European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/2784

20.5.2026

Sejħa għal espressjonijiet ta’ interess minn esperti esterni biex jinħatru bħala membri tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (Frankfurt am Main, il-Ġermanja)

(C/2026/2784)

Introduzzjoni

Skont l-Artikolu 4(1) u (5) u l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1), il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) għandu jkollu Kumitat Xjentifiku Konsultattiv (KXK), li għandu jipprovdi pariri u assistenza dwar kwistjonijiet rilevanti għall-ħidma tal-BERS. F’dan ir-rigward, u wara l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 dwar proċeduri u rekwiżiti għall-għażla, il-ħatra u s-sostituzzjoni tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS/2011/2) (2), il-BERS qiegħed b’dan iniedi proċess għall-għażla tal-membri tal-KXK.

Il-BERS għalhekk qiegħed isejjaħ għal espressjonijiet ta’ interess minn esperti esterni bil-ħsieb li jinħatru bħala membri tal-KXK għal mandat ta’ erba’ snin li jiġġedded. Impjegati ta’ istituzzjonijiet li minnhom il-Bord Ġenerali tal-BERS jieħu l-membri tiegħu (3) mhumiex, madankollu, eliġibbli biex japplikaw (4). L-esperti għandhom jintgħażlu abbażi tal-kompetenza ġenerali tagħhom kif ukoll l-esperjenza varjata tagħhom f’oqsma akkademiċi jew setturi oħra, partikolarment fl-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jew tradeunions, jew bħala fornituri jew konsumaturi ta’ servizzi finanzjarji (5).

Biex tissaħħaħ aktar id-diversità tal-membri tal-KXK, l-applikazzjonijiet minn kandidati nisa huma partikolarment imħeġġa.

1.   Il-BERS u l-KXK

Il-BERS huwa korp fil-livell tal-Unjoni responsabbli għas-sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-missjoni tiegħu hija li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni ta’ riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja. Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, wara proposta magħmula mill-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BERS, il-Bord Ġenerali tal-BERS għandu japprova esperti esterni bħala membri tal-KXK u jistabbilixxi lista ta’ riżerva.

2.   Ir-rwol tal-KXK

2.1.

L-KXK huwa parti integrali tal-BERS u jipprovdilu pariri u assistenza fuq talba tal-President tal-BERS jew tal-Bord Ġenerali (6). Il-membri tal-KXK huma mistennija jagħtu kontribut sostanzjali għat-twettiq tal-mandat tal-KXK. Fost kompiti oħra, il-membri tal-KXK huma meħtieġa jipprovdu:

(i)

kontribuzzjonijiet dwar kif jittejbu l-metodoloġiji analitiċi biex jiġu identifikati riskji u jiġu vvalutati l-impatti potenzjali tal-materjalizzazzjoni tagħhom;

(ii)

kontribuzzjonijiet dwar kif għandhom jitfasslu u jiġu kkalibrati għodod ta’ politika makroprudenzjali effettivi, inkluż it-titjib ta’ għodod u mudelli eżistenti kif ukoll il-proposta ta’ għodod u mudelli ġodda u/jew komplementari;

(iii)

kompiti konsultattivi, inkluża reviżjoni miftuħa, indipendenti u analitika ta’ strateġiji makroprudenzjali u oqfsa operattivi, sabiex jingħata kontribut għall-iżgurar ta’ qafas tal-politika tal-BERS li huwa tal-aktar livell teknoloġiku avvanzat.

2.2.

Id-dokumenti u r-rapporti kollha tal-KXK huma abbozzati bl-Ingliż, li hija l-lingwa ta’ ħidma tal-BERS. Ir-rapporti tal-KXK jistgħu, fejn awtorizzati mill-Bord Ġenerali, jiġu ppubblikati fuq il-sit web tal-BERS (7).

2.3.

Barra minn hekk, il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu jorganizza konsultazzjonijiet fi stadju bikri flimkien mal-partijiet interessati bħall-parteċipanti mis-swieq, korpi tal-konsumaturi u esperti akkademiċi, b’mod miftuħ u trasparenti, filwaqt li titqies il-ħtieġa tal-kunfidenzjalità (8).

2.4.

Il-membri tal-KXK huma mistennija jattendu mill-inqas erba’ laqgħat kull sena, li tnejn minnhom isiru virtwalment.

