6.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 56/12


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Marzu 2010

dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta’ emerġenza għall-ġlieda kontra l-marda vesikulari tal-ħnieżer fl-Italja fl-2009

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1192)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(2010/143/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 3(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Skont l-Artikolu 3(2) ta’ dik id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jiksbu kontribuzzjoni finanzjarja bil-kundizzjoni li l-miżuri huma applikati biex tinqered il-marda vesikulari tal-ħnieżer.

(2)

Il-marda vesikulari tal-ħnieżer hija marda virali tal-ħnieżer li tittieħed li klinikament ma tintgħarafx mill-marda tal-ilsien u d-dwiefer u li għalhekk tikkawża xkiel għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u l-esportazzjoni għall-pajjiżi terzi.

(3)

Seħħew tifqigħat tal-marda vesikulari tal-ħnieżer fl-Italja fl-2009. Il-preżenza mill-ġdid ta’ din il-marda tirrappreżenta riskju serju għall-popolazzjoni tal-bhejjem tal-Unjoni. L-Italja ħadet miżuri, skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (2), biex jiġu miġġielda dawk it-tifqigħat.

(4)

Fil-każ li tfaqqa’ l-marda vesikulari tal-ħnieżer, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jista’ jinfirex f’irziezet oħra tal-ħnieżer f’dak l-Istat Membru, iżda wkoll fi Stati Membri oħra u f’pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ fil-ħnieżer ħajjin jew il-prodotti tagħhom.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/779/KE tat-8 ta’ Novembru 2005 dwar miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-annimali kontra l-marda vesikulari tal-ħnieżer fl-Italja (3) tistipula regoli tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-marda vesikulari tal-ħnieżer għal reġjuni tal-Italja li huma stabbiliti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer u dawk li mhumiex rikonoxxuti bħala ħielsa minn dik il-marda. L-awtoritajiet Taljani kkonformaw mar-rekwiżiti tal-informazzjoni prevista fl-Artikolu 11 ta’ dik id-Deċiżjoni.

(6)

L-Artikolu 3(6), l-ewwel inċiż tad-Deċiżjoni 2009/470/KE jistabbilixxi regoli dwar il-perċentwali ta’ ċerti spejjeż li jeħel l-Istat Membru li jista’ jkun kopert mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

(7)

Il-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal miżuri ta’ emerġenza għall-qerda tal-marda vesikulari tal-ħnieżer huwa soġġett għar-regoli stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (4).

(8)

L-Italja kkonformat għal kollox mal-obbligi tekniċi u amministrattivi tagħha kif stipulati fl-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(9)

Fil-21 ta’ Mejju 2009 u fl-10 ta’ Ġunju 2009, l-Italja ppreżentat stima tal-ispejjeż li għamlet fit-teħid tal-miżuri għall-qerda tal-marda vesikulari tal-ħnieżer.

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lill-Italja

Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni tista’ tingħata lill-Italja għal ċerti spejjeż li weħel dak l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE, fil-ġlieda kontra l-marda vesikulari tal-ħnieżer fl-2009.

Artikolu 2

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(2)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.

(3)   ĠU L 293, 9.11.2005, p. 28

(4)   ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.