Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2026 (1)

Kawża C-441/25

AGECOP – Associação para a Gestão da Cópia Privada

vs

VISAPRESS – Gestão de Conteúdos dos Media, CRL

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall))

Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Direttiva 2001/29 – Drittijiet tal-awtur fis-soċjetà tal-informazzjoni – Artikolu 5(2)(a) u (b) – Kumpens ġust għar-riproduzzjoni għal użu privat – Direttiva 2019/790 – Drittijiet tal-awtur fis-suq uniku diġitali – Artikolu 16 – Talbiet tal-pubblikaturi għal kumpens ġust – Leġiżlazzjoni nazzjonali li talloka parti mill-kumpens ġust dovut lill-awturi lil pubblikaturi li huma detenturi tad-drittijiet tal-awtur oriġinali fuq xogħlijiet kollettivi u tad-drittijiet tal-awtur idderivati fuq artikli tal-istampa ppubblikati mingħajr indikazzjoni tal-awtur






 Introduzzjoni

1.        Id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni jipprevedu kumpens ġust lid-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur għar-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom fil-kuntest tal-eċċezzjonijiet applikabbli għall-monopolju tal-awtur. Bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ tali drittijiet, fost il-benefiċjarji ta’ dan il-kumpens jistgħu jingħaddu wkoll il-pubblikaturi ta’ xogħlijiet letterarji u grafiċi.

2.        Madankollu, ma huwiex għalkollox ċar jekk għandhomx dritt jirċievu dan il-kumpens bħala pubblikaturi jew bħala detenturi tad-drittijiet tal-awtur li huma jiksbu b’mod leġiżlattiv jew kuntrattwali.

3.        Din il-kwistjoni hija s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

4.        L-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (2) jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

(a)      rigward riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti, bla ħsara għal mużika fuq il-karta, kemm-il darba li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust;

(b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust […]”.

5.        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (3):

“L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li meta l-awtur ikun ittrasferixxa jew illiċenzja d-dritt lil pubblikatur, tali trasferiment jew liċenzja jikkostitwixxu bażi ġuridika suffiċjenti biex il-pubblikatur ikun intitolat għal sehem mill-kumpens għall-użu tax-xogħlijiet li saru skont eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt trasferit jew liċenzjat.”

 Id-dritt Portugiż

6.        Il-kumpens ġust għar-riproduzzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet ġie stabbilit bis-saħħa tal-Artikolu 82(1) tal-Código do Direito de Autor e dos Direitos Conexos (il-Kodiċi tad-Drittijiet tal-Awtur u Drittijiet Relatati) (approvat mid-Decreto-Lei (Digriet-Liġi) Nru 63/85 tal‑14 ta’ Marzu 1985, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali). Din id-dispożizzjoni ssemmi, fost oħrajn, lill-pubblikaturi, bħala benefiċjarji ta’ dan il-kumpens.

7.        Id-dispożizzjonijiet iddettaljati dwar l-imsemmi kumpens jinsabu fil-Lei da Cópia Privada (il-Liġi dwar ir-Riproduzzjoni għal Użu Privat) Nru 62/98 tal‑1 ta’ Settembru 1998, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali. Konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi, il-ġbir, il-ġestjoni u l-ħlas tal-kumpens ġust huma żgurati mill-Associação para a Gestão da Cópia Privada (iktar ’il quddiem l-“AGECOP”), persuna ġuridika rregolata mid-dritt Portugiż mingħajr skop ta’ lukru, li hija, essenzjalment, federazzjoni ta’ soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati li tirrappreżenta, b’mod partikolari, lill-awturi u lill-pubblikaturi.

8.        Skont l-Artikolu 7(2) tal-imsemmija liġi, l-ammonti miġbura bil-għan li jiġi ffinanzjat il-kumpens ġust għar-riproduzzjoni privata ta’ xogħlijiet letterarji u grafiċi huma mqassma f’partijiet ugwali bejn ir-rappreżentanti tal-awturi u dawk tal-pubblikaturi.

 Il-fatti tal-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9.        Fis‑26 ta’ Ġunju 2020, il-Bord tad-Diretturi tal-AGECOP adotta riżoluzzjoni li skontha l-kumpens ġust għar-riproduzzjonijiet għal użu privat ta’ xogħlijiet letterarji u grafiċi għall-perijodu minn Marzu sa Mejju tal-istess sena għandu, fir-rigward tal-parti intiża, skont id-dritt nazzjonali, għall-awturi, jingħata lill-organizzazzjoni li tirrappreżenta lill-awturi u, fir-rigward tal-parti intiża għall-pubblikaturi, jingħata lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-pubblikaturi.