3.   Kompożizzjoni tal-KXK

Il-KXK huwa magħmul minn 15-il espert li jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta’ ħiliet, esperjenza u għarfien fir-rigward tas-setturi kollha rilevanti tas-swieq finanzjarji. Il-President tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv (KTK) joqgħod ukoll fuq l-KXK (9). Bl-eċċezzjoni tal-President tal-ATC, il-membri tal-KXK ma għandhomx ikunu impjegati tal-istituzzjonijiet li minnhom il-Bord Ġenerali jieħu l-membri tiegħu (10).

4.   Il-President u l-Viċi Presidenti

Il-President u ż-żewġ Viċi-Presidenti tal-KXK għandhom jinħatru mill-Bord Ġenerali wara proposta mingħand il-President tal-BERS (11). Il-presidenza tal-KXK għandha tkun f’rotazzjoni ta’ kull 16-il xahar bejn il-President u l-Viċi-Presidenti (12). Il-President u ż-żewġ Viċi Presidenti huma membri tal-Bord Ġenerali bi drittijiet tal-vot (13). Il-President tal-KXK huwa wkoll membru tal-Kumitat tat-Tmexxija (14). Il-Bord Ġenerali jiltaqa’ mill-inqas erba’ darbiet fis-sena (15) u l-Kumitat ta’ Tmexxija jiltaqa’ mill-inqas kull tliet xhur qabel kull laqgħa tal-Bord Ġenerali (16).

5.   Kriterji ta’ għażla

5.1.

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, membri tal-KXK għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tal-kompetenza ġenerali u l-esperjenza differenti tagħhom f’oqsma akkademiċi jew setturi oħra, b’mod partikolari f’impriżi żgħar u ta’ daqs medju jew trade unions, jew bħala fornituri jew konsumaturi ta’ servizzi finanzjarji (17).

5.2.

L-applikazzjonijiet jiġu sottomessi għal evalwazzjoni komparattiva mwettqa mill-BERS b’mod partikolari fuq il-bażi tal-kriterji ta’ għażla li ġejjin (18):

(i)

esperjenza fil-fond fis-settur finanzjarju u r-relazzjoni tiegħu mal-ekonomija usa’ u kompetenza ġenerali ppruvata fi kwistjonijiet ta’ riskju sistemiku, b’mod partikolari fil-livell tal-Unjoni;

(ii)

kontribut xjentifiku għall-fehim tal-interazzjoni bejn is-setturi tal-qasam bankarju, is-swieq tat-titoli, jew l-assigurazzjoni u l-pensjonijiet tax-xogħol (19);

(iii)

Ph.D fil-finanzi, l-ekonomija jew qasam rilevanti ieħor jew kwalifiki ekwivalenti, esperjenza akkademika soda f’università, (eż. bħal professorat) f’qasam wieħed jew aktar ta’ rilevanza għall-BERS, u/jew b’rekord ta’ pubblikazzjonijiet b’saħħtu;

(iv)

l-abbiltà li wieħed jirrevedi b’mod espert xogħol xjentifiku u pubblikazzjonijiet u li janalizza informazzjoni u inkartamenti kumplessi;

(v)

esperjenza professjonali f’ambjent multidixxiplinari, preferibbilment f’kuntest internazzjonali;

(vi)

ħiliet ta’ komunikazzjoni bl-Ingliż bil-miktub u orali li huma ppruvati, abbażi ta’ esperjenza fit-tagħlim, preżentazzjonijiet pubbliċi, parteċipazzjoni attiva f’laqgħat ta’ esperti u pubblikazzjonijiet.

6.   Kriterji tal-għażla addizzjonali għall-President u l-Viċi Presidenti

Il-President u l-Viċi-Presidenti tal-KXK għandu jkollhom kull wieħed livell għoli ta’ esperjenza u għarfien rilevanti, pereżempju bis-saħħa tal-preparazzjoni akkademika u professjonali tagħhom fis-setturi tal-attività bankarja, is-swieq tat-titoli, jew l-assigurazzjoni u l-pensjonijiet tax-xogħol. Il-President u l-Viċi Presidenti, bħala membri tal-Bord Ġenerali, ma għandhomx iwettqu ebda funzjoni fl-industrija finanzjarja (20). Il-President u l-Viċi Presidenti għandhom ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni (21).

7.   Proċedura għall-għażla u l-ħatra tal-membri tal-KXK

7.1.

Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jevalwa l-applikazzjonijiet riċevuti skont il-kriterji tal-għażla fil-paragrafu 5.2, u jagħżel il-kandidati li għandhom jiġu proposti lill-Bord Ġenerali bħala membri tal-KXK kif ukoll kandidati adattati għal inklużjoni f’lista ta’ riżerva (22). Fil-valutazzjonijiet tal-applikazzjonijiet u l-għażla tal-kandidati, il-Kumitat għat-Tmexxija għandu jimla formola ta’ valutazzjoni individwali għal kull kandidat, li tinkludi sommarju li jenfasizza l-merti u n-nuqqasijiet speċifiċi tagħhom u konklużjoni li tirrigwarda kemm huma adattati sabiex jinħatru bħala membru tal-KXK jew biex jiġu inklużi fil-lista ta’ riżerva (23). Il-Kumitat għat-Tmexxija għandu mbagħad jippreżenta r-riżultati tal-proċess ta’ għażla lill-Bord Ġenerali għall-approvazzjoni (24).

7.2.

Il-Bord Ġenerali jista’ japprova l-proposti tal-Kumitat għat-Tmexxija jew jitlob lill-Kumitat għat-Tmexxija biex jipproponi kandidati oħrajn bħala membri tal-KXK minn fost dawk li ma jkunux skartati minnu (25).

7.3.

Il-President u l-Viċi-Presidenti tal-KXK għandhom jinħatru mill-Bord Ġenerali wara proposta mingħand il-President tal-BERS (26).

8.   Ħatra, terminu u lista ta’ riżerva

8.1.

Il-ħatra tal-membri tal-KXK għandha tkun għal mandat ta’ erba’ snin li jiġġedded (27). Barra minn dan, fuq proposta tal-Kumitat għat-Tmexxija, il-Bord Ġenerali jista’ jiddeċiedi illi jġedded il-mandat ta’ membru tal-KXK għal erba’ snin oħra mal-iskadenza tiegħu (28). Barra minn hekk, il-Bord Ġenerali jista’ wkoll itemm il-mandat ta’ membru tal-KXK skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

8.2.

Il-membri tal-KXK għandhom jinħatru f’kapaċità personali, u ma jistgħux, għalhekk, jiddelegaw ir-responsabbiltajiet tagħhom lil membru ieħor jew lil parti terza ħlief lill-President u lill-Viċi Presidenti fil-każijiet u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni BERS/2011/1 (29). Kull wieħed mill-membri tal-KXK għandu jkun meħtieġ ukoll li jikkonferma l-ittra tal-ħatra mill-President tal-BERS, jiffirma kuntratt mal-BĊE u jipprovdi d-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni BERS/2011/2 (30).

8.3.

Il-kandidati li ma jinħatrux bħala membri tal-KXK jew ma jiġux skartati fl-għażla għandhom jinżammu fuq lista ta’ riżerva (31). Fil-każ ta’ post vakanti, il-kandidati fuq din il-lista ta’ riżerva jistgħu jiġu mistiedna jimlewh (32). Madankollu, l-inklużjoni fil-lista ta’ riżerva ma tiggarantixxix il-ħatra. Il-lista ta’ riżerva għandha tkun valida għal perijodu ta’ sentejn minn meta tiġi approvata u l-validità tagħha tista’ tiġi estiża sakemm tiġi ppubblikata sejħa ġdida għal espressjonijiet ta’ interess (33).

9.   Indennizzi u rimborż tal-ispejjeż

9.1.

Il-membri tal-KXK għandhom ikunu intitolati għal indennizzi u għar-rimborż ta’ spejjeż relatati mal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-KXK. Dawn l-indennizzi u r-rimborż għandhom jitħallsu mill-BĊE skont il-paragrafi 9.2 sa 9.5 ta’ din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 11(4) tad-Deċiżjoni BERS/2011/1 il-Bord Ġenerali tal-BERS għandu jkun ikkonsultat dwar it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-BĊE għar-remunerazzjoni u r-rimborż tal-ispejjeż fi ħdan il-baġit allokat mill-BĊE għal dak il-għan.

9.2.

Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 9.4, l-indennizzi għal membru tal-KXK li ma jservix bħala President jew Viċi President tal-KXK għandhom ikunu:

(i)

EUR 500 għall-attendenza fiżika tal-membru f’laqgħa ta’: (1) il-KXK, il-Bord Ġenerali, il-Kumitat ta’ Tmexxija, il-Kumitat Tekniku Konsultattiv; jew (2) kwalunkwe laqgħa oħra tas-substrutturi ewlenin tal-korpi tal-BERS imsemmija f’(1); jew

(ii)

EUR 62,50 fis-siegħa għall-attendenza onlajn tal-membru għal kwalunkwe waħda mil-laqgħat imsemmija fil-punt (i).

Barra minn hekk, l-indennizzi għal dan il-membru tal-KXK jinkludu somma waħda ta’ EUR 500 (“indennizz ta’ tħejjija”) għall-attivitajiet li jitwettqu mill-membru bi tħejjija u bħala segwitu għal kull laqgħa msemmija taħt (i) u (ii), bl-eċċezzjoni ta’ laqgħat li huma organizzati ad-hoc.

Barra minn hekk, għall-parteċipazzjoni f’laqgħat ta’ strutturi ta’ ħidma li mhux elenkati hawn fuq (pereżempju task-forces, timijiet tal-proġett, jew flussi tax-xogħol tal-istrutturi ewlenin u substrutturi), il-membri jistgħu jitolbu indennizzi skont (i) jew (ii), u indennizzi tat-tħejjija skont ir-regola li ġejja: sakemm ma jaġixxux bħala President jew Kopresident ta’ tali strutturi ta’ ħidma, jista’ jintalab indennizz tat-tħejjija wieħed biss għal kull mandat.

Il-kumpens għal kwalunkwe laqgħa jew avveniment ieħor irid jiġi miftiehem minn qabel mal-Kap tas-Segretarjat tal-BERS.

9.3.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 9.4, l-indennizzi għal membru tal-ASC li jservi bħala President jew Viċi President għandhom ikunu:

(i)

EUR 1 000 għall-attendenza fiżika tal-membru f’laqgħa ta’: (1) il-KXK, il-Bord Ġenerali, il-Kumitat ta’ Tmexxija, il-Kumitat Tekniku Konsultattiv; jew (2) kwalunkwe laqgħa oħra tas-substrutturi ewlenin tal-korpi tal-BERS imsemmija f’(1); jew

(ii)

EUR 125 fis-siegħa għall-attendenza onlajn tal-membru għal kwalunkwe waħda mil-laqgħat imsemmija fil-punt (i).

Barra minn hekk, l-indennizzi għal tali membru tal-KXK jinkludu somma waħda ta’ EUR 1 000 (“indennizz ta’ tħejjija”) għall-attivitajiet mwettqa mill-membru bi tħejjija għal u segwitu għal kull laqgħa msemmija taħt (i) u (ii), ħlief għal laqgħat li huma organizzati ad-hoc.

Barra minn hekk, għall-parteċipazzjoni f’laqgħat ta’ strutturi ta’ ħidma li mhux elenkati hawn fuq (pereżempju task-forces, timijiet tal-proġett, jew flussi tax-xogħol tal-istrutturi ewlenin u substrutturi), il-membri jistgħu jitolbu indennizzi skont (i) jew (ii), u indennizzi tat-tħejjija skont ir-regola li ġejja; sakemm ma jaġixxux bħala President jew Kopresident ta’ tali strutturi ta’ ħidma, jista’ jintalab indennizz tat-tħejjija wieħed biss għal kull mandat.

Il-kumpens għal kwalunkwe laqgħa jew avveniment ieħor irid jiġi miftiehem minn qabel mal-Kap tas-Segretarjat tal-BERS.

9.4.

L-ammont massimu ta’ indennizzi li għalihom il-membru huwa intitolat f’sena kalendarja skont il-paragrafu 9.2 u 9.3 għandhom ikunu:

(i)

EUR 15 000 fil-każ ta’ membru li ma jkunx serva bħala President jew Viċi President tal-KXK f’dik is-sena kalendarja, jew

(ii)

EUR 35 000 fil-każ ta’ membru li serva bħala President jew Viċi President tal-KXK f’dik is-sena kalendarja.

Il-membru għandu jinforma lill-Kap tas-Segretarjat tal-BERS mingħajr dewmien żejjed malli jsir jaf li dawn l-ammonti massimi jistgħu jinqabżu f’dik is-sena kalendarja u għandu jistenna l-konferma tal-BERS qabel ikompli jipprovdi s-servizzi jekk dan jirriżulta li jintlaħaq jew jinqabeż l-ammont massimu.

