SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
3 ta’ Lulju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Skema ta’ għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni Ewropea – Appoġġ għall-ekonomija fil-kuntest tal-pandemija ta’ COVID-19 – Rifjut mill-awtorità kompetenti li tagħti għajnuna – Rimedju ġudizzjarju intiż sabiex il-qorti adita tordna l-adozzjoni ta’ att amministrattiv favorevoli ex nunc – Skadenza, matul il-proċedura ġudizzjarja, tat-terminu stabbilit għall-għoti tal-għajnuna – Data li fiha jitqies li ngħatat l-għajnuna – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 1 – Għajnuna eżistenti”
Fil-Kawża C‑653/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Novembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Novembru 2023, fil-proċedura
“TOODE” SIA
vs
Valsts ieņēmumu dienests,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, kif ukoll M. Gavalec, Z. Csehi (Relatur) u F. Schalin, imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: M. Aleksejev, kap ta’ unità,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Diċembru 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal “TOODE” SIA, minn S. Ņukša, valdes locekle, |
|
– |
għall-Gvern Latvjan, minn J. Davidoviča u K. Pommere, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u P.-L. Krüger, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Georgiopoulos u V. Hitrovs, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Marzu 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) u tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “TOODE” SIA u l-Valsts ieņēmumu dienests (l-Awtorità tat-Taxxa Nazzjonali, il-Latvja, iktar ’il quddiem l-“Awtorità tat-Taxxa”) dwar deċiżjoni li permezz tagħha din l-awtorità rrifjutat li tagħti lil TOODE għajnuna intiża sabiex tiżgura l-kapital operatorju tal-impriżi milquta mill-kriżi tal-COVID-19. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament 2015/1589
|
3 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/1589 jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
Il-Komunikazzjoni dwar il-Qafas Temporanju
|
4 |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 ġiet ippubblikata fl‑20 ta’ Marzu 2020 (2020/C 91 1/01, ĠU 2020, C 91 I, p. 1) f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qabel ma ġiet emendata seba’ darbiet. Il-punti 21 u 22 ta’ din il-komunikazzjoni, kif modifikata mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal‑24 ta’ Novembru 2021 (2021/C 473/01, ĠU 2021, C 473, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-Qafas Temporanju”), kienu inklużi fit-Taqsima 3.1 intitolata “[Ammonti ta’ għajnuna limitati]”, ta’ din tal-aħħar u kienu jipprovdu:
|
Id-dritt Latvjan
|
5 |
L-Artikolu 250(2) tal-Administratīvā procesa likums (il-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi: “Fl-evalwazzjoni tal-legalità ta’ att amministrattiv, il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tagħha biss ir-raġunament li jinsab fl-att amministrattiv. Din il-limitazzjoni ma għandhiex tapplika għall-każijiet li fihom it-talba tirrigwarda l-adozzjoni ta’ att amministrattiv favorevoli.” |
|
6 |
L-Artikolu 254(1) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej: “Meta l-qorti tqis li t-talba għal att amministrattiv hija fondata, hija għandha tordna lill-awtorità pubblika toħroġ l-att amministrattiv ikkonċernat.” |
|
7 |
L-awtoritajiet Latvjani adottaw il-Ministru kabineta noteikumi Nr. 676 “Noteikumi par atbalstu Covid-19 krīzes skartajiem uzņēmumiem apgrozāmo līdzekļu plūsmas nodrošināšanai” (id-Digriet Nru 676 tal-Kunsill tal-Ministri li jistabbilixxi r-regoli fil-qasam tal-għajnuna sabiex jiġi żgurat il-kapital operatorju tal-impriżi milquta mill-kriżi tal-COVID-19), tal‑10 ta’ Novembru 2020 (Latvijas Vēstnesis, 2020, Nru 222A, iktar ’il quddiem ir-“Regoli Latvjani dwar l-Għajnuna”). L-iskema ta’ għajnuna stabbilita mir-Regoli Latvjani dwar l-Għajnuna, li daħlu fis-seħħ fis‑17 ta’ Novembru 2020, ġiet stabbilita konformement mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima 3.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-Qafas Temporanju. Permezz tad-Deċiżjoni SA.59592 (2020/N) tas‑16 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni qieset li din l-iskema kienet kompatibbli mas-suq intern sakemm, b’mod partikolari, l-għajnuna tkun ingħatat mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2021, filwaqt li din id-data ġiet sussegwentement estiża, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.100596 (2021/N) tal‑14 ta’ Diċembru 2021, sat‑30 ta’ Ġunju 2022. |
