European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1319

16.5.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1319

tal-15 ta’ Mejju 2024

dwar id-derogi mir-regoli dwar il-“prodotti oriġinarji” stabbiliti fil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand li japplikaw fil-limiti tal-kwoti annwali għal ċerti prodotti minn New Zealand

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 58(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/244 (2), il-Kunsill adotta l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand (3) (“il-Ftehim”).

(2)

Il-Kapitolu 3 tal-Ftehim jipprevedi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “regoli tal-oriġini u proċeduri tal-oriġini” u l-Anness 3-B tal-Ftehim jistabbilixxi lista ta’ regoli tal-oriġini speċifiċi għall-prodott. L-Appendiċi 3-B-1 ta’ dak l-Anness jiddefinixxi regoli alternattivi li jistgħu japplikaw, minflok ir-regoli stabbiliti fl-Anness 3-B, biex ċerti prodotti jitqiesu li joriġinaw fi New Zealand, fi ħdan il-limiti tal-kwota annwali applikabbli.

(3)

Il-prodotti li għalihom japplikaw ir-regoli alternattivi stabbiliti fl-Appendiċi 3-B-1 u fi ħdan il-limiti tal-kwota annwali applikabbli, jistgħu jiġu importati fl-Unjoni mingħajr dazju, bl-eċċezzjoni tal-oġġetti taħt il-kodiċi tas-Sistema Armonizzata 0303.69, li għalihom id-dazji doganali jiġu eliminati fi tmien stadji annwali ugwali li jibdew mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Appendiċi.

(4)

Għal ċerti prodotti, il-volumi tal-kwoti għandhom jiżdiedu jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Appendiċi 3-B-1 tal-Anness 3-B tal-Ftehim.

(5)

Jenħtieġ li l-kwoti annwali stabbiliti fl-Appendiċi 3-B-1 jiġu ġestiti abbażi tal-ordni kronoloġika tad-dati ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa f’konformità mar-regoli dwar il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (4).

(6)

Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2024.

(7)

Biex tkun żgurata l-ġestjoni effettiva u l-applikazzjoni f’waqtha tal-kwoti tal-oriġini stabbiliti fl-Appendiċi 3-B-1 tal-Anness 3-B, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-istess id-data.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament iqisu l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-derogi stabbiliti fl-Appendiċi 3-B-1 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropew u New Zealand (“il-Ftehim”) għandhom japplikaw fi ħdan il-limiti tal-kwoti stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-prodotti elenkati fih.

Artikolu 2

Il-kwoti stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu ġestiti f’konformità mal-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 3

Biex jibbenefikaw minn kwota stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, il-prodotti għandhom ikunu akkumpanjati minn dikjarazzjoni tal-oriġini mfassla mill-esportatur li tiċċertifika li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Appendiċi 3-B-1 tal-Ftehim u meta tkun magħmula skont it-Tabella 1 tal-Appendiċi 3-B-1 tal-Ftehim, għandha tinkludi d-dikjarazzjoni “Kwota tal-Oriġini – Prodott li joriġina f’konformità mal-Appendiċi 3-B-1” u meta tkun magħmula skont it-Tabella 2 tal-Appendiċi 3-B-1 tal-Ftehim, għandha tinkludi d-dikjarazzjoni “Kwoti tal-oriġni – Prodott li joriġina f’konformità mal-Appendiċi 3-B-1, maqbud mill-bastiment mikri barrani [isem il-bastiment] fiż-Żona Ekonomika Esklużiva ta’ New Zealand bil-permess tas-sajd numru [numru tal-permess]”.

Artikolu 4

1.   Għall-kwoti bin-numri tal-ordni 09.7914, 09.7915, 09.7916 kif imsemmi fl-Anness ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jekk matul sena kalendarja tintuża aktar minn 80 % ta’ kwota tal-oriġini assenjata għal prodott, l-allokazzjoni tal-kwota tal-oriġini tiżdied għas-sena kalendarja ta’ wara.

2.   Iż-żieda msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ta’ 10 % tal-kwota tal-oriġini assenjata lill-prodott fis-sena kalendarja preċedenti.

3.   Id-dispożizzjoni dwar it-tkabbir stabbilita fit-Tabella 2 tal-Appendiċi 3-B-1 tal-Anness 3-B tal-Ftehim għandha tapplika għall-ewwel darba wara l-iskadenza tal-ewwel sena kalendarja sħiħa wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim u għandha tapplika għal total ta’ 3 snin fl-ewwel 6 snin kalendarji sħaħ wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

4.   Kwalunkwe żieda fil-volum tal-kwota tal-oriġini għandha tiġi implimentata fl-ewwel trimestru tas-sena kalendarja sussegwenti.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/244 tas-27 ta’ Novembru 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand (ĠU L, 2024/244, 28.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/244/oj).

(3)  Il-Ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand (ĠU L, 2024/866, 25.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/866/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/oj).


ANNESS

Minkejja r-regoli tal-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema preferenzjali għandu jkun determinat, fil-kuntest ta’ dan l-Anness, mill-kodiċijiet tan-NM kif stabbilit fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (1), u mid-deskrizzjoni tal-prodott mogħtija fit-tielet kolonna tat-Tabella 1 u fit-tielet kolonna tat-Tabella 2 ta’ dan l-Anness, meħudin flimkien.

Tabella 1

Numru tal-ordni tal-kwota

Kodiċi NM

Deskrizzjoni tal-prodott

Perjodu tal-kwota

Kwota annwali (EUR)

09.7911

5903

Drappijiet tessili imprenjati, miksijin, mgħottijin jew laminati bil-plastik, għajr dawk tal-intestatura 5902

Minn 1.5.2024 sa 31.12.2024 u għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

562 000

09.7912

Kapitolu 61

OĠĠETTI TA’ LBIES U AĊĊESSORJI TAL-ĦWEJJEĠ, INNITTJATI JEW MAĦDUMIN BIL-GANĊ

Minn 1.5.2024 sa 31.12.2024 u għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

1 200 000

09.7913

Kapitolu 62

OĠĠETTI TAL-ILBIES U AĊĊESSORJI TAL-ĦWEJJEĠ, MHUX INNITTJATI U MHUX MAĦDUMIN BIL-GANĊ

Minn 1.5.2024 sa 31.12.2024 u għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

1 000 000


Tabella 2

Numru tal-ordni tal-kwota

Kodiċijiet NM

Deskrizzjoni tal-prodott

Perjodu tal-kwota

Kwota annwali (piż nett f’kilogrammi)

09.7914

0303 54

Kavalli ffriżati (Scomber scombrus, Scomber australasicus, Scomber japonicus),

Minn 1.5.2024 sa 31.12.2024 u għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

500 000

0303 55

Sawrell iffriżat (Trachurus spp.)

09.7915

0303 66

Marlozz iffriżat

Minn 1.5.2024 sa 31.12.2024 u għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

5 500 000

0303 68

Merlangu ikħal iffriżat

0303 69

Ħut iffriżat tal-familji bregmacerotidae, euclichthyidae, gadidae, macrouridae, melanonidae, merlucciidae, moridae u muraenolepididae (ħlief il-bakkaljaw, il-merluzz tal-linja sewda, il-pollakkju iswed, il-merluzz, il-merluzz tal-Alaska u l-istokkafixx)

0303 89

Ħut iffriżat, mhux speċifikat banda oħra.

09.7916

0307 43

Siċċ u klamari, iffriżati, bil-qoxra jew mingħajrha

Minn 1.5.2024 sa 31.12.2024 u għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

8 000 000


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1319/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)