10.      Fis‑27 ta’ Lulju 2020 ġiet ippreżentata azzjoni ġudizzjarja kontra din id-deċiżjoni minn VISAPRESS – Gestão de Conteúdos dos Media, CRL, soċjetà li tirrappreżenta lill-pubblikaturi tal-istampa (iktar ’il quddiem “VISAPRESS”). Din l-organizzazzjoni ssostni, essenzjalment, li l-pubblikaturi tal-istampa ma humiex biss detenturi tad-drittijiet relatati fuq pubblikazzjonijiet tal-istampa, iżda wkoll detenturi tad-drittijiet tal-awtur fuq uħud minn dawn il-pubblikazzjonijiet, bil-konsegwenza li huma għandhom jirċievu sehem mill-kumpens ġust intiż għall-awturi. Din il-proċedura ġudizzjarja indikata tidher li ma tifformax parti mill-proċedura fil-kawża prinċipali.

11.      Fit‑3 ta’ Diċembru 2020, il-Bord tad-Diretturi ta’ AGECOP adotta, fir-rigward tal-kumpens ġust għall-perijodu bejn Ġunju u Novembru tal-istess sena, riżoluzzjoni b’kontenut simili għal dak tar-riżoluzzjoni tas‑26 ta’ Ġunju 2020.

12.      Fil‑21 ta’ Ġunju 2023, din ir-riżoluzzjoni ġiet ikkontestata minn VISAPRESS quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, li madankollu ċaħdet ir-rikors permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024. Sussegwentement, din is-sentenza ġiet annullata mit-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Liżbona) permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2024. Il-qorti tal-appell qieset b’mod partikolari li VISAPRESS għandha titqies li tirrappreżenta lill-awturi fis-sens tal-Artikolu 82 tal-Kodiċi tad-Drittijiet tal-Awtur u Drittijiet Relatati kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar ir-Riproduzzjoni għal Użu Privat, u, konsegwentement, li hija detentur tad-dritt għal sehem mill-kumpens ġust sa fejn huwa intiż għall-awturi.

13.      Din l-aħħar deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni mill-AGECOP quddiem il-qorti tar-rinviju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fid-dawl tal-fatt li:

(a)      id-dritt Portugiż jipprovdi li l-kumpens xieraq dovut minħabba r-riproduzzjoni għal użu privat, stabbilit fl-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva [2001/29], u fl-Artikolu 16 tad-Direttiva [2019/790], għandu jinqasam f’partijiet ugwali bejn is-soċjetajiet li jirrappreżentaw l-awturi u s-soċjetajiet li jirrappreżentaw il-pubblikaturi, u li

(b)       skont id-dritt Portugiż, il-pubblikaturi tal-istampa, minbarra li huma detenturi ta’ drittjiet relatati, huma wkoll detenturi ta’ dritt tal-awtur oriġinali fuq il-gazzetti u pubblikazzjonijiet oħra li jippubblikaw, kif ukoll ta’ dritt tal-awtur indirett fuq ix-xogħlijiet ippubblikati mingħajr indikazzjoni ta’ awtur li jirriżulta, fost oħrajn, mit-trażmissjoni ta’ dawn id-drittijiet mill-kreaturi intellettwali;

l-interpretazzjoni flimkien tad-direttivi msemmija iktar ’il fuq tippermetti li d-dritt Portugiż applikabbli f’dan il-każ jiġi interpretat fis-sens li s-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva li jirrappreżentaw il-pubblikaturi ta’ gazzetti u pubblikazzjonijiet perjodiċi oħrajn, minbarra d-dritt għal kwota (50 %) mill-kumpens xieraq dovut għar-riproduzzjoni għal użu privat li tingħata lill-pubblikaturi, għandhom id-dritt li jaqsmu il‑50 % li jifdal minn dan l-istess kumpens xieraq, li, skont id-dritt, hija dovuta lill-awturi, ma’ soċjetà għall-ġestjoni kollettiva oħra li tirrappreżenta lill-kreaturi intellettwali tax-xogħlijiet inklużi fl-imsemmija pubblikazzjonijiet perjodiċi, li jimplika neċessarjament tnaqqis tal-kumpens xieraq li jirċievu dawn tal-aħħar?”

14.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet quddiem l-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Lulju 2025. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi minn: il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Portugiż u l-Gvern Estonjan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taqta’ l-kawża mingħajr ma żżomm seduta għas-sottomissjonijiet orali.