9.5.

Minbarra l-indennizzi speċifikati fil-paragrafu 9.2, il-punt (i) u l-paragrafu 9.3, il-punt (i), l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni mġarrba mill-membri tal-KXK b’rabta mal-laqgħat relatati mal-mandat tagħhom għandhom jiġu rimborżati f’konformità mat-Termini ta’ Referenza tal-BĊE għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba mill-kelliema mistiedna.

10.   Indipendenza, dikjarazzjonijiet ta’ impenn u interess, u segretezza professjonali

10.1.

Il-ħatra ta’ membri tal-KXK għandha tkun soġġetta għall-għoti ta’ dikjarazzjonijiet fejn membri jagħtu impenn li jaġixxu indipendentement minn kwalunkwe influwenza esterna u li jkunu ggwidati mill-interess pubbliku tal-Unjoni Ewropea. Għal dak l-iskop, il-kandidati magħżula għandhom jagħmlu dikjarazzjoni pubblika tal-impenji u dikjarazzjoni tal-interessi fejn jindikaw kull interess dirett jew indirett li jista’ jitqies bħala ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom, jew in-nuqqas ta’ kwalunkwe interess ta’ dan it-tip (34).

10.2.

Il-kandidati magħżula bħala membri tal-KXK għandhom ukoll jiffirmaw dikjarazzjoni bil-miktub li huma jikkonformaw mar-regoli ta’ kunfidenzjalità (35).

10.3.

Il-membri tal-KXK għandhom jimpenjaw ruħhom ukoll li jirrispettaw il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-BERS (36), stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni BERS/2011/3 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (37).

10.4.

Barra minn dan, il-membri tal-KXK maħtura bħala President jew Viċi-President għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni bil-miktub li tikkonferma illi huma ma għandhom l-ebda funzjoni fl-industrija finanzjarja (38).

10.5.

Il-membri tal-KXK għandhom ikunu soġġetti għall-obbligi ta’ segretezza professjonali stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

11.   Proċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess

11.1.

Id-data personali kollha riċevuta fil-kuntest ta’ din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għandha tiġi pproċessata mill-BERS skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39) u atti legali li jemendaw jew jissostitwixxu dawn id-dispożizzjonijiet.

11.2.

Il-Kumitat tat-Tmexxija u l-Bord Ġenerali ser jirċievu d-data personali tal-applikanti.

11.3.

Il-BERS huwa l-kontrollur ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar tad-data u l-Kap tas-Segretarjat tal-BERS huwa inkarigat mill-unità fdata bl-ipproċessar ta’ dik id-data personali. Għal mistoqsijiet kollha dwar data personali, is-suġġetti tad-data jistgħu jindirizzaw lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-BĊE f’dpo@ecb.europa.eu.

11.4.

L-iskop tal-ipproċessar tad-data huwa li tiġi organizzata selezzjoni ta’ membri tal-KXK u li tiġi stabbilita lista ta’ riżerva. Id-data personali kollha għandha tiġi proċessata esklussivament għal dan l-iskop.

11.5.

Bl-għoti tad-data personali mitluba, l-applikanti jagħtu l-kunsens tagħhom għall-ġbir u l-ipproċessar mill-BERS. L-applikanti jistgħu jirtiraw il-kunsens tagħhom fi kwalunkwe ħin billi jikkuntattjaw info@esrb.europa.eu u b’kopja lil ascapplications@esrb.europa.eu. Kull ipproċessar tal-informazzjoni personali ta’ applikant jieqaf malli l-kunsens jiġi rtirat, madankollu kwalunkwe pproċessar li sar qabel ma’ ġie rtirat il-kunsens jibqa’ legali. L-irtirar tal-kunsens iwassal għall-irtirar ta’ applikant mis-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess.

11.6.

Is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt li jkollhom aċċess għad-data personali tagħhom u li jitolbu r-rettifika ta’ kwalunkwe data personali li mhijiex eżatta jew mhijiex kompluta. Madankollu, skont il-prinċipji ta’ aċċess ugwali, kompetizzjoni ġusta, trasparenza u nondiskriminazzjoni, u biex jiġi żgurat li l-proċedura tal-għażla tkun trasparenti u ġusta għall-kandidati kollha, data li turi konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà u għażla ma tistax tiġi aġġornata jew ikkoreġuta wara d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess.

11.7.

