European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1554

28.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/1554

tal-25 ta’ Lulju 2025

dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-Forzi Armati tal-Djibouti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni taħt il-politika estera u ta' sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B'mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża biex tiffinanzja miżuri ta' assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali b'rabta ma' kwistjonijiet militari u ta' difiża.

(2)

Fl-24 ta' Ottubru 2023, il-Kunsill adotta konklużjonijiet fejn approva l-Istrateġija riveduta dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha, li jagħtu l-qafas biex l-Unjoni tieħu azzjoni ulterjuri biex tissalvagwarda l-interessi tagħha fuq il-baħar u tipproteġi liċ-ċittadini, il-valuri u l-ekonomija tagħha, filwaqt li tippromwovi r-regoli internazzjonali u l-konformità sħiħa mal-istrumenti internazzjonali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS).

(3)

Minn Ottubru 2023 'l hawn, bosta attakki mill-Houthi kellhom fil-mira bastimenti fil-Baħar l-Aħmar, il-Golf ta' Aden, il-Baħar Għarbi u l-Golf tal-Oman. Attakki bħal dawn jipperikolaw il-ħajja tal-baħrin fuq bastimenti, u jikkostitwixxu ksur tal-libertà ta' navigazzjoni fl-ibħra internazzjonali u tad-dritt ta' passaġġ ta' tranżitu fl-istretti użati għan-navigazzjoni internazzjonali minquxa fl-UNCLOS. Dawk l-attakki għandhom ukoll impatt negattiv fuq it-tbaħħir merkantili u fuq l-ekonomiji ta' bosta pajjiżi fl-Unjoni u fir-reġjun.

(4)

Fl-10 ta' Jannar 2024, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2722 (2024), li tikkundanna bl-aktar mod qawwi l-attakki mill-Houthi fuq bastimenti merkantili u kummerċjali, filwaqt li tenfasizza l-importanza tal-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet tan-navigazzjoni tal-bastimenti tal-istati kollha fil-Baħar l-Aħmar, inkluż għall-bastimenti merkantili u kummerċjali li jgħaddu mill-Istrett tal-Baab al-Mandab, f'konformità mal-liġi internazzjonali, filwaqt li tesiġi li l-Houthi immedjatament iwaqqfu l-attakki kollha bħal dawn, kif ukoll tafferma li l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet tan-navigazzjoni minn bastimenti merkantili u kummerċjali, f'konformità mal-liġi internazzjonali, irid jiġi rrispettat, u b'kont meħud tad-dritt tal-istati membri tan-Nazzjonijiet Uniti, f'konformità mal-liġi internazzjonali, li jiddefendu l-bastimenti tagħhom minn attakki, inkluż attakki li jdgħajfu d-drittijiet u l-libertajiet tan-navigazzjoni.

(5)

Fil-kuntest tal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar, it-tisħiħ tal-Forzi Armati tal-Djibouti huwa element importanti li jikkontribwixxi għas-salvagwardja tas-sigurtà marittima fir-reġjun.

(6)

Fit-8 ta' Jannar 2025, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rċeviet talba mill-Djibouti biex l-Unjoni tassisti lill-Forzi Armati tal-Djibouti fl-akkwist ta' tagħmir, infrastruttura u servizzi kruċjali għat-tisħiħ tal-mezzi tal-flotta navali tagħha.

(7)

Miżuri ta' assistenza li jiġu implimentati jridu jqisu l-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b'mod partikolari l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f'konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.

(8)

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-liġi internazzjonali, b'mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment, objettivi, kamp ta' applikazzjoni u durata

1.   Hija b'dan stabbilita miżura ta' assistenza (il-“miżura ta' assistenza”) għall-benefiċċju tal-Djibouti (il-“benefiċjarju”), li għandha tiġi ffinanzjata taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF).

