European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/350

22.1.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/350

tat-13 ta’ Diċembru 2023

dwar il-konformità tal-miżuri korrettivi ppreżentati mill-Belġju mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336

(notifikata bid-dokument C(2023) 8616)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3), (c), tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(7), it-tieni paragrafu, tiegħu,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Bħala segwitu tal-eżami dettaljat imsemmi fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni sabet li l-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għaż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu kienu inkonsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza tal-Unjoni kollha għall-RP3.

(2)

Konsegwentement, skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1336 (3), il-Belġju u l-Lussemburgu ntalbu jiddefinixxu u jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri korrettivi mfassla biex tinkiseb il-konsistenza tal-miri nazzjonali tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza tagħhom mal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha għat-tielet perjodu ta’ referenza. Dawk il-miżuri korrettivi kellhom jiġu stabbiliti bħala parti mill-abbozz tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni finali stabbiliti fil-livell nazzjonali mill-Belġju u mil-Lussemburgu rispettivament.

(3)

Fis-16 ta’ Settembru 2023, il-Belġju ppreżenta lill-Kummissjoni, għall-valutazzjoni, l-ewwel verżjoni tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali tiegħu li jinkludi miżuri korrettivi. Wara verifika tal-kompletezza, il-Kummissjoni talbet lill-Belġju jaġġorna l-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali tiegħu sabiex jikkomplementah fir-rigward ta’ ċerti elementi neqsin u jindirizza ċerti nuqqasijiet identifikati. Din id-Deċiżjoni tivvaluta dik il-verżjoni aġġornata tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali inkluż il-miżuri korrettivi (“l-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali”) ppreżentata mill-Belġju lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Novembru 2023.

(4)

Il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni (“PRB”), li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, ippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali tal-Belġju inkluż il-miżuri korrettivi.

(5)

Il-Belġju jaqbel b’mod eċċezzjonali li jirrinunzja d-drittijiet tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 342 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1 (4) u li din id-Deċiżjoni tiġi adottata u nnotifikata bl-Ingliż.

VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Kamp ta’ applikazzjoni

(6)

Skont l-Artikolu 15(7), l-ewwel paragrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-miżuri korrettivi stabbiliti fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali għandhom jiġu vvalutati sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex biżżejjed biex tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri korrettivi stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336 u b’hekk tiġi żgurata l-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għaż-żona tal-imposti bejn il-Belġju u l-Lussemburgu mal-miri ta’ prestazzjoni tal-Unjoni kollha għall-RP3. Dawk il-miżuri korrettivi ġew stabbiliti b’mod konġunt mill-Belġju u mil-Lussemburgu għaż-żona komuni tal-imposti tagħhom.

(7)

Il-Kummissjoni tinnota li l-miri ta’ prestazzjoni tas-sikurezza, tal-kapaċità u tal-ambjent stabbiliti fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni baqgħu l-istess fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali. Il-Kummissjoni ma qajmet l-ebda tħassib dwar dawk il-miri ta’ prestazzjoni fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336. Għalhekk, il-miri ta’ prestazzjoni tas-sikurezza, tal-kapaċità u tal-ambjent jenħtieġ li jitqiesu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni korrispondenti għall-Unjoni kollha.

Miżuri korrettivi mfassla biex tinkiseb il-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza riveduti mal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha soġġetti għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni

Miżuri korrettivi

(8)

Il-Kummissjoni tinnota li l-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali jinkludi, essenzjalment, il-miżuri korrettivi li ġejjin fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernati, jiġifieri skeyes u ċ-Ċentru ta’ Kontroll taż-Żona ta’ Fuq ta’ Maastricht (“MUAC”):

(a)

ir-rieżami tal-bażijiet tal-kostijiet ta’ skeyes u MUAC għas-snin 2023 u 2024 (“Miżura Korrettiva A”);

(b)

ir-rimborż lill-utenti tal-ispazju tal-ajru tas-surplus mis-sena kalendarja 2022 bħala riżultat tad-differenza bejn il-kostijiet iddeterminati u dawk reali (“Miżura Korrettiva B”);

(c)

ir-rimborż lill-utenti tal-ispazju tal-ajru tal-ammonti imposti fit-tieni perjodu ta’ referenza (“RP2”) fir-rigward ta’ investimenti posposti jew ikkanċellati f’assi fissi (“Miżura Korrettiva C”).

(9)

Bħala parti mill-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali, il-Belġju inkariga konsulent indipendenti biex matul is-sajf tal-2023, iwettaq rieżami tal-konformità ta’ skeyes u tal-MUAC (“ir-rieżami tal-konformità ta’ skeyes u tal-MUAC”) fir-rigward tas-sejbiet stabbiliti mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336. Il-Belġju kkondivida r-rapport finali tar-rieżami tal-konformità mas-servizzi tal-Kummissjoni fit-3 ta’ Ottubru 2023. Il-Belġju jispjega li r-riżultati tar-rieżami tal-konformità tqiesu għall-istabbiliment tal-miżuri korrettivi inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali.