|
8 |
Il-punt 23 tar-Regoli Latvjani dwar l-Għajnuna, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, kien jistabbilixxi: “Id-data tal-għoti tal-għajnuna għandha titqies li hija d-data li fiha [l-Awtorità tat-Taxxa] tadotta d-deċiżjoni ta’ għoti tal-għajnuna.” |
|
9 |
Il-punt 24 ta’ dawn ir-regoli kien redatt kif ġej: “Id-deċiżjoni għandha tiġi adottata mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2022 konformement mal-[Komunikazzjoni dwar] il-Qafas Temporanju.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
10 |
Fil‑25 ta’ Marzu u fid‑9 ta’ April 2021, TOODE talbet lill-Awtorità tat-Taxxa sabiex tibbenefika mill-iskema nazzjonali ta’ għajnuna intiża sabiex tiżgura l-kapital operatorju tal-impriżi affettwati mill-kriżi tal-COVID-19. Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet inizjali tat‑23 ta’ April u tas‑7 ta’ Ġunju 2021, imbagħad żewġ deċiżjonijiet definittivi tad‑9 ta’ Ġunju u tat‑23 ta’ Lulju 2021, din l-awtorità rrifjutat li tagħtiha l-għajnuna mitluba minħabba li hija ma kinitx tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet previsti mir-Regoli Latvjani dwar l-Għajnuna, dwar it-tnaqqis tad-dħul mill-bejgħ. |
|
11 |
TOODE ppreżentat, mingħajr suċċess, rikors quddiem qorti tal-ewwel istanza qabel ma ppreżentat appell, fid‑29 ta’ Ġunju 2022, quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja), li hija l-qorti tar-rinviju. Permezz ta’ dan l-appell, TOODE tfittex li, konformement mal-Artikolu 254(1) tal-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, din il-qorti tordna lill-Awtorità tat-Taxxa tadotta att amministrattiv favorevoli li jagħti l-għajnuna mitluba. |
|
12 |
Il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-iskema nazzjonali ta’ għajnuna ċċitata iktar ’il fuq, kif jirriżulta mill-punt 7 ta’ din is-sentenza, ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni, b’mod partikolari sakemm l-għajnuna kkonċernata tkun ingħatat, skont il-punt 24 tar-Regoli Latvjani dwar l-Għajnuna u l-punt 22(d) tal-Komunikazzjoni dwar il-Qafas Temporanju, mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2022. Hija tirrileva li dan it-terminu skada matul il-proċedura mibdija quddiemha. |
|
13 |
Din il-qorti tispjega li hija għandha, fil-kuntest tal-appell ippreżentat minn TOODE intiż sabiex tikseb att amministrattiv favorevoli, tevalwa jekk din il-kumpannija għadhiex tista’ tibbenefika mill-għajnuna mitluba. F’dan ir-rigward, hija għandha tiddetermina d-data li fiha din l-għajnuna titqies li “ngħatat” skont l-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn dan huwa element fundamentali sabiex jiġi ddeterminat jekk din l-għajnuna tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat “eżistenti” jew “ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/1589. Madankollu, hija tippreċiża li, fid-dritt Latvjan, il-qrati nazzjonali jistgħu jordnaw biss l-adozzjoni ta’ atti amministrattivi favorevoli għall-futur (ex nunc). |
|
14 |
Il-qorti tar-rinviju tfakkar li għajnuna titqies li ngħatat fil-mument meta jingħata dritt ċert u inkundizzjonat li din tingħata lill-benefiċjarju skont id-dritt nazzjonali. Issa, fid-dawl tal-fatt li l-Awtorità tat-Taxxa qatt ma rrikonoxxiet lil TOODE d-dritt li tibbenefika mill-għajnuna mitluba, tali dritt ċert u inkundizzjonat jista’ jinħoloq, bħala prinċipju, għal parti f’kawża bħal TOODE biss wara deċiżjoni ġudizzjarja, meta l-qorti tikkonstata, wara stħarriġ komplet tal-legalità konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 250(2) tal-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, li din il-parti f’kawża tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti mid-dritt nazzjonali sabiex tibbenefika mill-għajnuna inkwistjoni u tordna lill-awtorità kompetenti, abbażi tal-Artikolu 254(1) ta’ din il-liġi, tadotta att amministrattiv favorevoli għall-futur. |
|
15 |
