European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2152

22.10.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2152

tal-21 ta’ Settembru 2026

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2026/2108 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-ammont tat-tariffa ta’ trattament tal-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2026/2108 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2026 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-Awtorità Doganali tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(10) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2026/2108 jistabbilixxi tariffa ta’ trattament tal-Unjoni applikabbli fir-rigward tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi. Dik it-tariffa għandha tikkonsisti f’ammont fiss għal kull oġġett għas-servizzi li jingħataw għat-trattament ta’ talba biex il-merkanzija titqiegħed taħt il-proċedura ta’ rilaxx għal ċirkolazzjoni libera meta dik il-merkanzija tinbiegħ permezz ta’ bejgħ mill-bogħod lil klijent fit-territorju doganali tal-Unjoni kif definit fl-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament, li jinkludi klijent f’dawk il-partijiet tat-territorju doganali fejn ma japplikawx id-Direttivi tal-Kunsill 2006/112/KE (2) u (UE) 2020/262 (3) (territorji fiskali speċjali).

(2)

Skont l-Artikolu 20(3) tar-Regolament (UE) 2026/2108, l-ammont tat-tariffa ta’ trattament tal-Unjoni jrid jikkorrispondi għall-kostijiet approssimattivi tas-servizzi mogħtija, b’mod partikolari, il-kost tal-verifika tad-data, l-analiżi tar-riskji, il-kontrolli u l-infrastruttura rilevanti, inkluż is-servizzi rilevanti mogħtija mill-Awtorità Doganali tal-UE. Dawn il-kostijiet iridu jiġu stabbiliti f’rapport li jrid jitfassal mill-Kummissjoni kull sentejn f’konformità mal-Artikolu 20(8) tar-Regolament (UE) 2026/2108. Dak ir-rapport hu meħtieġ biex jiġi żgurat li l-ammont tat-tariffa ta’ trattament tal-Unjoni jirrifletti l-kostijiet approssimattivi mġarrba mill-awtoritajiet doganali, u b’hekk il-Kummissjoni tkun tista’ tirrieżamina u taġġusta l-livell tat-tariffa perjodikament.

(3)

Għas-sentejn li ġejjin, l-ewwel rapport tal-Kummissjoni li jkopri l-perjodu 2026–2028 jinkludi stimi tal-kostijiet kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Kummissjoni fir-rigward tas-sistemi doganali diġitali, kif ukoll il-proporzjon tal-persunal doganali li jittratta l-ikklerjar, il-kontrolli doganali, l-awditi ta’ wara r-rilaxx u l-proċessi, sa fejn jiġu assenjati li jiċċekkjaw id-data, jagħmlu l-analiżi tar-riskju u jwettqu l-kontrolli doganali meħtieġa fuq il-merkanzija mibjugħa permezz ta’ bejgħ mill-bogħod. L-Istati Membri jridu wkoll jinvestu f’tagħmir tal-kummerċ elettroniku wara s-sejħiet għal għotjiet tal-Unjoni għall-finanzjament tat-tagħmir doganali. Dan il-finanzjament tal-Unjoni hu inkluż fl-istima tal-kostijiet. Min-naħa l-oħra, il-kostijiet li jridu jitqiesu ma jinkludux l-investiment tal-Istati Membri fl-infrastruttura tal-kontrolli ffinanzjat esklużivament mill-baġit nazzjonali jew il-kostijiet imġarrba mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq waqt li jwettqu l-iċċekkjar tal-konformità fuq il-merkanzija li tidħol fis-suq tal-Unjoni meta dawk l-awtoritajiet ma jkunux qed jaġixxu bħala awtorità maħtura skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Il-valutazzjoni tal-elementi tal-kostijiet titqies bħala moderata għaliex hi bbażata fuq suppożizzjonijiet konservattivi. Barra minn hekk, l-ammont tat-tariffi jenħtieġ li jkun ibbażat fuq id-data storika kif ukoll fuq l-aktar data riċenti disponibbli. Bl-istess mod, saret projezzjoni raġonevoli u kemm jista’ jkun possibbli tal-volum ta’ merkanzija importata permezz tal-bejgħ mill-bogħod mistennija fis-snin li ġejjin. Abbażi ta’ dan, tariffa ta’ trattament tal-Unjoni ta’ EUR 2 għal kull oġġett titqies proporzjonali mal-kostijiet approssimattivi marbutin mill-qrib mas-superviżjoni doganali ta’ tali merkanzija.

(4)

L-Artikolu 287(4) tar-Regolament (UE) 2026/2108 jistabbilixxi li t-tariffa ta’ trattament tal-Unjoni trid tapplika minn 10 ijiem wara d-dħul fis-seħħ tal-att delegat tal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-ammont tagħha. Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali u koerenza huwa għalhekk meħtieġ li d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi allinjata ma’ dak ir-rekwiżit. Sabiex jiġu żgurat li dan ir-Regolament japplika mingħajr dewmien u biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fl-applikazzjoni tat-tariffa ta’ trattament tal-Unjoni, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u japplika fl-għaxar jum wara d-dħul fis-seħħ,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ammont tat-tariffa ta’ trattament tal-Unjoni

L-ammont tat-tariffa ta’ trattament tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2026/2108 għandu jkun EUR 2 għal kull oġġett.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2026/2108, 19.9.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/2108/oj.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/262/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1020/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/2152/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)