Miżura Korrettiva A

(10)

Il-miżura korrettiva A tikkonsisti fi tnaqqis f’termini reali tal-kostijiet iddeterminati ta’ skeyes u MUAC fir-rigward tas-snin 2023 u 2024. Dik il-miżura korrettiva hija ppjanata li twassal għal tnaqqis tal-kost totali għas-sena 2023 ta’ EUR 12,9 miljun, espress f’termini reali fi prezzijiet tal-2017 (“EUR 2017”), u fi tnaqqis tal-kost totali għas-sena 2024 ta’ EUR 9,1 miljun espress f’EUR 2017.

(11)

It-tabella ta’ hawn taħt tippreżenta l-effett tal-Miżura Korrettiva A fuq il-kostijiet iddeterminati kif imqassma bejn skeyes u MUAC.

Miżura Korrettiva A

L-impatt fuq il-kostijiet iddeterminati għall-2023, espress f’EUR 2017

L-impatt fuq il-kostijiet iddeterminati għall-2024, espress f’EUR 2017

skeyes

EUR -4,6 miljun

EUR -4,0 miljun

MUAC

EUR -8,2 miljun

EUR -5,0 miljun

Totali

EUR -12,9 miljun

EUR -9,1 miljun

(12)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Miżura Korrettiva A tikkontribwixxi għat-tnaqqis ġenerali tal-bażi tal-kost għaż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu fl-2023 u fl-2024 u tirriżulta speċifikament fi tnaqqis tal-kostijiet operatorji, inklużi l-kostijiet tal-persunal u kostijiet operatorji oħra, kemm ta’ skeyes kif ukoll tal-MUAC, kif meħtieġ mill-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336.

Miżura Korrettiva B

(13)

Il-Miżura Korrettiva B tikkonċerna ir-rimborż lill-utenti tal-ispazju tal-ajru tas-surplus mis-sena kalendarja 2022 bħala riżultat tad-differenza bejn il-kostijiet iddeterminati u dawk reali. Dak is-surplus jinkludi speċifikament il-bilanċ bejn il-kostijiet iddeterminati u dawk reali relatati mal-kostijiet tal-persunal u kostijiet operatorji oħra ta’ skeyes u MUAC għall-2022. Id-differenzi fil-kostijiet għall-2022 relatati mal-kost tad-deprezzament u mal-kost tal-kapital huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Miżura Korrettiva B, minħabba li dawk id-differenzi huma soġġetti għar-regoli tal-kondiviżjoni tar-riskju tal-kostijiet stabbiliti fl-Artikoli 28 (3) (a) u 28 (4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(14)

Il-Miżura Korrettiva B hija ppjanata li tipproduċi effetti permezz ta’ tnaqqis ta’ darba fil-kost ta’ EUR 7,7 miljun f’EUR 2017 għas-sena 2024, kif imqassma fit-tabella ta’ hawn taħt bejn skeyes u MUAC.

Miżura Korrettiva B

L-impatt fuq il-kostijiet iddeterminati għall-2024, espress f’EUR 2017

skeyes

EUR -0,1 miljun

MUAC

EUR -7,6 miljun

Totali

EUR -7,7 miljun

(15)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Miżura Korrettiva B tikkontribwixxi għat-tnaqqis ġenerali tal-kostijiet iddeterminati ta’ skeyes u tal-MUAC għall-2024, kif meħtieġ mill-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336.

Miżura korrettiva C

(16)

Il-miżura korrettiva C tikkonċerna r-rimborż lill-utenti tal-ispazju tal-ajru tan-nefqa kapitali mhux minfuqa fl-RP2 li tikkonċerna investimenti posposti jew ikkanċellati f’assi fissi.

(17)

Il-Kummissjoni sabet li, matul l-RP2, kemm skeyes kif ukoll il-MUAC ipposponew jew ikkanċellaw diversi investimenti pjanati f’assi fissi, li kienu parti mill-pjan ta’ prestazzjoni tal-RP2. L-utenti tal-ispazju tal-ajru ġew imposti parzjalment għal dawk l-investimenti bħala parti mill-bażi tal-kost tal-RP2 għaż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu, minkejja l-fatt li dawk l-investimenti ma ġewx eżegwiti u għalhekk ma pprovdewx il-benefiċċji operazzjonali mistennija. Għalhekk, skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-Belġju u tal-Lussemburgu biex jivverifikaw li l-kostijiet mitluba fl-RP2 għall-investimenti kkanċellati u mdewma f’assi fissi ma kinux iddebitati darbtejn lill-utenti tal-ispazju tal-ajru f’każ li dawk l-investimenti jimmaterjalizzaw fi stadju aktar tard.

