2.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 30/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/217

tal-1 ta’ Frar 2023

li jirrettifika r-Regolament (UE) Nru 965/2012, fir-rigward ta’ xi inkonsistenzi fir-rekwiżiti introdotti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1387, u r-Regolamenti (UE) 2021/1296 u (UE) 2021/2237

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2237 (2) emenda l-punt ORO.FC.146 tal-Anness III (il-Parti-ORO) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (3). Ir-referenza fil-punt ORO.FC.146(f)(2) għall-punt ORO.FC.005(b)(2) jeħtieġ li tiġi sostitwita bir-referenza għall-punt ORO.FC.005(b)(1), li huwa l-punt rilevanti għall-operazzjonijiet b’ajruplan.

(2)

Fl-emendar tal-punti CAT.POL.A.230 u CAT.POL.A.235 tal-Anness IV (il-Parti-CAT) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1387 (4) introduċa żball fir-rigward tad-dispaċċ tal-ajruplani. Ir-rekwiżiti fil-punti CAT.POL.A.230(e) u CAT.POL.A.235(e) jenħtieġ li jiġu applikati b’mod kumulattiv, mhux b’mod alternattiv.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1296 (5) introduċa emendi għall-punt CAT.OP.MPA.150 tal-Anness IV (il-Parti-CAT) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012. Involontarjament, dawk l-emendi ma kinux akkumpanjati minn emendi konsegwenzjali għall-punti CAT.POL.A.215 u CAT.POL.A.415 f’dak l-Anness. B’riżultat ta’ dan, ir-referenza legali rilevanti hija żbaljata u dak l-iżball jenħtieġ li jiġi rettifikat.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1296 emenda wkoll il-punt SPO.POL.110 tal-Anness VIII (il-Parti-SPO) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012, billi ssostitwixxa l-punti (a), (b) u (c) ta’ dak il-punt. Madankollu, l-emenda ħassret ukoll il-punti (d) u (e) preċedenti, li ma kienx intenzjonat. Għalhekk, il-punti (d) u (e) preċedenti ta’ SPO.POL.110 jenħtieġ li jiġu introdotti mill-ġdid b’effett mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1296, jiġifieri mit-30 ta’ Ottubru 2022.

(5)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 965/2012 jenħtieġ li jiġi rettifikat kif xieraq.

(6)

Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-applikazzjoni ta’ regoli komuni tas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi III (il-Parti-ORO), IV (il-Parti-CAT) u VIII (il-Parti-SPO) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 huma rettifikati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt 3 tal-Anness għandu japplika mit-30 ta’ Ottubru 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Frar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2237 tal-15 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-operazzjonijiet f’kull tip ta’ temp u għat-taħriġ u l-kontroll tal-ekwipaġġ tat-titjira (ĠU L 450, 16.12.2021, p. 21).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1387 tal-1 ta’ Awwissu 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-kalkoli tal-prestazzjoni tal-inżul ta’ ajruplan u l-istandards għall-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-superfiċje tar-runway, l-aġġornament ta’ ċertu tagħmir u rekwiżiti tas-sikurezza tal-inġenji tal-ajru u l-operazzjonijiet mingħajr approvazzjoni operattiva fuq distanza estiża (ĠU L 229, 5.9.2019, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1296 tal-4 ta’ Awwissu 2021 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 965/2012 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-ippjanar u l-ġestjoni tal-fjuwil/tal-enerġija u fir-rigward tar-rekwiżiti dwar programmi ta’ appoġġ u ta’ valutazzjoni psikoloġika tal-ekwipaġġ tat-titjira, kif ukoll dwar l-ittestjar għas-sustanzi psikoattivi (ĠU L 282, 5.8.2021, p. 5).


ANNESS

L-Annessi III, IV u VIII tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 huma rettifikati kif ġej:

(1)

fil-punt ORO.FC.146(f) tal-Anness III (il-Parti-ORO), il-punt (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2)

Operazzjonijiet tal-CAT (tat-trasport kummerċjali bl-ajru) ta’ ajruplani li jissodisfaw il-kriterji definiti fil-punt ORO.FC.005(b)(1).”;

(2)

L-Anness IV (il-Parti-CAT) huwa kkoreġut kif ġej:

(a)

fil-punt CAT.POL.A.215(c), il-punt (3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(3)

ir-rimi tal-fjuwil huwa permess safejn dan ikun konsistenti mal-fatt li l-ajruplan jasal fl-ajrudrom fejn dan huwa mistenni li jinżel bir-riżervi tal-fjuwil meħtieġa wara ħsara fil-magna f’konformità mal-punt CAT.OP.MPA.181, adattat għal ajrudrom alternattiv, jekk tintuża proċedura sikura;”;

(b)

fil-punt CAT.POL.A.230, il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

Għad-dispaċċ tal-ajruplan, l-ajruplan għandu:

(1)

jinżel fuq l-aktar runway favorevoli, f’arja kalma; kif ukoll

(2)

jinżel fuq ir-runway li l-aktar probabbli tiġi assenjata lilu meta jitqiesu l-veloċità u d-direzzjoni probabbli tar-riħ, il-karatteristiċi tal-immaniġġjar tal-ajruplan fuq l-art u kundizzjonijiet oħrajn bħalma huma l-għajnuna għall-inżul u t-tip ta’ terren.”;

(c)

fil-punt CAT.POL.A.235, il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

Għad-dispaċċ tal-ajruplan, l-ajruplan għandu:

(1)

jinżel fuq l-aktar runway favorevoli, f’arja kalma; kif ukoll

(2)

jinżel fuq ir-runway li l-aktar probabbli tiġi assenjata lilu meta jitqiesu l-veloċità u d-direzzjoni probabbli tar-riħ, il-karatteristiċi tal-immaniġġjar tal-ajruplan fuq l-art u kundizzjonijiet oħrajn bħalma huma l-għajnuna għall-inżul u t-tip ta’ terren.”;

(d)

fil-punt CAT.POL.A.415, il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

Ir-rimi tal-fjuwil huwa permess safejn dan ikun konsistenti mal-fatt li l-ajruplan jasal fl-ajrudrom fejn dan huwa mistenni li jinżel bir-riżervi tal-fjuwil meħtieġa wara ħsara fil-magna skont il-punt CAT.OP.MPA.181, adattat għal ajrudrom alternattiv, jekk tintuża proċedura sikura.”;

(3)

fil-punt SPO.POL.110 tal-Anness VIII (il-Parti-SPO), jiżdiedu l-punti (d) u (e) li ġejjin, li jemendaw:

“(d)

Il-bdot fil-kmand għandu jiżgura dan li ġej:

(1)

li l-inġenju tal-ajru jitgħabba taħt is-superviżjoni ta’ persunal ikkwalifikat; u

(2)

li t-tagħbija tat-traffiku (traffic load) titgħabba b’tali mod li jkun konsistenti mad-data użata għall-kalkolu tal-massa u tal-bilanċ tal-inġenju tal-ajru.

(e)

L-operatur għandu jispeċifika, fil-manwal tal-operat, il-prinċipji u l-metodi involuti fit-tagħbija u fis-sistema tal-massa u l-bilanċ, li huma f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) sa (d). Dik is-sistema għandha tkopri t-tipi kollha ta’ operazzjonijiet previsti.”.