Il-qorti tar-rinviju tfakkar madankollu li għajnuna mogħtija mill-awtorità kompetenti lil persuna wara l-iskadenza ta’ skema ta’ għajnuna nazzjonali awtorizzata mill-Kummissjoni għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna “ġdida” konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, hija tistaqsi jekk din il-ġurisprudenza tistax tiġi trasposta fil-każ fejn l-awtorità kompetenti tkun indebitament irrifjutat li tagħti l-għajnuna meta din l-iskema kienet għadha fis-seħħ u fejn din l-awtorità, wara l-iskadenza tal-imsemmija skema, tiġi ordnata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tagħti u li tħallas l-ammont tal-għajnuna. |
|
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
Osservazzjonijiet preliminari
|
17 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li għajnuna mill-Istat li taqa’ taħt skema ta’ għajnuna nazzjonali awtorizzata mill-Kummissjoni għandha titqies li “ngħatat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-mument meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun indebitament irrifjutat id-dritt għall-benefiċċju tal-għajnuna lil individwu li jkun applika għaliha fit-terminu previst għall-għoti tagħha, meta deċiżjoni ġudizzjarja tikkonstata n-natura illegali ta’ dan ir-rifjut wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu. |
|
18 |
F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għajnuna għandha titqies li tkun “ingħatat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fil-mument li d-dritt tal-benefiċjarju jkun ingħatalu skont ir-regoli nazzjonali applikabbli. L-element determinanti sabiex tiġi stabbilita d-data li fiha d-dritt li tirċievi għajnuna mill-Istat ingħata lill-benefiċjarji tiegħu permezz ta’ miżura ddeterminata huwa marbut mal-kisba minn dawn il-benefiċjarji ta’ dritt ċert li jirċievu din l-għajnuna u l-impenn korrelattiv, min-naħa tal-Istat, li jagħti l-imsemmija għajnuna. Fil-fatt, hija f’dik id-data li tali miżura tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, Magdeburger Mühlenwerke, C‑129/12, EU:C:2013:200, punt 40, kif ukoll tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punti 115 u 123). |
|
19 |
Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli u fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, il-mument li fih l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies li ngħatat. Għal dan l-għan dik il-qorti għandha tqis il-kundizzjonijiet kollha imposti mid-dritt nazzjonali sabiex tinkiseb l-għajnuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, Magdeburger Mühlenwerke, C‑129/12, EU:C:2013:200, punt 41, kif ukoll tat‑28 ta’ Ottubru 2020, INAIL, C‑608/19, EU:C:2020:865, punti 31 u 32). |
|
20 |
B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk id-dritt nazzjonali jawtorizzax li jitqies, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li d-dritt ċert li wieħed jirċievi l-għajnuna kkonċernata għandux jitqies li nkiseb ex tunc fid-data li fiha l-awtorità kompetenti kellha taġixxi legalment, jiġifieri fid-data tar-rifjut indebitu espress minnha, jew jekk, għall-kuntrarju, dan id-dritt nazzjonali jistax jiġi interpretat biss fis-sens li d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ din l-awtorità, anki jekk tiġi ddikjarata illegali, ma setgħetx tagħti lill-persuna li titlobha dritt ċert li tirċievi l-għajnuna. |
|
21 |
Madankollu, fid-dawl tal-fatt li mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-dritt nazzjonali jidher li jista’ jiġi interpretat biss f’dan l-aħħar sens, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Sabiex tipprovdi tali risposta utli, jista’ jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1986, Tissier, 35/85, EU:C:1986:143, punt 9, kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2021, LatRailNet u Latvijas dzelzceļš, C‑144/20, EU:C:2021:717, punt 29). |
|
22 |
F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, essenzjalment, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali ddeterminat id-data ta’ skadenza prevista għall-għoti tal-għajnuna abbażi ta’ dik prevista fil-Komunikazzjoni dwar il-Qafas Temporanju u li din l-iskema ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li din id-data ta’ skadenza kienet tagħtiha natura temporanja. Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tal-imsemmija skema tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