(18)

Fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali, il-Belġju jindika li r-rieżami tal-konformità ta’ skeyes u tal-MUAC sab li ċerti ammonti inklużi fil-bażijiet tal-kostijiet tal-RP3 għandhom tabilħaqq jiġu rimborżati lill-utenti sabiex jiġu evitati l-imposti doppji għall-investimenti kkanċellati jew posposti fl-RP2. Għal dak l-għan, għandu jiġi applikat tnaqqis ta’ darba fil-kost ta’ EUR 6,1 miljun espress f’EUR 2017 għas-sena 2024, imqassam bejn skeyes u MUAC f’konformità mat-tabella li ġejja:.

Miżura Korrettiva C

L-impatt fuq il-kostijiet iddeterminati għall-2024, espress f’EUR 2017

skeyes

EUR -4,4 miljun

MUAC

EUR -1,6 miljun

Totali

EUR -6,1 miljun

(19)

Fir-rigward ta’ skeyes, il-Kummissjoni tinnota li l-Miżura Korrettiva C twassal biss għal rimborż parzjali tal-kostijiet mhux minfuqa imposti fuq l-utenti fl-RP2 għall-investimenti kkanċellati u mdewma f’assi fissi. Skont l-analiżi mwettqa mill-PRB u stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336, skeyes talbet total ta’ EUR 7,8 miljun fl-RP2 fir-rigward ta’ investimenti li ma mmaterjalizzawx matul dak il-perjodu ta’ referenza.

(20)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-Miżura Korrettiva C tikkontribwixxi għat-tnaqqis ġenerali tal-kostijiet iddeterminati ta’ skeyes u tal-MUAC għall-2024, kif meħtieġ mill-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336.

Il-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza riveduti

(21)

It-tabella li ġejja tistabbilixxi l-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza en route għall-RP3 għaż-żona tal-imposti bejn il-Belġju u l-Lussemburgu inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni u l-miri ta’ prestazzjoni riveduti korrispondenti li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali.

Żona tal-imposti en route ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu

Valur ta’ referenza tal-2014

Valur ta’ referenza tal-2019

2020 - 2021

2022

2023

2024

Miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni, espressi bħala kost unitarju ddeterminat (f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017)

EUR 81,78

EUR 83,26

EUR 189,52

EUR 104,47

EUR 94,18

EUR 89,87

Miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza riveduti li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali, espressi bħala kost unitarju ddeterminat (f’termini reali fil-prezzijiet tal-2017)

EUR 81,78

EUR 83,26

EUR 189,52

EUR 104,47

EUR 90,34

EUR 80,26

(22)

Il-Kummissjoni tosserva li l-Belġju rreveda ’l isfel il-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza tiegħu għall-2023 u l-2024 fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali. Dik ir-reviżjoni ’l isfel tirrappreżenta tnaqqis approssimattiv tal-kost unitarju ddeterminat (“DUC”) ta’ 4,1 % għall-2023 u ta’ 10,7 % għall-2024. Il-Kummissjoni tinnota li l-valuri ta’ referenza għall-2014 u l-2019 jibqgħu l-istess fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali meta mqabbla mal-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni.

(23)

It-tbassir tat-traffiku li fuqu huma bbażati l-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għaż-żona tal-imposti bejn il-Belġju u l-Lussemburgu ġie aġġornat bħala parti mill-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali u huwa konformi mat-tbassir tat-traffiku bażi ta’ STATFOR ta’ Marzu 2023 tal-Eurocontrol. It-tabella li ġejja tistabbilixxi s-suppożizzjonijiet tat-traffiku, li ġew riveduti ’l isfel għall-2023 (b’effett negattiv fuq id-DUC) u riveduti ’l fuq għall-2024 (b’effett pożittiv fuq id-DUC).

Żona tal-imposti en route ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu

2023

2024

Tbassir tat-traffiku li jinsab fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni, espress f’eluf ta’ unitajiet ta’ servizzi en route

2 445

2 542

Tbassir aġġornat tat-traffiku li jinsab abbozz tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni finali, espress f’eluf ta’ unitajiet ta’ servizzi en route

2 404

2 560

Differenza

-1,7  %

+0,7  %

Kostijiet iddeterminati għas-snin kalendarji 2023 u 2024

(24)

Il-kostijiet iddeterminati riveduti f’termini reali, espressi f’EUR 2017, għas-snin kalendarji 2023 u 2024, li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-miżuri korrettivi msemmija fil-premessi 8 sa 19 u minn aġġustamenti oħra applikati fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali, huma indikati fit-tabella li ġejja:

Żona tal-imposti en route ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu

2023

2024

Kostijiet iddeterminati f’EUR 2017, kif stabbiliti fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni

EUR 230,2 miljun

EUR 228,5 miljun

Kostijiet iddeterminati f’EUR 2017, kif stabbiliti fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali

EUR 217,2 miljun

EUR 205,5 miljun

Differenza espressa f’EUR 2017 u f’perċentwal

EUR -13,1 miljun

-5,7  %

EUR -23,0 miljun

-10,1  %

(25)

