|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1570 |
5.6.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1570
tal-4 ta’ Ġunju 2024
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/423 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-miżuri u rekwiżiti oħrajn għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-IT deċentralizzata msemmija fir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2020/1784 jipprevedi li d-dokumenti li għandhom jiġu nnotifikati, it-talbiet, il-konfermi, l-irċevuti, iċ-ċertifikati u l-komunikazzjonijiet bejn l-aġenziji mittenti u l-aġenziji riċeventi, bejn dawk l-aġenziji u l-korpi ċentrali, jew bejn il-korpi ċentrali ta’ Stati Membri differenti, għandhom jiġu trażmessi permezz ta’ sistema tal-IT deċentralizzata sigura u affidabbli. Dik is-sistema tal-IT deċentralizzata se tkun ibbażata fuq soluzzjoni interoperabbli bħal e-CODEX. |
|
(2) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/423 (2) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-miżuri u rekwiżiti oħrajn għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-IT deċentralizzata msemmija fir-Regolament (UE) 2020/1784. L-Anness ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi li s-sistema tal-IT deċentralizzata hija sistema bbażata fuq e-CODEX. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2022/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi l-qafas legali għas-sistema e-CODEX. Dan jipprevedi, fost l-oħrajn, li s-sistema e-CODEX se tiġi mgħoddija mill-entità li timmaniġġjaha lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), li se tkun responsabbli għall-ġestjoni tas-sistema e-CODEX. |
|
(4) |
Għalhekk huwa meħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/423 jiġi emendat biex jiġi ċċarat li l-punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati tas-sistema tal-IT deċentralizzata msemmija fir-Regolament (UE) 2020/1784 jenħtieġ li jitħaddmu f’konformità mal-qafas legali stabbilit bir-Regolament (UE) 2022/850. |
|
(5) |
Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-kooperazzjoni eżistenti dwar in-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji skont ftehimiet internazzjonali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri mhux marbuta bir-Regolament (UE) 2020/1784 tkun tista’ tkompli skont il-qafas legali għas-sistema e-CODEX stabbilita bir-Regolament (UE) 2022/850. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet li taħthom tali Stati Membri jistgħu jieħdu sehem fis-sistema tal-IT deċentralizzata. |
|
(6) |
L-emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/423 ma jaffettwawx id-data li fiha l-Artikoli 5, 8 u 10 tar-Regolament (UE) 2020/1784 se jsiru applikabbli skont l-Artikolu 37(2) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar is-servizz tal-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali. |
|
(8) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta opinjoni fit-8 ta’ Marzu 2024, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/423
L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2022/423 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ġunju 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 405, 2.12.2020, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1784/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/423 tal-14 ta’ Marzu 2022 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-miżuri u rekwiżiti oħrajn għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-IT deċentralizzata msemmija fir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 87, 15.3.2022, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/423/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2022/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar sistema kompjuterizzata għall-iskambju elettroniku transfruntier ta’ data fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali (is-sistema e-CODEX), u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 150, 1.6.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/850/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ANNESS
Fl-Anness mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/423, il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Introduzzjoni
Is-sistema tal-IT deċentralizzata msemmija fir-Regolament (UE) 2020/1784 hija sistema bbażata fuq e-CODEX għall-iskambju ta’ dokumenti u data relatati man-notifika ta’ dokumenti bejn l-Istati Membri f’konformità ma’ dak ir-Regolament. Il-punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati tas-sistema tal-IT deċentralizzata għandhom ikunu rregolati mill-qafas legali stabbilit bir-Regolament (UE) 2022/850.
L-Istati Membri li mhumiex marbuta bir-Regolament (UE) 2020/1784 iżda li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament skont ftehim internazzjonali bejn dak l-Istat Membru u l-Unjoni dwar in-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali għandhom jitħallew jipparteċipaw fis-sistema tal-IT deċentralizzata msemmija fir-Regolament (UE) 2020/1784 sa fejn ikun meħtieġ biex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.
Sa fejn tali Stati Membri mhumiex marbuta bir-Regolament (UE) 2022/850, huma għandhom jimplimentaw fil-liġi nazzjonali tagħhom il-kontenut tal-Artikoli 8, 9, l-Artikolu 11(3), (4), u (6), l-Artikoli 12, 14, l-Artikolu 15(1) u (3), u l-Artikolu 20 ta’ dak ir-Regolament, sabiex is-salvagwardji meħtieġa għat-tħaddim xieraq tas-sistema tal-IT deċentralizzata jkunu fis-seħħ. Ladarba l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kummissjoni f’konformità mal-ftehim internazzjonali applikabbli dwar in-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji li jkun implimenta dawk id-dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali tiegħu, dan għandu jiġi ttrattat bl-istess mod bħal Stati Membri oħra esklużivament għall-finijiet tal-operat tas-sistema tal-IT deċentralizzata msemmija fir-Regolament (UE) 2020/1784.”
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1570/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)