31993R1571



Official Journal L 154 , 25/06/1993 P. 0046 - 0047
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 50 P. 0091
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 50 P. 0091


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1571/93

tal-14 ta' Gunju 1993

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1883/78 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali dwar il-finanzjament ta’ l-interventi mit-Taqsima Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 tal-21 ta’ April 1970 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 3 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [3],

Billi, għall-ħidmiet ta' intervent li għalihom ma ġiex stabbilit ammont ta' l-unità bir-regoli ta' l-organizzazzjoni tas-suq, ġew stabbiliti regoli bażiċi finanzjarji Komunitarji bir-Regolament (KEE) Nru 1883/78 [4], b’mod partikolari rigward il-metodu dwar kif għandhom jiġu stabbiliti l-ammonti li jridu jiġu ffinanzjati, il-finanzjament tan-nefqa li tirriżulta mill-investiment tal-fondi meħtieġa għax-xiri bl-intervent, il-valwazzjoni tal-ħażniet li jridu jitkomplew minn sena għall-oħra u l-finanzjament tan-nefqa li tirriżulta mill-ħidma fiżika tal-ħażna;

Billi l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 1883/78 jipprovdi illi l-piżijiet ta’ l-imgħax li jintnefqu mill-Istati Membri meta jimmobilizzaw il-fondi użati għalbiex jinxtraw il-prodotti ta' intervent pubbliku għandhom jiġu ffinanzjati mill-Komunita b’rata uniformi ta’ imgħax;

Billi huwa possibbli illi fi Stat Membru x-xiri għall-intervent pubbliku tal-prodotti agrikoli jista' jiġi ffinanzjat biss b’rati ta’ imgħax li huma sostanzjalment ogħla mir-rata uniformi ta’ imgħax;

Billi, safejn u sakemm din id-differenza fir-rati ta’ l-imgħax titqies eċċessiva għal Stat Membru mogħti, għandha ssir provvediment għal mekkaniżmu ta’ korrezzjoni li trid tiġi applikata f’dawn is-sitwazzjonijiet;

Billi, f’dawn il-każi, id-differenza bejn ir-rata ta’ l-imgħax partikolarment għolja mħallsa minn Stat Membru u r-ratauniformi ta’ l-imgħax għandha madanakollu tiġi mħallsa parzjalment mill-Istat Membru interessat sabiex tinkoraġġih ifittex il-metodu tal-finanzjament li jqum l-inqas;

Billi din l-emenda għar-regoli għandha titwettaq għal perijodu limitat taż-żmien u trid tapplika mill-bidu tas-sena finanzjarja korrenti;

Billi l-għażla, ipprovduta fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 2050/88 [5], sabiex tistabbilixxi r-rata uniformi ta’ l-imgħax f’livell li huwa iktar baxx mill-livell rappreżentattiv tiegħu hija każ ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju stabbilit fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju tal-Komunità [6]; billi din id-disposizzjoni ma għandhiex tkun iktar għal perijodu taż-żmien ta’ tul limitat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 1883/78 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1) fit-tieni subparagrafu il-kliem ‘rigward is-snin finanzjarji mis-sena 1989 sas-sena 1992’ għandhom jitħassru;

2) għandu jiġi miżjud it-tielet subparagrafu li ġej:

"Minkejja l-ewwel paragrafu, jekk ir-rata ta’ l-imgħax li Stat Membru jħallas tkun iktar mid-doppju tar-rata uniformi ta’ l-imgħax, il-Kummissjoni tista’, għas-snin finanzjarji mill-1993 sa l-1995, hija u tiffinanzja l-ispejjeż fuq l-imgħax li jintnefqu minn dan l-Istat Membru, tapplika r-rata uniformi ta’ l-imgħax flimkien mad-differenza bejn id-doppju ta’ din ir-rata u r-rata attwalment miġrura mill-Istat Membru."

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika għan-nefqa li kellha titħallas mill-1 ta’ Ottubru 1992.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Ġunju 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

B. Westh

[1] ĠU L 94, tat-28. 4. 1970, p. 13. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament 2048/88 (ĠU L 185, tal-15. 7. 1988, p. 1).

[2] ĠU C 57, tas-27. 2. 1993, p. 7.

[3] Opinjoni mogħtija fit-28 ta’ Mejju 1993 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 216, tal-5. 8. 1978, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament 787/89 (ĠU L 85, tat-30. 3. 1989, p. 1).

[5] ĠU L 185, tal-15. 7. 1988, p. 6.

[6] ĠU C 80, ta' l-24. 3. 1991, p. 1.

--------------------------------------------------