Meta mqabbel mal-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni, l-effett ikkombinat tal-miżuri korrettivi stabbiliti fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali fuq il-bażi tal-kost taż-żona tal-imposti bejn il-Belġju u l-Lussemburgu jammonta għal EUR –12,8 miljun espressi f’EUR 2017 għas-sena 2023 u għal EUR –22,7 miljun espressi f’EUR 2017 għas-sena 2024. It-tnaqqis ulterjuri fil-kost residwu ta’ EUR 0,3 miljun espress f’EUR 2017 għall-2023 u ta’ EUR 0,2 miljun espressi fl-EUR 2017 għall-2024 jirriżulta minn aġġustamenti li saru fir-rigward tal-bażijiet tal-kostijiet tal-Amministrazzjoni tan-Navigazzjoni bl-Ajru tal-Lussemburgu u tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-Belġju u tal-Lussemburgu rispettivament.

(26)

Skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kostijiet iddeterminati stabbiliti fir-rigward tal-Amministrazzjoni tan-Navigazzjoni bl-Ajru tal-Lussemburgu u tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-Belġju u tal-Lussemburgu ma wasslux għal tħassib. Is-sejbiet relatati stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336 jibqgħu validi, minħabba li ma saret l-ebda bidla kbira fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali fir-rigward ta’ dawk il-komponenti tal-kost.

Valutazzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni riveduti

Valutazzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni riveduti abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317

(27)

Il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza riveduti stipulati fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali f’konformità mal-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(28)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tad-DUC en route fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ –0,9 % matul l-RP3 tisboq ix-xejra mal-Unjoni kollha ta’ +1,0 % matul l-istess perjodu.

(29)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tad-DUC en route fil-livell taż-żona tal-imposti matul l-RP2 u l-RP3 ta’ –0,2 % hija anqas mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha ta’ –1,3 % matul l-istess perjodu.

(30)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur ta’ referenza għad-DUC ta’ EUR 83,26 taż-żona tal-imposti bejn il-Belġju u l-Lussemburgu espress f’EUR 2017 huwa 13,2 % ogħla mill-valur ta’ referenza medju ta’ EUR 73,53 f’EUR 2017 tal-grupp komparatur rilevanti.

Valutazzjoni tal-miżuri relatati mal-kapaċità invokati mill-Belġju biex jiġġustifikaw id-devjazzjonijiet osservati mix-xejriet tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha

(31)

Jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-devjazzjonijiet mill-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4 (b) u 1.4 (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, imsemmija fil-premessi 29 u 30, jistgħux jitqiesu meħtieġa u proporzjonati f’konformità mal-punt 1.4 (d) ta’ dak l-Anness, dment li d-devjazzjoni osservata mix-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni kollha tkun esklużivament dovuta għal kostijiet iddeterminati addizzjonali relatati mal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità.

(32)

Wara li kkunsidrat il-kalkoli li saru mill-PRB, il-Kummissjoni tinnota li d-differenza stmata bejn il-kostijiet iddeterminati għall-RP3 stabbiliti fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali għaż-żona tal-imposti bejn il-Belġju u l-Lussemburgu għas-sena 2024 u l-kostijiet iddeterminati li jkunu meħtieġa biex tiġi ssodisfata x-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni kollha hija ta’ madwar EUR 19,4 miljun espressi f’EUR 2017.

(33)

Fir-rigward tal-kriterju ta’ valutazzjoni stabbilit fil-punt 1.4 (d) (i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali fih seba’ miżuri biex jintlaħqu l-miri ta’ kapaċità (“miżuri relatati mal-kapaċità”), li huma meqjusa mill-Belġju bħala meħtieġa biex jintlaħqu l-miri ta’ kapaċità u li skont il-Belġju jiġġustifikaw id-devjazzjonijiet tal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza lokali mill-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza mal-Unjoni kollha. Tnejn minn dawk il-miżuri relatati mal-kapaċità (“il-Miżuri 1 u 2”) jikkonċernaw skeyes u ħamsa minn dawk il-miżuri relatati mal-kapaċità (“il-Miżuri 3 sa 7”) jikkonċernaw l-MUAC. Il-Kummissjoni diġà vvalutat dawk il-miżuri relatati mal-kapaċità, kif inkluż fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni, bħala parti mill-eżami dettaljat imsemmi fil-premessa 1. Is-sejbiet relatati ġew stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336.

(34)

Il-Miżuri 3 sa 7 jibqgħu l-istess fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali, għalhekk, is-sejbiet li saru mill-Kummissjoni matul l-eżami dettaljat fir-rigward ta’ dawk il-miżuri jibqgħu validi. Konsegwentement, il-Miżuri 3 sa 7 jitqiesu meħtieġa u proporzjonati biex jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni tal-kapaċità, abbażi tas-sejbiet dettaljati ppreżentati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336. Min-naħa l-oħra, il-Belġju mmodifika l-Miżuri 1 u 2 fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali u għalhekk dawk il-miżuri kellhom bżonn jiġu vvalutati mill-ġdid.

