IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.2.2020
COM(2020) 51 final
2020/0023(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni provviżorja ta' Protokoll mal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerka Ċentrali min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerka Ċentrali min-naħa l-oħra (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) ġie ffirmat fid-29 ta’ Ġunju 2012 u għadu ma daħalx kompletament fis-seħħ, sakemm jirratifikawh xi Stati Membri.
Il-pilastru tal-kummerċ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ġie applikat b’mod provviżorju mill-1 ta’ Awwissu 2013 mal-Ħonduras, in-Nikaragwa u l-Panama, mill-1 ta’ Ottubru 2013 mal-Costa Rica u El Salvador, u mill-1 ta’ Diċembru 2013 mal-Gwatemala.
Skont l-Artikolu 6(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, il-Kroazja impenjat ruħha li taderixxi mal-ftehimiet eżistenti konklużi jew iffirmati mill-Istati Membri u mill-Unjoni Ewropea ma’ pajjiżi terzi. Sakemm mhux previst mod ieħor fi ftehimiet speċifiċi, il-Kroazja taderixxi għal dawn il-ftehimiet eżistenti permezz ta’ protokolli li l-Kunsill, li jkun qed jaġixxi unanimament f’isem l-Istati Membri, jikkonkludi mal-pajjiżi terzi kkonċernati.
Fl-14 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-pajjiżi terzi kkonċernati bil-ħsieb li jiġu konklużi l-protokolli rilevanti. In-negozjati mal-Amerika Ċentrali bdew f’Mejju 2014 u ġew konklużi b’suċċess f’Ġunju 2018. B’mod partikolari, fir-rigward tal-banana importata mill-Amerika Ċentrali, il-Partijiet qablu li jemendaw il-volumi b’limitu ta’ importazzjoni fil-klawżola ta’ stabbilizzazzjoni li fuqha l-UE tista’ tissospendi t-trattament tariffarju preferenzjali. Id-dazju doganali preferenzjali baqa’ l-istess. Il-Kummissjoni tqis l-eżitu tan-negozjati bħala sodisfaċenti.
It-test tal-Protokoll għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jikkunsidral-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, ġie ffinalizzat miż-żewġ naħat fis-27 ta’ Ġunju 2019 fil-qafas tal-laqgħa tal-Kumitat t-a’ Assoċjazzjoni. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill jadotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill mehmuża dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Il-Protokoll propost jinkorpora lir-Repubblika tal-Kroazja bħala parti għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Amerka Ċentrali. It-test tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-Protokoll fil-lingwa Kroata jsiru awtentiċi bl-istess kundizzjonijiet tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn tal-Ftehim.
Deċiżjoni oħra qed tiġi proposta għall-konklużjoni tal-Protokoll f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.
2020/0023 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni provviżorja ta' Protokoll mal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerka Ċentrali min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, u b'mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fid-29 ta’ Ġunju 2012 u l-Parti IV (Kummerċ) tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 271, ġiet applikata skont l-Artikolu 353(4) tal-Ftehim bejn l-Unjoni u l-Honduras, in-Nikaragwa u l-Panama mill-1 ta’ Awwissu 2013, bejn l-Unjoni u l-Costa Rica u El Salvador mill-1 ta’ Ottubru 2013, bejn l-Unjoni u l-Gwatemala mill-1 ta’ Diċembru 2013.
(2)Fl-24 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Amerika Ċentrali sabiex jiġi konkluż Protokoll mal-Ftehim biex titqies l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (“il-Protokoll”).
(3)In-negozjati ġew konklużi b’suċċess fis-27 ta’ Ġunju 2019.
(4)Il-Protokoll jenħtieġ li jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.
(5)Il-Protokoll jenħtieġ li japplika fuq bażi provviżorja f'konformità mal-Artikolu 12(3) tiegħu, sa meta jitlestew il-proċeduri għad-dħul fis-seħħ tiegħu.
ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u l-Amerka Ċentrali min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, huwa b’dan approvat, soġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll imsemmi.
It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.
Artikolu 3
Il-Protokoll għandu japplika fuq bażi provviżorja f'konformità mal-Artikolu 12(3) tiegħu, sa meta jitlestew il-proċeduri għad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President