 Analiżi

15.      L-eżami tad-domanda preliminari f’din il-kawża jirrikjedi numru ta’ kummenti preliminari dwar is-suġġett ta’ din id-domanda.

 Is-suġġett tad-domanda preliminari

16.      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-tilwima fil-kawża prinċipali hija bejn żewġ soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u tirrigwarda s-sehem tal-fondi intiżi għall-ħlas ta’ kumpens ġust għar-riproduzzjoni tax-xogħlijiet u li għalihom dawn is-soċjetajiet huma intitolati li jirċievu u li sussegwentement jiddistribwixxu fost il-membri tagħhom. Tali suġġett tal-kawża prinċipali huwa rifless ukoll fil-formulazzjoni tad-domanda preliminari mill-qorti tar-rinviju.

17.      Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dritt tal-Unjoni jirregola esklużivament il-kwistjoni tad-determinazzjoni taċ-ċirku ta’ persuni li għandhom dritt li jirċievu kumpens ġust. B’kuntrast, l-organizzazzjoni tal-ġbir u tal-ġestjoni tal-fondi intiżi għall-ħlas ta’ dan il-kumpens kif ukoll il-kwistjoni tar-rappreżentanza tad-detenturi tad-dritt li jirċievu dan il-kumpens mis-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva tibqa’ għalkollox fil-kompetenza tal-Istati Membri, bla ħsara, ċertament, għall-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam mad-dritt tal-Unjoni.

18.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li, permezz tad-domanda preliminari tagħha f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2019/790, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-pubblikaturi tal-istampa għandhom dritt għal kumpens ġust għar-riproduzzjoni tal-pubblikazzjonijiet tagħhom, bħala detenturi tad-drittijiet tal-awtur fuq dawn il-pubblikazzjonijiet, indipendentement mill-fatt li huma għandhom ukoll id-dritt li jirċievu dan il-kumpens bħala pubblikaturi ta’ dawn il-pubblikazzjonijiet.

19.      Ikun utli li nibdew l-analiżi ta’ din id-domanda bi tfakkira fil-qosor tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward kif ukoll tal-oriġini tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2019/790.

 Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-oriġini tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2019/790

20.      Minkejja li l-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29 dwar il-kumpens ġust, hija lakonika ħafna, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat ġurisprudenza abbundanti bbażata fuqha, inkluż fir-rigward taċ-ċirku ta’ detenturi intitolati li jirċievu dan il-kumpens.

21.      Sa mill-ewwel sentenza dwar il-kumpens ġust, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li dan huwa intiż li jikkumpensa d-dannu li d-detenturi tad-drittijiet iġarrbu minħabba r-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet u ta’ oġġetti oħra protetti fuq il-bażi ta’ eċċezzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjonijiet u li l-ammont ta’ dan il-kumpens għandu jiġi kkalkolat skont il-portata ta’ dan id-dannu (4).

22.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kumpens ġust ma għandux jitħallas kollu kemm hu direttament lid-detenturi tad-drittijiet, iżda li dawn id-detenturi setgħu jibbenefikaw minnu b’mod indirett. B’kuntrast, il-benefiċjarji ta’ dan il-kumpens ma għandhomx ikunu persuni esterni (5).

23.      Finalment, fis-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, Hewlett‑Packard Belgium (C‑572/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza Hewlett‑Packard”, EU:C:2015:750, punti 46 sa 49), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-pubblikaturi ta’ xogħlijiet li huma s-suġġett ta’ riproduzzjoni taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29 ma għandhomx id-dritt li jirċievu sehem mill-kumpens ġust dovut lill-awturi għal din ir-riproduzzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha prinċipalment fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29, li tgħid li l-kumpens ġust huwa dovut lid-“detenturi tad-drittijiet”, filwaqt li l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxi d-dritt ta’ riproduzzjoni, ma jindikax lill-pubblikaturi fost id-detenturi ta’ dan id-dritt.

24.      Is-sentenza Hewlett-Packard ma ntlaqgħetx b’mod favorevoli fl-Istati Membri, ġaladarba ħafna minnhom (6), fil-leġiżlazzjoni tagħhom, jipprevedu s-sehem tal-pubblikaturi għal kumpens ġust taħt l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni (7). Sabiex ikunu jistgħu jżommu fis-seħħ dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2019/790. Ir-rabta bejn din id-dispożizzjoni u s-sentenza Hewlett‑Packard hija indikata b’mod ċar fil-premessa 60 tal-imsemmija direttiva, li tgħid li l-imsemmija dispożizzjoni ġiet adottata, b’mod partikolari, għall-użu tal-Istati Membri li kienu jawtorizzaw is-sehem tal-pubblikaturi għal kumpens ġust “qabel it‑12 ta’ Novembru 2015”, jiġifieri qabel id-data tal-għoti ta’ dik is-sentenza.