Valutazzjoni tal-Miżura 1 modifikata

(35)

Il-Miżura 1 tinkludi r-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru (“ATCOs”) minn skeyes sabiex jinżammu livelli adegwati ta’ persunal tal-ATCO fl-RP3 u fir-raba’ perjodu ta’ referenza (“RP4”).

(36)

Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336, il-Kummissjoni diġà kkonkludiet li l-Miżura 1 hija meħtieġa biex jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni tal-kapaċità lokali. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li l-Belġju kien naqas milli jiġġustifika, fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni, il-kostijiet kollha ddikjarati li huma mġarrba fir-rigward tal-Miżura 1. Għalhekk instab li porzjon tal-kostijiet tal-Miżura 1 ma kienx ġustifikat fid-dawl tal-ilħuq tal-miri ta’ kapaċità, minħabba li l-Belġju ma kienx issostanzja dawk il-kostijiet matul l-eżami dettaljat imsemmi fil-premessa 1, inkluż fir-rigward tal-impatt iddikjarat fuq il-kostijiet tal-inflazzjoni.

(37)

Il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali, il-Belġju ppreżenta stimi ogħla tal-kostijiet għall-Miżura 1 għall-2023 u l-2024. Il-Belġju jispjega li dan huwa dovut għal ammonti addizzjonali relatati mal-kostijiet tal-persunal imġarrba minn skeyes għar-remunerazzjoni tat-trainees tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru għal servizzi en route. Il-Belġju jiddikjara li dawk il-kostijiet tħallew barra bi żball mill-kostijiet tal-Miżura 1 fl-abbozz preċedenti tal-pjanijiet tal-prestazzjoni li kien ippreżenta għall-RP3.

(38)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali, il-kostijiet addizzjonali tal-persunal imsemmija fil-premessa 37 huma marbuta direttament mal-miżuri għat-titjib tal-kapaċità meħuda skont il-Miżura 1 li, fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336, diġà nstabu mill-Kummissjoni li huma rilevanti sabiex jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni tal-kapaċità lokali. Barra minn hekk, dawk il-kostijiet addizzjonali tal-persunal jenħtieġ li jitqiesu proporzjonati fid-dawl tal-objettiv li jiġi żgurat il-forniment sikur u kontinwu minn skeyes tal-kapaċità tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru meħtieġa fl-RP3. Għalhekk huwa xieraq, fir-rigward tal-Miżura 1, li dawk il-kostijiet tal-persunal jiġu inklużi fil-kalkolu tal-kostijiet meqjusa meħtieġa u proporzjonati biex jintlaħqu l-miri ta’ kapaċità.

(39)

Fir-rigward tal-aspetti l-oħra kollha tal-Miżura 1, il-konklużjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336 huma kkonfermati, peress li l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali ma fih l-ebda argumentazzjoni jew evidenza li tkun teħtieġ ftuħ mill-ġdid tal-analiżi tal-Kummissjoni.

Valutazzjoni tal-Miżura 2 modifikata

(40)

Il-Miżura 2 tikkonċerna l-modernizzazzjoni minn skeyes tas-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (“ATM”) tagħha biex tappoġġa l-integrazzjoni tas-servizzi ċivili u militari tan-navigazzjoni bl-ajru u biex ittejjeb il-kapaċità u l-effiċjenzi operazzjonali.

(41)

Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336, il-Kummissjoni osservat li l-Miżura 2 kienet tinkludi żewġ elementi, jiġifieri l-aġġornament ta’ nofs il-ħajja tas-sistema attwali tal-ATM ta’ skeyes u s-sostituzzjoni, fit-tul, ta’ dik is-sistema attwali tal-ATM b’sistema ta’ ġestjoni tal-ispazju tal-ajru unika, integrata u armonizzata li għandha tiġi żviluppata flimkien mal-MUAC u d-Difiża Belġjana bħala parti mill-proġett “Shared Air Traffic Services System 3” (“il-proġett SAS 3”). Madankollu, il-Kummissjoni nnotat, fid-dawl ta’ informazzjoni kredibbli disponibbli f’dak iż-żmien, li kien hemm dubji serji dwar l-implimentazzjoni attwali tal-proġett SAS 3. Barra minn hekk, il-Kummissjoni eskludiet ċerti kostijiet ippreżentati taħt il-Miżura 2 mill-kostijiet addizzjonali meqjusa meħtieġa u proporzjonati fir-rigward tal-ilħuq tal-miri ta’ kapaċità u li għalhekk jiġġustifikaw devjazzjoni mill-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha.

