unjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja lill-Ġordan, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali qed titqies bħala tweġiba xierqa għat-talba li l-Ġordan għamel lill-Unjoni biex tappoġġja l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Ġordan flimkien mal-programm tal-FMI. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun tappoġġa l-aġenda tal-istabbilizzazzjoni ekonomika u tar-riforma strutturali tal-Ġordan, filwaqt li tissupplimenta r-riżorsi li huma disponibbli taħt l-arranġament finanzjarju tal-FMI.

(14)

Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jkollha l-għan li tappoġġa l-ħolqien mill-ġdid ta’ sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli għall-Ġordan, u b’hekk tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tiegħu.

(15)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija mistennija li timxi id f’id mal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju taħt l-NDICI-GE.

(16)

Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq valutazzjoni kwantitattiva kompleta tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern residwu tal-Ġordan, u jenħtieġ li tqis il-kapaċità tal-Ġordan li jiffinanzja lilu nnifsu bir-riżorsi proprji tiegħu, partikolarment ir-riżervi internazzjonali li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu. Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tikkumplementa l-programmi u r-riżorsi pprovduti mill-FMI u mill-Bank Dinji. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza jenħtieġ li tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi bilaterali u multilaterali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-implimentazzjoni diġà eżistenti tal-istrumenti ta’ finanzjament esterni l-oħrajn tal-Unjoni fil-Ġordan u l-valur miżjud tal-involviment kumplessiv tal-Unjoni fil-Ġordan.

(17)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment f’konformità mal-prinċipji u l-objettivi tal-oqsma differenti tal-azzjoni esterna, mal-miżuri meħuda fir-rigward ta’ dawk l-oqsma, u ma’ linji ta’ politika oħrajn rilevanti tal-Unjoni.

(18)

Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni rigward il-Ġordan. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jenħtieġ li jaħdmu flimkien mill-qrib matul l-operazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja kollha bl-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u li jiżguraw il-konsistenza tagħha.

(19)

Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-impenn tal-Ġordan fir-rigward tal-valuri kondiviżi mal-Unjoni, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis fil-faqar, kif ukoll l-impenn tiegħu għall-prinċipji ta’ kummerċ miftuħ, ibbażat fuq ir-regoli u b’mod ġust.

(20)

Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun li l-Ġordan jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari b’diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u li jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà fis-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Ġordan, u jippromwovu r-riformi strutturali li għandhom l-għan li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklussiv, il-ħolqien tax-xogħol u l-konsolidazzjoni fiskali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u s-SEAE jimmonitorjaw regolarment kemm l-issodisfar ta’ dik il-prekundizzjoni kif ukoll il-kisba ta’ dawk l-objettivi speċifiċi.

(21)

Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Ġordan jadotta l-miżuri xierqa relatati mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra marbuta ma’ dik l-assistenza, u l-ġlieda kontrihom. Barra minn hekk, ftehim ta’ self li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Ġordan jenħtieġ li jkun fih dispożizzjonijiet li jawtorizzaw lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF, European Anti-Fraud Office) iwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki fuq il-post u spezzjonijiet, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (11), lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri biex iwettqu awditi, u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex jeżerċita l-kompetenzi tiegħu fir-rigward tal-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni matul u wara l-perjodu ta’ disponibbiltà ta’ dik l-assistenza.

(22)

Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bħala awtorità baġitarja.

(23)

L-ammonti li għandhom jiġu pprovduti meħtieġa għall-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji definiti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

(24)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tinfurmahom regolarment bl-iżviluppi relatati ma’ dik l-assistenza u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

(25)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(26)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjari, li għandhom jiġu stabbiliti f’memorandum ta’ qbil (MtQ). Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u għal raġunijiet ta’ effiċjenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tinnegozja dawn il-kundizzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Ġordan taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011, bħala regola ġenerali jenħtieġ li tapplika l-proċedura konsultattiva fil-każijiet kollha ħlief kif previst f’dak ir-Regolament. Meta jiġi kkunsidrat l-impatt potenzjalment sinifikanti tal-assistenza ta’ aktar minn EUR 90 miljun, huwa xieraq li għal operazzjonijiet li jeċċedu dak il-limitu tintuża l-proċedura ta’ eżami kif speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta jitqies l-ammont ta’ assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni lill-Ġordan, dik il-proċedura ta’ eżami jenħtieġ li tapplika għall-adozzjoni tal-MtQ, u għal kwalunkwe tnaqqis, sospensjoni jew tħassir ta’ dik l-assistenza,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tagħmel assistenza makrofinanzjarja ta’ ammont massimu ta’ EUR 500 miljun disponibbli għall-Ġordan (l-“assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”), bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika u l-aġenda ta’ riforma sostantiva tal-Ġordan. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet tal-Ġordan għall-bilanċ tal-pagamenti kif inhuma identifikati fil-programm tal-FMI.

2.   L-ammont sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkun ipprovdut lill-Ġordan fil-forma ta’ self.

3.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’isem l-Unjoni, li tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji u li, min-naħa tagħha, issellifhom lill-Ġordan.

4.   Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-ftehimiet jew fehim milħuqa bejn il-FMI u l-Ġordan u mal-prinċipji u l-objettivi ewlenin tar-riformi ekonomiċi stabbiliti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż l-iżborżi tagħha, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet bid-dokumenti rilevanti fi żmien xieraq.

6.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli għal perjodu ta’ sentejn u nofs, li jibdew mill-ewwel jum wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-memorandum ta’ qbil imsemmi fl-Artikolu 3(1).

7.   Jekk il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ġordan jonqsu b’mod fundamentali matul il-perjodu tal-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni meta mqabbla mal-projezzjonijiet inizjali, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza, tissospendiha jew tħassarha.