25.      Huwa f’dan il-kuntest li bdiet it-tilwima fil-kawża prinċipali. Is-soluzzjoni tagħha tirrikjedi interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29, moqri flimkien mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2019/790.

 Interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29

26.      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29, l-AGECOP tislet il-konklużjoni li l-kunċett ta’ “detenturi tad-drittijiet” li jinsab f’dawn id-dispożizzjonijiet ikopri esklużivament lill-persuni msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li fosthom ma hemmx il-pubblikaturi. Għaldaqstant, skont AGECOP, il-pubblikaturi jistgħu potenzjalment jirċievu kumpens ġust esklużivament fuq il-bażi tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2019/790, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk humiex biss persuni liċenzjati awtorizzati jużaw ix-xogħlijiet jew jekk kisbux, b’mod leġiżlattiv jew kuntrattwali, dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tagħhom. Fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali, l-AGECOP tiddeduċi minn dan li l-pubblikaturi ma għandhomx id-dritt li jirċievu sehem mill-kumpens ġust intiż għall-awturi.

27.      Madankollu, ma naħsibx li tali interpretazzjoni daqstant restrittiva tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni kienet korretta.

28.      Kif jindika t-titolu stess tad-Direttiva 2001/29, din hija intiża esklużivament sabiex tarmonizza ċerti dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. Fl-Artikolu 2 tagħha, din id-direttiva tarmonizza d-dritt ta’ riproduzzjoni billi tiddefinixxi l-oġġetti protetti minn dan id-dritt kif ukoll id-detenturi li bħala regola huma intitolati għal dan id-dritt u, fl-Artikolu 5 tagħha tipprevedi eċċezzjonijiet għal dan id-dritt.

29.      B’dan premess, la d-Direttiva 2001/29 u lanqas att ieħor tad-dritt tal-Unjoni ma jirregolaw il-kwistjoni tat-trasferiment tad-drittijiet esklużivi tal-awtur u tad-drittijiet relatati u l-kwistjoni tad-determinazzjoni taċ-ċirku ta’ detenturi ta’ dawn id-drittijiet f’sitwazzjonijiet atipiċi, bħall-ħolqien ta’ xogħol fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol jew bil-kooperazzjoni bejn diversi awturi. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li ċ-ċirku ta’ detenturi tad-dritt ta’ riproduzzjoni huwa strettament limitat għad-detenturi espressament imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, f’tali każ, kull kummerċ ta’ drittijiet esklużivi kif ukoll kwalunkwe flessibbiltà fir-regolamentazzjoni ta’ sitwazzjonijiet atipiċi jkunu impossibbli. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati jibqgħu fis-seħħ anki wara l-mewt tal-persuni elenkati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 u jkunu s-suġġett ta’ suċċessjoni, li permezz tagħha l-eredi jidħlu fid-drittijiet ta’ dawn il-persuni.

30.      Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29, filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet jindikaw iċ-ċirku ta’ persuni li għandhom dritt għall-kumpens ġust, dawn ma jelenkawx lid-detenturi msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva u lanqas ma jinkludu riferiment għal din id-dispożizzjoni, iżda jużaw il-kunċett ġenerali ta’ “detenturi tad-drittijiet” (8). Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li dan il-kunċett ikopri esklużivament id-detenturi elenkati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29. Għall-kuntrarju, dan għandu jiġi interpretat billi tittieħed inkunsiderazzjoni r-realtà tal-funzjonament tad-drittijiet tal-awtur fl-Istati Membri, jiġifieri fis-sens li jirreferu mhux biss għall-persuni espressament imsemmija fl-Artikolu 2, iċċitat iktar ’il fuq, iżda wkoll għall-aventi kawża ta’ dawn il-persuni u għal persuni li, mingħajr ma jkunu l-awturi reali tax-xogħlijiet, huma detenturi ta’ drittijiet tal-awtur bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mad-dritt tal-Unjoni.