(42)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Belġju mmodifika l-Miżura 2 fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali kemm fir-rigward tal-kontenut kif ukoll tal-kostijiet tagħha. Minn naħa, il-Belġju jikkonferma li l-aġġornament ippjanat ta’ nofs il-ħajja tas-sistema tal-ATM għandu jiġi implimentat fl-2023-2024 bħala miżura tranżizzjonali qabel l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida tal-ATM li mistennija tibda topera fi tmiem l-RP4. Min-naħa l-oħra, il-Belġju jirrikonoxxi li l-proġett SAS 3, li l-għan tiegħu kien li jiżviluppa s-sistema l-ġdida tal-ATM, ġie sospiż minħabba li “r-riskji tal-proġett f’termini ta’ ambitu, ippjanar u ambitu kienu għoljin wisq għal skeyes”. Skont il-Belġju, “skeyes bħalissa jinsab f’diskussjoni mad-Difiża Belġjana biex tiġi definita l-aħjar triq ’il quddiem għall-modernizzazzjoni tas-sistema li għandha tiġi kkummissjonata fl-2028”. Madankollu, fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali, il-Belġju ma jippreżenta l-ebda għażla għas-sostituzzjoni jew modifika tal-proġett SAS3.

(43)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali, l-kostijiet assoċjati mal-Miżura 2 ġew immodifikati għall-2023 u l-2024. Dawk il-kostijiet ġew evalwati mill-ġdid ’l isfel fid-dawl tal-aħħar status tal-investimenti ppjanati fis-sistema ATM.

(44)

Abbażi tal-analiżi tal-informazzjoni aġġornata u tal-argumenti ppreżentati mill-Belġju, il-Kummissjoni tikkonferma, fir-rigward tal-Miżura 2, il-konklużjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336. Huwa ċar li l-inklużjoni ta’ kwalunkwe kost relatat mas-sistema futura tal-ATM il-ġdida, jew abbażi tal-proġett SAS3 jew kwalunkwe soluzzjoni teknika alternattiva li għandha tintgħażel minn skeyes, tkun prematura, minħabba li d-deċiżjoni ta’ investiment relatata għadha ma ttiħditx u l-investiment mhuwiex ippjanat qabel tmiem l-RP4. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ttenni l-osservazzjoni tagħha li għandhom jitqiesu biss il-kostijiet ta’ deprezzament u l-kost tal-kapital direttament imġarrba għal investimenti fit-titjib jew fis-sostituzzjoni ta’ sistema tal-ATM biex jiġu ġġustifikati devjazzjonijiet mill-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha.

(45)

Għalhekk, fir-rigward tal-kostijiet addizzjonali meqjusa meħtieġa u proporzjonati għall-ilħuq tal-miri ta’ prestazzjoni tal-kapaċità, il-kostijiet li għandhom jitqiesu fir-rigward tal-Miżura 2 huma dawk relatati mal-kostijiet ta’ deprezzament u l-kost tal-kapital imġarrab għat-titjib ta’ nofs il-ħajja tas-sistema tal-ATM ta’ skeyes, kif speċifikat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336.

Konklużjonijiet dwar il-miżuri relatati mal-kapaċità invokati mill-Belġju u mil-Lussemburgu biex jiġġustifikaw id-devjazzjonijiet osservati mix-xejriet tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha

(46)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tikkonkludi abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi 31 sa 45, li l-kostijiet ippreżentati fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali għall-Miżuri 1 u 2 huma parzjalment meħtieġa u proporzjonati għall-ilħuq tal-miri ta’ prestazzjoni tal-kapaċità, filwaqt li fir-rigward tal-Miżuri 3 sa 7, il-kostijiet preżentati huma kompletament meħtieġa u proporzjonati għall-ilħuq ta’ dawk il-miri.

(47)

Fid-dawl tal-analiżi li saret mill-PRB, it-tabella li ġejja tindika l-impatt monetarju kkomputat tal-miżuri relatati mal-kapaċità fuq ix-xejra tad-DUC għaż-żona tal-imposti bejn il-Belġju u l-Lussemburgu fir-rigward tas-sena rilevanti, jiġifieri l-2024:

Miżuri relatati mal-kapaċità ppreżentati fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali

L-impatt monetarju fuq ix-xejra tad-DUC għaż-żona tal-imposti ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu, espress f’EUR 2017, filwaqt li jitqiesu l-kostijiet meqjusa mill-Kummissjoni bħala meħtieġa u proporzjonati għall-ilħuq tal-miri ta’ kapaċità (5)

Miżura 1

EUR 8,2 miljun (6)

Miżura 2

EUR 0,3 miljun (7)

Miżura 3

EUR 4,3 miljun

Miżura 4

EUR 0,3 miljun

Miżura 5

EUR 4,7 miljun

Miżura 6

EUR 1,4 miljun

Miżura 7

EUR 0,3 miljun

Totali

EUR 19,5 miljun

(48)

Il-miżuri relatati mal-kapaċità indikati fit-tabella fil-premessa 52 irrappreżentaw eċċess totali ta’ EUR 19,5 miljun espress f’EUR 2017 fir-rigward tal-bażi tal-kost tal-2024. Konsegwentement, id-devjazzjoni osservata ta’ EUR 19,4 miljun espressa f’EUR 2017 mix-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni kollha, deskritta fil-premessa 32, jenħtieġ li titqies bħala ġġustifikata kompletament mill-kostijiet iddeterminati addizzjonali relatati mal-miżuri relatati mal-kapaċità ppreżentati fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali.