L-applikanti għandhom id-dritt li jkollhom aċċess għal informazzjoni relatata mal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom matul il-proċedura. Sabiex tiġi mħarsa l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet u t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat tat-Tmexxija u l-Bord Ġenerali u sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-kandidati l-oħrajn, l-aċċess tal-applikanti għandu jkun ristrett għas-sottomissjonijiet tagħhom stess u għall-partijiet tal-evalwazzjoni li jkunu relatati magħhom.

11.8.

Id-data personali kollha tal-applikanti għandha tinżamm mis-Segretarjat tal-BERS kif ġej:

(i)

id-data relatata mal-membri tal-KXK maħtura għandha tinżamm mis-Segretarjat tal-BERS għal perijodu ta’ ħames snin wara l-iskadenza tal-mandati tal-membri;

(ii)

wara l-iskadenza tal-validità tal-lista ta’ riżerva, id-data relatata mal-kandidati elenkati hemmhekk għandha tinżamm għal perijodu ta’ sentejn;

(iii)

id-data relatata mal-applikanti li ma kellhomx suċċess għandha tinżamm għal perijodu ta’ sentejn wara li tkun tlestiet il-proċedura tal-għażla;

(iv)

fil-każ ta’ tilwima legali, il-perijodi ta’ żmien imsemmija hawn fuq jiġu estiżi għal sentejn wara li jitlestew il-proċeduri rilevanti kollha.

11.9.

Is-suġġetti tad-data huma intitolati li jirrikorru f’kull ħin għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

11.10.

L-ismijiet tal-membri tal-KXK u l-affiljazzjonijiet tagħhom, flimkien mad-dikjarazzjonijiet imsemmija fit-taqsima 10, għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-BERS (40).

12.   Proċedura ta’ applikazzjoni

12.1.

L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi biss bl-Ingliż billi timtela l-formola ta’ applikazzjoni disponibbli fuq is-sit web tal-BERS (www.esrb.europa.eu) u billi jiġi sottomess curriculum vitae fil-forma Europass (disponibbli fuq: https://europass.europa.eu/mt/create-europass-cv).

12.2.

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi sa mhux iktar tard mill-23:59 CET tal-10 ta’ Ġunju 2026. L-applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu bil-posta elettronika lill-indirizz: ascapplications@esrb.europa.eu.

12.3.

L-applikazzjonijiet ser jiġu esklużi meta:

(i)

jintbagħtu wara l-iskadenza jew permezz ta’ mezzi oħra (eż. permezz ta’ faks); jew

(ii)

jekk huma sostanzjalment mhux ċari jew mhux kompluti; jew

(iii)

jekk ma jiġux ippreżentati bl-Ingliż.

12.4.

L-applikanti għandhom jinfurmaw lis-Segretarjat tal-BERS bil-miktub dwar kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni jew l-indirizz tagħhom mingħajr dewmien.

12.5.

Kull applikazzjoni tiġi eżaminata fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti hawn fuq. L-applikanti kollha għandhom ikunu infurmati dwar ir-riżultat tal-proċess ta’ għażla u ħatra.

13.   Ġuriżdizzjoni

F’każijiet ta’ litigazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni.


(1)   ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1092/oj.

(2)   ĠU C 39, 8.2.2011, p. 10.

(3)  Il-Bank Ċentrali Ewropew, il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, l-Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza (l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea għall-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, l-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq), l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

(4)  Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(5)  Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(6)  Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(7)  Artikolu 12(5) tad-Deċiżjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal- Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (BERS/2011/1) (ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4).

(8)  Artikolu 12(5) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(9)  Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(10)  Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(11)  Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(12)  Artikolu 5(5) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(13)  Artikolu 6(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(14)  Artikolu 11(1)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(15)  Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(16)  Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(17)  Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(18)  Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(19)  Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(20)  Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(21)  Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(22)  Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(23)  Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(24)  Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(25)  Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(26)  Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(27)  Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

(28)  Artikolu 8(4) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(29)  Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(30)  Artikolu 6(4) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(31)  Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(32)  Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(33)  Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(34)  Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(35)  Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(36)  Artikolu 7(4) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(37)  Deċiżjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-25 ta’ Marzu 2011, li tadotta l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS/2011/3) (ĠU C 140, 11.5.2011, p. 18).

(38)  Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni BERS/2011/2.

(39)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(40)  Artikolu 11(5) tad-Deċiżjoni BERS/2011/1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2784/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)