31.      Dawn il-persuni jistgħu jkunu, pereżempju, pubblikaturi, f’sitwazzjoni meta (u sa fejn dan iseħħ) l-awturi jkunu ttrasferewlhom id-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tax-xogħol jew meta d-dritt nazzjonali jagħtihom l-istatus ta’ detenturi ta’ dan id-dritt.

32.      Mis-sentenza Hewlett-Packard ma jirriżulta xejn iktar. Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-kwistjoni tal-istatus potenzjali tal-pubblikaturi bħala detenturi tad-dritt ta’ riproduzzjoni ma kinitx is-suġġett ta’ eżami iktar fil-fond. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali, il-pubblikaturi kienu jirċievu kumpens ġust bħala tali u, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dawn ma jissemmewx fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 bħala kategorija awtonoma ta’ detenturi ta’ dan id-dritt. Issa, sa fejn il-kumpens ġust huwa intiż li jikkumpensa d-dannu li jirriżulta mill-introduzzjoni ta’ eċċezzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-pubblikaturi ma kinux intitolati għal kumpens ġaladarba dawn ma jġarrbu ebda dannu minħabba din l-eċċezzjoni. Minn perspettiva oħra, f’ebda punt ta’ din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonstatat li l-kunċett ta’ “detenturi tad-drittijiet” li jinsab fl-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29 huwa limitat għall-kategoriji ta’ persuni elenkati fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

33.      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29 kif proposta fil-punt 30 iktar ’il fuq hija wkoll konformi mar-ratio legis tal-kumpens ġust. Kif diġà indikajt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kumpens huwa intiż sabiex jikkumpensa d-dannu li d-detenturi tad-dritt ta’ riproduzzjoni jġarrbu minħabba l-eċċezzjoni li tirrigwarda r-riproduzzjoni għal użu privat (9). Dan id-dannu jirriżulta mill-fatt li l-utenti jistgħu jirriproduċu xogħol għal użu privat mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt ta’ riproduzzjoni, awtorizzazzjoni li għaliha dan id-detentur ikun jista’, li kieku kien mod ieħor, jirċievi ħlas, pereżempju billi jbigħ kopja addizzjonali tax-xogħol.

34.      Għalhekk huwa loġiku li d-detentur intitolat li jirċievi kumpens ġust ikun f’kull każ dik intitolat li jawtorizza jew li jipprojbixxi r-riproduzzjoni fl-assenza tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(a) jew (b) tad-Direttiva 2001/29. Dan id-detentur jista’ jkun persuna li lilha jkun ġie ttrasferit id-dritt ta’ riproduzzjoni permezz ta’ kuntratt jew li jkun id-detentur ta’ dak id-dritt bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, anki jekk ma jkunx l-awtur effettiv tax-xogħol. B’mod partikolari, tali persuna tista’ tkun il-pubblikatur. Naturalment, ir-relazzjonijiet irregolati mid-dritt privat jew dispożizzjonijiet leġiżlattivi jistgħu jkunu iktar kumplessi u iktar minn persuna waħda tista’ tkun detentur ta’ drittijiet fuq xogħol speċifiku. Il-metodu ta’ kalkolu u ta’ ħlas tal-kumpens ġust għandu jieħu inkunsiderazzjoni din ir-realtà kumplessa.

35.      Huwa minnu li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2019/790 hawnhekk jintroduċi ċerta konfużjoni. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-pubblikaturi jirċievu sehem mill-kumpens ġust irrispettivament minn jekk id-dritt ikunx ġie ttrasferit lilhom jew jekk ikunux kisbu biss liċenzja għal użu tax-xogħol. Għaldaqstant, wieħed jista’ jaħseb li din hija l-unika bażi possibbli sabiex il-pubblikaturi jirċievu kumpens ġust u l-istatus potenzjali tagħhom ta’ detenturi tad-dritt ta’ riproduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29 ma għandux rwol.

36.      Fil-fehma tiegħi, madankollu, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2019/790 ma hijiex korretta. B’differenza mid-Direttiva 2001/29, la l-imsemmi Artikolu 16 u lanqas il-premessa 60 tad-Direttiva 2019/790, li tirreferi għal dak l-artikolu, ma jużaw il-kunċett ta’ “detenturi tad-drittijiet”, iżda sempliċement jagħmlu distinzjoni bejn l-awturi, minn naħa, u l-pubblikaturi, min-naħa l-oħra. Hawnhekk, l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni kien li jsolvi problema prattika iktar milli li jsolvi kwistjonijiet legali. L-interpretazzjoni tal-imsemmija premessa 60 turi li permezz tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2019/790, dan il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jagħti lill-Istati Membri setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa l-iktar possibbli f’dak li jirrigwarda l-ammissjoni tal-pubblikaturi sabiex jirċievu sehem mill-kumpens ġust, irrispettivament mill-forma li fiha d-dritt ta’ użu jkun ingħatalhom mill-awturi. Għalhekk din id-dispożizzjoni ġiet ifformulata b’tali mod li tkopri s-sitwazzjonijiet possibbli kollha u l-mekkaniżmi kollha eżistenti fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri.