(49)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 huwa ssodisfat.

Il-konklużjoni dwar il-valutazzjoni tal-miżuri korrettivi mfassla biex tinkiseb il-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza riveduti mal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha

(50)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi 6 sa 49, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri korrettivi stabbiliti fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali jirriżultaw fi tnaqqis tal-kostijiet iddeterminati għaż-żona tal-imposti bejn il-Belġju u l-Lussemburgu. Dan iwassal għall-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza riveduti li jenħtieġ li jitqiesu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3.

Rieżami tal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza riveduti għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(51)

Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336, il-Kummissjoni qajmet tħassib dwar il-miri tal-kosteffiċjenza fit-terminal proposti mill-Belġju fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni, u qieset li l-Belġju kellu jiġġustifika ulterjorment dawk il-miri jew jirrevedihom ’l isfel.

(52)

Il-Kummissjoni tosserva li l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali jinkludi miri mtejba tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza fit-terminal għall-Belġju fir-rigward tas-snin kalendarji 2023 u 2024, inkluż tnaqqis tal-kostijiet iddeterminati ta’ EUR 1,8 miljun espressi f’EUR 2017 għall-2023 u ta’ EUR 1,4 miljun espressi f’EUR 2017 għall-2024. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tad-DUC fit-terminal tal-Belġju ta’ +3,1 % matul l-RP3 għadha ogħla mix-xejra tad-DUC en route ta’ –0,9 % matul l-RP3, u għadha ogħla mix-xejra reali tad-DUC fit-terminal ta’ +0,5 % osservata matul l-RP2. Barra minn hekk, id-DUC fit-terminal jibqa’ ogħla b’marġni sinifikanti stmat ta’ 52,8 %, meta mqabbel mad-DUC fit-terminal medjan tal-grupp komparatur rilevanti tiegħu ta’ ajruporti. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Belġju ma ppreżenta l-ebda ġustifikazzjoniet ulterjuri fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali fir-rigward tal-livell tal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza fit-terminal tiegħu.

(53)

Abbażi tas-sejbiet fil-premessa 52, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza riveduti fit-terminal tal-Belġu għadhom iqajmu tħassib. Għalhekk, il-Kummissjoni ttenni l-fehma tagħha, kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336, li l-Belġju jenħtieġ li jirrevedi ’l isfel dawk il-miri jew jipprovdi ġustifikazzjonijiet adegwati għal dawk il-miri. Il-Belġju jenħtieġ li jindirizza dak it-tħassib b’rabta mal-adozzjoni tal-pjan ta’ prestazzjoni finali tiegħu f’konformità mal-Artikolu 16, (a), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

Rieżami tal-iskemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni(UE) 2019/317

(54)

Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Belġju għandu jirrevedi l-iskemi ta’ inċentivi tiegħu biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità en route u fit-terminal b’tali mod li l-iżvantaġġ finanzjarju massimu li jirriżulta minn dawk l-iskemi ta’ inċentivi jiġi stabbilit f’livell li jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju. Il-Kummissjoni tinnota li l-Belġju madankollu żamm l-iskemi ta’ inċentivi tiegħu l-istess fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali.

(55)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskemi ta’ inċentivi tal-kapaċità en route u fit-terminal stabbiliti mill-Belġju fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali għadhom jagħtu lok għal tħassib. Għalhekk, il-Kummissjoni ttenni l-fehma tagħha li l-Belġju jenħtieġ li jirrevedi l-iskemi ta’ inċentivi tiegħu għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità en route u fit-terminal, b’rabta mal-adozzjoni tal-pjan ta’ prestazzjoni finali tiegħu f’konformità mal-Artikolu 16, (a), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, sabiex l-iżvantaġġ finanzjarju massimu li jirriżulta minn dawk l-iskemi ta’ inċentivi jiġi stabbilit f’livell li jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ espressament skont l-Artikolu 11(3),(a), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Fil-fehma tal-Kummissjoni dik ir-reviżjoni jenħtieġ li twassal għal żvantaġġ finanzjarju massimu ugwali jew ogħla minn 1 % tal-kostijiet iddeterminati.

KONKLUŻJONI

(56)

Il-miżuri korrettivi inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali fir-rigward tal-miri riveduti tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għaż-żona tal-imposti bejn il-Belġju u l-Lussemburgu jenħtieġ li jinstabu li jkunu konformi mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336. B’segwitu ta’ dawk il-miżuri korrettivi, il-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza riveduti jenħtieġ li jitqiesu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha għall-RP3.