Artikolu 2

1.   Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li l-Ġordan jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari b’diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u li jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

2.   Il-Kummissjoni u s-SEAE għandhom jimmonitorjaw li l-prekundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 tiġi ssodisfata matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (13).

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tilħaq ftehim mal-awtoritajiet tal-Ġordan dwar kundizzjonijiet tal-politika ekonomika u kundizzjonijiet finanzjarji definiti b’mod ċar, ikkonċentrati fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għalihom. Dawk il-kundizzjonijet tal-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu stabbiliti f’memorandum ta’ qbil (MtQ) li għandu jinkludi perjodu ta’ żmien għat-twettiq tagħhom. Dawk il-kundizzjonijiet ta’ politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew mal-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 1(4), inklużi l-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku u ta’ riforma strutturali implimentati mill-Ġordan bl-appoġġ tal-FMI.

2.   Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jimmiraw, b’mod partikolari, li jtejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Ġordan, inkluż għall-użu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Il-progress fil-ftuħ reċiproku tas-swieq, l-iżvilupp ta’ kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli u prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni għandhom ukoll jitqiesu bil-mod dovut fit-tfassil tal-miżuri ta’ politika. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja regolarment il-progress tal-Ġordan fl-ilħuq ta’ dawn l-objettivi.

3.   It-termini finanzjarji dettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim ta’ self f’konformità mal-Artikolu 223 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Ġordan (il-“ftehim ta’ self”).

4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika, f’intervalli regolari, li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(3), l-ewwel subparagrafu, jibqgħu jiġu ssodisfati, inkluż jekk il-linji ta’ politika ekonomika tal-Ġordan ikunux f’konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Hija u tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Artikolu 4

1.   Soġġett għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni fi tliet pagamenti parzjali ta’ self. Id-daqs ta’ kull wieħed minn dawk il-pagamenti parzjali għandu jiġi stabbilit fil-MtQ.

2.   L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu pprovduti, fejn meħtieġ, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/947.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali soġġetti għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1);

(b)

rekord sodisfaċenti kontinwu fl-implimentazzjoni ta’ programm ta’ politika li fih miżuri b’saħħithom ta’ aġġustament u ta’ riforma strutturali appoġġati minn arranġament ta’ kreditu mill-FMI mhux prekawzjonarju; u

(c)

l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet ta’ politika ekonomika u tal-kundizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-MtQ.

Ir-rilaxx tat-tieni pagament parzjali ma għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara r-rilaxx tal-ewwel pagament parzjali. Ir-rilaxx tat-tielet pagament parzjali ma għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara r-rilaxx tat-tieni pagament parzjali.

4.   Fejn il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu ma jiġux issodisfati, il-Kummissjoni għandha tissospendi jew tikkanċella temporanjament l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F’tali każijiet, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-raġunijiet għal tali sospensjoni jew kanċellazzjoni.

5.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi żborżata lill-Bank Ċentrali tal-Ġordan. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet mifthiema stabbiliti fil-MtQ, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti mill-Bank Ċentrali tal-Ġordan lill-Ministeru tal-Finanzi tal-Ġordan bħala l-benefiċjarju aħħari.

Artikolu 5

1.   Sabiex tiffinanzja l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’isem l-Unjoni, li tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji f’konformità mal-Artikolu 223 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.

2.   Il-Kummissjoni għandha tidħol fi ftehim ta’ self mal-Ġordan fir-rigward tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 1. Il-ftehim tas-self għandu jistabbilixxi l-perjodu ta’ disponibbiltà u t-termini dettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tas-sistemi ta’ kontroll intern. Is-self għandu jingħata b’termini li jippermettu lill-Ġordan iħallas lura s-self fuq perjodu twil, inkluż perjodu ta’ grazzja possibbli. Il-perjodu massimu tas-self għandu jkun ta’ 35 sena.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 6

1.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.

2.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun taħt ġestjoni diretta.

3.   Qabel l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, permezz ta’ valutazzjoni operazzjonali, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji tal-Ġordan, il-proċeduri amministrattivi, u l-mekkaniżmi ta’ kontroll interni u esterni li huma rilevanti għall-assistenza.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

1.   Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena ta’ qabel, inkluża evalwazzjoni ta’ dik l-implimentazzjoni. Dak ir-rapport għandu:

(a)

jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni;

(b)

jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tal-Ġordan, kif ukoll il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika u tal-kundizzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 3(1);

(c)

jindika r-rabta bejn il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-MtQ, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tal-Ġordan, u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

2.   Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perjodu ta’ disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(6), il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport ta’ evalwazzjoni ex post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja kompletata tal-Unjoni u sa liema punt din ikkontribwixxiet għall-għanijiet tal-assistenza.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ April 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

A. SZŁAPKA


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ April 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ April 2025.

(2)   ĠU L 129, 15.5.2002, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2282/oj.

(3)   ĠU L 41, 13.2.2006, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2006/67/oj.

(4)   ĠU L 177, 6.7.2011, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2011/398/oj.

(5)  Id-Deċizjoni (UE) 2020/33 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2020 li tipprevedi aktar assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (ĠU L 14, 17.1.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/33/oj).

(6)  Id-Deċizjoni (UE) 2016/2371/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (ĠU L 352, 23.12.2016, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/2371/oj).

(7)  Id-Deċiżjoni 1351/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (ĠU L 341, 18.12.2013, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/1351/oj).

(8)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/701 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar il-forniment ta’ assistenza makrofinanzjarja lis-sħab tat-tkabbir u tal-viċinat fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 165, 27.5.2020, p. 31, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/701/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/947/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/883/oj).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/2185/oj).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/427/oj).

(14)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/793/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)