37.      Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tbiddilx il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29, li, b’differenza mill-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, ma jużax il-kunċett ta’ “awtur”, iżda dak ta’ “detentur tad-drittijiet”. Għaldaqstant, ma hemmx raġuni li jiġi kkunsidrat li l-portata ta’ dan il-kunċett ġiet ristretta sempliċement minħabba li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2019/790 potenzjalment ikopri s-sitwazzjonijiet li fihom il-pubblikaturi jistgħu jitqiesu li huma detenturi tad-drittijiet tal-awtur. Fl-aħjar ipoteżi, f’tali sitwazzjonijiet, l-imsemmi Artikolu 16 ikun ta’ natura purament dikjaratorja.

38.      Min-naħa l-oħra, ma naqbilx mal-argument imressaq minn AGECOP li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29, kif qiegħed nipproponi, ixejjen is-sens tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2019/790. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni tkopri wkoll is-sitwazzjonijiet li fihom il-pubblikaturi ma humiex detenturi tad-dritt ta’ riproduzzjoni, iżda sempliċement persuni liċenzjati mid-dritt ta’ użu tax-xogħlijiet (10). F’tali sitwazzjonijiet, din iżżomm għalkollox il-kontenut normattiv tagħha.

39.      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2019/790 ikopri esklużivament is-sitwazzjonijiet li fihom il-pubblikaturi jkunu kisbu drittijiet mingħand l-awturi. Konsegwentement, li kieku kellu jitqies li ċ-ċirku ta’ entitajiet intitolati għal-kumpens ġust taħt l-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29 huwa limitat għal dawk indikati fl-Artikolu 2 ta’ dik id-direttiva, il-pubblikaturi li jkunu kisbu dritt ta’ riproduzzjoni b’mod awtonomu, pereżempju ipso jure, jiġu mċaħħda mid-dritt tagħhom għal kumpens ġust, li, fil-fehma tiegħi, imur kontra l-għan kemm tal-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2019/790. Għalhekk, għandu pjuttost jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li ma jirregolax tali sitwazzjonijiet taħt it-tieni dispożizzjoni, peress li qies li dawn kienu jaqgħu taħt l-ewwel waħda minnhom.

40.      B’hekk, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pubblikaturi li huma suġġetti għal dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni għandhom, fuq il-bażi dawn id-dispożizzjonijiet, dritt għal kumpens ġust.

41.      Dan premess, flimkien mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2019/790, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-għan u r-rwol ta’ dan il-kumpens ġust.

 L-għan u r-rwol tal-kumpens ġust għall-pubblikaturi

42.      Kif diġà semmejt, skont is-sentenza Padawan (punti 39 sa 42), dan il-kumpens huwa intiż li jikkumpensa d-dannu li jirriżulta mill-użu tax-xogħlijiet fil-kuntest tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29, u l-ammont tiegħu għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-portata ta’ dan id-dannu. Dik is-sentenza kienet naturalment tirrigwarda l-kumpens ġust għad-detenturi tad-drittijiet. Madankollu, ma narax raġuni għalfejn din ma għandhiex tapplika wkoll għall-pubblikaturi li jirċievu dan il-kumpens fuq il-bażi tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2019/790, peress li, kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, il-kwistjoni tirrigwarda s-sehem tal-pubblikaturi għal kumpens imħallas skont l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29.

43.      F’sentenzi oħra wkoll, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-rabta bejn il-kumpens ġust u d-dannu mġarrab mid-detenturi tad-dritt ta’ riproduzzjoni. B’mod partikolari, fis-sentenza Hewlett-Packard, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħdet inkwistjoni l-kumpens għad-danni kkawżati minn riproduzzjonijiet minn sorsi illeċiti, minħabba li din ir-riproduzzjoni ma kinitx taqa’ taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll qiegħdet inkwistjoni s-sistema ta’ kalkolu tal-kumpens li ma tippermettix li jitnaqqas id-dannu reali mid-dannu kkalkolat b’rata fissa (11). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħdet inkwistjoni l-ġbir ta’ fondi intiżi għall-finanzjament tal-kumpens ġust fuq apparat ta’ kkopjar mhux intiż għal użu privat, ġaladarba dan l-apparat ma jintużax għar-riproduzzjoni għall-finijiet ta’ użu privat, kif meħtieġ mill-Artikolu 5(2)(b) tal-imsemmija direttiva (12).