(57)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Belġju madankollu, ma indirizzax, b’rabta mal-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali tiegħu, il-kwistjonijiet li ġejjin relatati mas-sejbiet li saru mill-Kummissjoni matul l-eżami dettaljat imsemmi fil-premessa 1 u ppreżentat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336:

(a)

applikazzjoni skorretta tad-dispożizzjonijiet legali rispettivi li jirregolaw il-kondiviżjoni tar-riskju tat-traffiku, il-kondiviżjoni tar-riskju tal-kostijiet u l-iskemi ta’ inċentivi fir-rigward tal-MUAC;

(b)

arranġamenti ta’ finanzjament skorretti għall-kostijiet imġarrba għas-servizzi pprovduti minn skeyes u MUAC f’żoni transfruntiera;

(c)

allokazzjoni skorretta tal-kostijiet tal-approċċ bejn is-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route u fit-terminal fir-rigward ta’ skeyes;

(d)

livell skorrett tal-iżvantaġġi finanzjarji massimi fl-iskemi ta’ inċentivi tal-Belġju li jappoġġaw l-ilħuq ta’ miri tal-kapaċità en route u fit-terminal, imsemmija fil-premessi 54 u 55.

(58)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Belġju jenħtieġ li jindirizza, mingħajr dewmien, is-sejbiet stabbiliti fil-premessa 57. Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċediment ta’ ksur, li l-Kummissjoni tista’ twettaq fir-rigward ta’ dawk is-sejbiet.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri korrettivi stabbiliti fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali ppreżentat mill-Belġju lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Novembru 2023, skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, fir-rigward tal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza tiegħu għat-tielet perjodu ta’ referenza, huma konformi mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336.

Il-miri ta’ prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali ppreżentat mill-Belġju fis-7 ta’ Novembru 2023, skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, u stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu ta’ referenza stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891 (8).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Adina-Ioana VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/549/oj?locale=mt

(2)   ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/317/oj?locale-mt

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1336 tas-16 ta’ Ġunju 2023 dwar miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu mill-Belġju u mil-Lussemburgu rigward ċerti miri ta’ prestazzjoni għat-tielet perjodu ta’ referenza f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 166,30.6.2023, p. 119, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1336/oj?locale=mt).

(4)  Ir-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1958/1(1)/oj.

(5)  Kalkoli bbażati fuq l-indiċi tal-inflazzjoni aġġornat użat fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni finali.

(6)  Ammont rivedut li jirrifletti s-sehem tal-kostijiet tal-Miżura 1 li nstab mill-Kummissjoni li kien meħtieġ u proporzjonat għall-ilħuq tal-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità lokali, f’konformità mas-sejbiet stabbiliti fil-premessi 47 u 48.

(7)  Ammont li jirrifletti s-sehem tal-kostijiet tal-Miżura 2 li nstab mill-Kummissjoni li kien meħtieġ u proporzjonat għall-ilħuq tal-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità lokali, f’konformità mas-sejbiet stabbiliti fil-premessa 54. Dak l-ammont ma nbidilx mill-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu mill-Belġju u mil-Lussemburgu stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1336.

(8)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891 tat-2 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu referenzjarju (2020-2024) u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 (ĠU L 195, 3.6.2021, p. 3), ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/891/oj.


ANNESS

Miri tal-prestazzjoni inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni finali ppreżentat mill-Belġju skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, li nstabu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tielet perjodu ta’ referenza

IL-QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAS-SIKUREZZA

L-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza

Il-Belġju

Il-miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“EASA”)

Fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat

Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza

2023

2024

skeyes

Politika u objettivi tas-sikurezza

C

C

Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza

D

D

Assigurazzjoni tas-sikurezza

C

C

Promozzjoni tas-sikurezza

C

C

Kultura tas-sikurezza

C

C

MUAC

Politika u objettivi tas-sikurezza

C

C

Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza

D

D

Assigurazzjoni tas-sikurezza

C

C

Promozzjoni tas-sikurezza

C

C

Kultura tas-sikurezza

C

C

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-AMBJENT

Effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

Il-Belġju

2023

2024

Il-miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

3,00  %

3,00  %

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ

Dewmien medju tal-ATFM en route f’minuti għal kull titjira

Il-Belġju

2023

2024

Il-miri fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

0,17

0,17

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA

Kost unitarju ddeterminat għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

Żona tal-imposti en route ta’ bejn il-Belġju u l-Lussemburgu

Valur ta’ referenza tal-2014

Valur ta’ referenza tal-2019

2020 -2021

2022

2023

2024

Miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali f’EUR 2017)

EUR 81,78

EUR 83,26

EUR 189,52

EUR 104,47

EUR 90,34

EUR 80,26


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/350/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)