2.   L-objettivi tal-miżura ta' assistenza huma dawn li ġejjin:

(a)

issaħħaħ il-kooperazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża bejn l-Unjoni u l-Djibouti;

(b)

tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ġenerali tal-Forzi Armati tal-Djibouti fis-salvagwardja tas-sovranità u d-drittijiet tagħhom f'konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, issaħħaħ is-sigurtà marittima fil-Baħar l-Aħmar u, b'hekk, tipproteġi aħjar il-linji ta' komunikazzjoni bil-baħar, il-bastimenti kummerċjali u r-riżorsi marittimi, il-popolazzjonijiet li jgħixu mal-kosta u l-għajxien tagħhom minn firxa wiesgħa ta' kriżijiet marittimi;

(c)

issaħħaħ il-potenzjal tal-Djibouti fis-sensibilizzazzjoni fil-qasam marittimu, waqt li tikkomplementa l-operazzjonijiet u l-inizjattivi tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-Unjoni fil-Baħar l-Aħmar.

3.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-paragrafu 2, il-miżura ta' assistenza għandha tiffinanzja t-tagħmir, li mhux imfassal biex iwassal forza letali, tat-tipi li ġejjin, u l-infrastruttura, il-provvisti u s-servizzi li ġejjin, inkluż it-taħriġ tekniku:

(a)

l-implimentazzjoni ta' pjan ta' reżiljenza għall-bastimenti tal-għassa, permezz tal-forniment ta' taħriġ fl-edukazzjoni navali u ta' tagħmir għal workshops speċjalizzati, kif ukoll ir-restawr ta' parti mill-assi marittimi Djiboutjani;

(b)

stazzjon ta' sorveljanza kostali inkluż assi funzjonali ta' intelligence, sorveljanza u rikonjizzjoni, u pontun li jżomm f'wiċċ l-ilma;

(c)

assi ta' intervent rapidu għall-Forza Navali Djiboutjana.

4.   Id-durata tal-miżura ta' assistenza għandha tkun ta' 42 xahar mill-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta' assistenza għandu jkun ta' EUR 10 000 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u f'konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.

Artikolu 3

Arranġamenti mal-benefiċjarju

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandha tagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex tiżgura li dan ikun f'konformità mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti b'din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni għall-għoti ta' dan l-appoġġ taħt il-miżura ta' assistenza.

2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

(a)

il-konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati tal-Djibouti appoġġati taħt il-miżura ta' assistenza mal-liġi internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali;

(b)

l-użu xieraq u effiċjenti ta' kwalunkwe assi pprovduti taħt il-miżura ta' assistenza għall-finijiet li għalihom ingħataw;

(c)

il-manutenzjoni suffiċjenti ta' kwalunkwe assi pprovduti taħt il-miżura ta' assistenza biex jiġu żgurati l-possibbiltà tal-użu u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(d)

li kwalunkwe assi pprovduti taħt il-miżura ta' assistenza ma jintilfux, jew ma jiġux ittrasferiti lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati f'dawk l-arranġamenti.

3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta' assistenza f'każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.

Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandha tkun responsabbli li tiżgura l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u f'konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF u l-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta' assistenza taħt l-EPF.

2.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mid-Défense Conseil International - DCI Group.

Artikolu 5

Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandha timmonitorja l-konformità mill-benefiċjarju mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jissensibilizza dwar il-kuntest u r-riskji ta' ksur tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' tali ksur, inkluż ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati tal-Djibouti appoġġati taħt il-miżura ta' assistenza.

2.   Il-kontroll ta' wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u tal-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:

(a)

il-verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent finali mat-trasferiment tas-sjieda;

(b)

rapport, li permezz tiegħu l-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-attivitajiet li jkunu saru bit-tagħmir, il-provvisti u s-servizzi pprovduti skont il-miżura ta' assistenza u fuq l-inventarju ta' oġġetti deżinjati sakemm tali rapportar ma jitqiesx aktar meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS);

(c)

żjarat fuq il-post, fejn, fuq talba, il-benefiċjarju għandu jagħti lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF l-aċċess biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandha twettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-miżura ta' assistenza biex tivvaluta jekk il-miżura ta' assistenza kkontribwietx biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 6

Rapportar

Matul il-perjodu ta' implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandha tipprovdi lill-KPS rapporti ta' kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta' assistenza, f'konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta' assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f'konformità mal-Artikolu 38 ta' dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.

Artikolu 7

Sospensjoni u terminazzjoni

1.   Il-KPS jista' jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta' assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   Il-KPS jista' jirrakkomanda li l-Kunsill jittermina l-miżura ta' assistenza.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta' Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).

(2)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/944/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1554/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)