44.      Dan il-kriterju għandu għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni fil-każ ta’ sovrappożizzjoni potenzjali bejn id-dritt tal-pubblikaturi li jirċievu kumpens ġust bħala detenturi tad-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt tagħhom bħala pubblikaturi. F’dan ir-rigward, ma naqbilx mal-opinjoni espressa minn VISAPRESS li l-pubblikaturi li huma detenturi ta’ dan id-dritt esklużiv iġarrbu dannu doppju: l-ewwel minħabba l-impossibbiltà li jbiegħu numru ikbar ta’ kopji tax-xogħol u t-tieni minħabba l-eżistenza ta’ eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni.

45.      Id-dannu li fir-rigward tiegħu il-kumpens ġust iservi sabiex ipaċi jirriżulta mill-eżistenza ta’ din l-eċċezzjoni u jikkonsisti preċiżament fi tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ ta’ kopji tax-xogħlijiet (jew mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom f’forma intanġibbli). Id-dritt ta’ riproduzzjoni huwa dritt patrimonjali u l-uniku dannu li jista’ jirriżulta mil-limitazzjoni tiegħu jinsab fil-limitazzjoni tal-possibbiltà li jinġabar dħul mill-isfruttament ekonomiku tax-xogħlijiet.

46.      Ċertament, meta ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni liema xogħol ġie riprodott mill-utenti għall-użu privat tagħhom kif ukoll kemm-il darba ġie riprodott, u lanqas ma jkun possibbli li jiġi ddeterminat xi tkun it-tendenza ta’ dawn l-utenti li jixtru kopji addizzjonali tax-xogħol, il-kumpens ġust ikun jirrifletti biss approssimattivament id-dannu realment imġarrab mid-detenturi tad-dritt ta’ riproduzzjoni. Madankollu, tqum il-kwistjoni, li għandha tiġi riżolta mil-leġiżlatur nazzjonali jew mill-awtoritajiet nazzjonali li japplikaw il-liġi, dwar jekk, pereżempju, l-għoti potenzjali ta’ kumpens doppju lil pubblikatur għall-istess xogħol, meta dan ikun ukoll id-detentur tad-dritt ta’ riproduzzjoni ta’ dan ix-xogħol, huwiex kompatibbli mar-rekwiżit ta’ determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens ġust fuq il-bażi tal-kriterju tal-portata tad-dannu mġarrab mid-detentur tad-dritt.

47.      Għalhekk, f’sitwazzjoni fejn il-pubblikaturi għandhom id-dritt li jirċievu kumpens ġust kemm bħala detenturi tad-dritt ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet kif ukoll bħala pubblikaturi ta’ dawn ix-xogħlijiet, l-ammont totali ta’ dan il-kumpens għandu jirrifletti l-portata tad-dannu li huma realment ġarrbu minħabba r-riproduzzjoni għal użu privat.

48.      Għalhekk, finalment, inqis li l-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2019/790 ma jipprekludix li l-pubblikaturi tal-istampa jkollhom dritt li jirċievu kumpens ġust għar-riproduzzjoni tal-pubblikazzjonijiet tagħhom bħala detenturi tad-drittijiet tal-awtur fuq dawn il-pubblikazzjonijiet, indipendentement mill-fatt li huma għandhom ukoll id-dritt li jirċievu dan il-kumpens bħala pubblikaturi ta’ dawn il-pubblikazzjonijiet, bla ħsara għar-riżerva msemmija fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