23 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tenfasizza li l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn, minn naħa, il-qrati nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, li fil-kuntest tiegħu kull waħda minnhom taġixxi skont ir-rwol mogħti lilha mit-Trattat (sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 41). F’dan ir-rigward, għalkemm, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet individwali dderivati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom madankollu r-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-imsemmija drittijiet kif iggarantit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2015, E.ON Földgáz Trade, C‑510/13, EU:C:2015:189, punti 49 u 50, kif ukoll tat‑28 ta’ Jannar 2025, ASG 2, C‑253/23, EU:C:2025:40, punt 75). Skont l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu 47, kull persuna li ġġarrab ksur tad-drittijiet jew tal-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandu jkollha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti. |
|
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li għajnuna individwali li taqa’ taħt skema ta’ għajnuna mill-Istat awtorizzata mill-Kummissjoni ma tistax titqies li “ngħatat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE, fid-data li fiha l-awtorità nazzjonali kompetenti rrifjutat indebitament il-benefiċċju lil individwu li jkun applika għaliha fit-terminu previst għall-għoti tagħha, meta deċiżjoni ġudizzjarja tikkonstata n-natura illegali ta’ dan ir-rifjut wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu. |
Fuq il-mertu
|
25 |
Fid-dawl tal-fatt li l-interpretazzjoni tad-dritt Latvjan tidher li twassal, kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ din is-sentenza, sabiex l-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ titqies li hija “mogħtija”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, biss fid-data tal-adozzjoni ta’ att amministrattiv favorevoli meħud b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, l-adozzjoni ta’ tali att u, għaldaqstant, l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni ma humiex possibbli, meta, bħal f’dan il-każ, it-terminu għall-għoti tal-għajnuna jkun skada matul il-proċedura ġudizzjarja. |
|
26 |
Fil-fatt, għajnuna mogħtija f’mument meta l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni għal din l-għajnuna ma tkunx għadha fis-seħħ għandha, minħabba l-fatt li din tkun għajnuna ġdida, tkun is-suġġett ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE u ma tistax tiġi implimentata sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Eco Fox et, C‑915/19 sa C‑917/19, EU:C:2021:887, punt 36, u tas‑7 ta’ April 2022, Autonome Provinz Bozen, C‑102/21 u C‑103/21, EU:C:2022:272, punti 32, 34 u 42). |
|
27 |
Minn dan isegwi li n-natura effettiva tad-dritt għal rimedju ggarantit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għal individwu bħal TOODE ma tistax, fl-ipoteżi deskritta fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, tiġi żgurata, minkejja li madankollu tkun irrikonoxxuta b’deċiżjoni ġudizzjarja, wara stħarriġ tal-legalità komplet, li r-rikorrent, applikant għall-għajnuna inkwistjoni, kien inizjalment jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha sabiex ikun jista’ jibbenefika minn din l-għajnuna fil-kuntest ratione temporis stabbilit mill-iskema ta’ għajnuna kkonċernata. |
|
28 |
Issa, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja tagħmel parti integrali mid-dritt għal rimedju effettiv, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, dan id-dritt ikun illużorju jekk l-ordinament ġuridiku intern ta’ Stat Membru jkun jippermetti li deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u obbligatorja tibqa’ ineffettiva għad-detriment ta’ parti (sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horaţiu-Vasile Cruduleci, C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 43, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 57). |
|
29 |