 Osservazzjonijiet finali

49.      Jidhirli li bħala konklużjoni huma meħtieġa żewġ osservazzjonijiet.

50.      L-ewwel nett, kif diġà semmejt preliminarjament f’dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tad-domanda preliminari, għalkemm id-dritt tal-Unjoni jiddefinixxi ċ-ċirku ta’ benefiċjarji ta’ kumpens ġust, dan la jirregola l-kwistjoni tar-rappreżentanza ta’ dawn il-benefiċjarji mis-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva u lanqas ma jirregola l-mekkaniżmi ta’ distribuzzjoni ta’ dan il-kumpens minn dawn is-soċjetajiet, u jħalli r-regolamentazzjoni ta’ din il-kwistjoni għad-dritt intern tal-Istati Membri. Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk il-pubblikaturi detenturi ta’ dritt ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet għandhomx jirċievu, f’dan ir-rigward, kumpens ġust minn riżerva ta’ riżorsi għad-dispożizzjoni ta’ soċjetà li tirrappreżenta lill-awturi jew ta’ soċjetà li tirrappreżenta lill-pubblikaturi, tibqa’ għalkollox kwistjoni li taqa’ taħt il-kompetenza tad-dritt nazzjonali, f’dan il-każ il-Portugall. Dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-proporzjon li l-pubblikaturi jirċievu meta jitqassam dan il-kumpens ġust.

51.      It-tieni nett, id-domanda preliminari f’din il-kawża b’ebda mod ma tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet Portugiżi li jagħtu lill-pubblikaturi tal-istampa l-istatus ta’ detenturi ta’ drittijiet tal-awtur fuq ċerti pubblikazzjonijiet. Lanqas ma jidher li din il-kwistjoni kienet is-suġġett tat-tilwima quddiem il-qorti nazzjonali jew is-suġġett ta’ diskussjoni bejn il-partijiet f’din it-tilwima. Dan huwa wkoll għalfejn ma nindirizzax din il-kwistjoni f’dawn il-konklużjonijiet u ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tindirizzaha meta tiddeċiedi din il-kawża; .fi kwalunkwe każ, fil-fehma tiegħi, l-istess qorti ma hijiex informata biżżejjed sabiex tagħti soluzzjoni għal din il-kwistjoni.

52.      Inżid biss li s-sentenza reċenti ONB et (13) kienet tirrigwarda sitwazzjoni speċifika li fiha l-artisti interpreti ġew imċaħħda retroattivament mid-drittijiet relatati tagħhom fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet adottati wara li kienu kisbu dawn id-drittijiet jew kontra l-aspettattivi leġittimi għall-kisba tagħhom. Għaldaqstant, il-konklużjonijiet li jirriżultaw minn din is-sentenza ma humiex direttament u awtomatikament applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża preżenti.

 Konklużjonijiet

53.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-domanda preliminari magħmula mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall) tkun kif ġej:

L-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-pubblikaturi tal-istampa jkollhom dritt li jirċievu kumpens ġust għar-riproduzzjoni tal-pubblikazzjonijiet tagħhom bħala detenturi tad-drittijiet tal-awtur fuq dawn il-pubblikazzjonijiet, indipendentement mill-fatt li huma għandhom ukoll id-dritt li jirċievu dan il-kumpens bħala pubblikaturi ta’ dawn il-pubblikazzjonijiet; f’sitwazzjoni fejn il-pubblikaturi għandhom id-dritt li jirċievu kumpens ġust kemm bħala detenturi tad-dritt ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet kif ukoll bħala pubblikaturi ta’ dawn ix-xogħlijiet, l-ammont totali ta’ dan il-kumpens għandu jirrifletti l-portata tad-dannu li huma realment ġarrbu minħabba r-riproduzzjoni għal użu privat.


1      Lingwa oriġinali: il-Pollakk.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.


3      ĠU 2019, L 130, p. 92.


4      Sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Padawan (C‑467/08, iktar ’il quddiem is- “sentenza Padawan”, EU:C:2010:620, punti 39 sa 42).


5      Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punti 49 u 50, 53 u 54).


6      Tmintax-il Stat Membru, skont l-informazzjoni indikata mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha f’din il-kawża.


7      Dan is-sehem jista’ jkun relattivament għoli, kif tindika l-leġiżlazzjoni Portugiża applikabbli għall-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-kumpens ġust għandu jiġi kondiviż f’partijiet ugwali bejn l-awturi u l-pubblikaturi. Din l-istess kondiviżjoni kienet ukoll fis-seħħ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Hewlett‑Packard (ara l-leġiżlazzjoni Belġjana ċċitata fil-punt 9 ta’ dik is-sentenza).


8      Bil-lingwa Ingliża “rightholders”, Franċiża “titulaires de droits”, u Ġermaniża “Rechtinhaber”.


9      Sentenza Padawan, punt 40.


10      Ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32), li jiddistingwi dawn iż-żewġ kategoriji b’mod ċar.


11      Ara, rispettivament, il-punti 3 u 4 tad-dispożittiv ta’ dik is-sentenza.


12      Sentenza Padawan (punt 3 tad-dispożittiv).


13      Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025 (C‑575/23, EU:C:2025:141).