Konsegwentement, fl-ipoteżi msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jimponi, bħala dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, li l-qorti nazzjonali ma tapplikax id-dritt nazzjonali li jipprekludi li jitqies li l-għajnuna individwali ngħatat fid-data tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-awtorità kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 61, u tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 139 u 140 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-data li fiha din l-għajnuna titqies li “ngħatat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għandha tikkorrispondi għal dik li fiha l-awtorità kompetenti indebitament irrifjutat li tagħti l-għajnuna lil din il-kumpannija. |
|
30 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 107(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li għajnuna individwali li taqa’ taħt skema ta’ għajnuna mill-Istat awtorizzata mill-Kummissjoni ma tistax titqies li “ngħatat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE, fid-data li fiha l-awtorità nazzjonali kompetenti rrifjutat indebitament il-benefiċċju lil individwu li jkun applika għaliha fit-terminu previst għall-għoti tagħha, meta deċiżjoni ġudizzjarja tikkonstata n-natura illegali ta’ dan ir-rifjut wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu. |
Fuq it-tieni domanda
|
31 |
Preliminarjament, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, għandu jiġi rrilevat li l-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies li ngħatat fid-data tad-deċiżjonijiet ta’ rifjut tal-Awtorità tat-Taxxa, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu previst għall-għoti tal-għajnuna. |
|
32 |
Sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli għat-tieni domanda, din id-domanda għandha għalhekk tinftiehem fis-sens li hija intiża sabiex isir magħruf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589 għandux jiġi interpretat fis-sens li għandha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għajnuna individwali meqjusa li ngħatat fid-data li fiha l-awtorità kompetenti rrifjutatha indebitament lil individwu li jkun applika għaliha fit-terminu previst għall-għoti tagħha, iżda mħallsa lil dan l-individwu b’eżekuzzjoni ta’ att amministrattiv favorevoli adottat fuq ordni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata n-natura illegali tar-rifjut wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(b)(ii) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “għajnuna eżistenti” hija għajnuna awtorizzata, li tinkludi l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill. L-Artikolu 1(c) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi, min-naħa tiegħu, li “għajnuna ġdida” tfisser kull skema ta’ għajnuna u kull għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti. |
|
34 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, mill-mument li fih id-dritt ċert li jirċievi għajnuna mill-Istat jingħata lill-benefiċjarju skont id-dritt nazzjonali applikabbli, l-għajnuna għandha titqies li ngħatat, b’tali mod li t-trasferiment effettiv tar-riżorsi inkwistjoni ma jkunx deċiżiv (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et, C‑385/18, EU:C:2019:1121, punt 36, u tal‑20 ta’ Mejju 2021, Azienda Sanitaria Provinciale di Catania, C‑128/19, EU:C:2021:401, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, peress li għajnuna mill-Istat bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali titqies li ngħatat f’mument meta l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni għal din l-għajnuna kienet fis-seħħ, hija għandha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna awtorizzata” u, għaldaqstant, bħala “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589, indipendentement mill-fatt li din titħallas wara t-tmiem tal-validità tal-iskema ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni. |
|
36 |
Għandu jiġi ppreċiżat li, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali interpretazzjoni ma tistax toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq. Fil-fatt, peress li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 18, huwa fid-data li fiha ngħata d-dritt ċert li wieħed jirċievi għajnuna mill-Istat li miżura tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-ħlas ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali wara l-iskadenza tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata jqiegħed lill-applikant għall-għajnuna fis-sitwazzjoni li kellu jkun fiha li kieku l-awtorità kompetenti aġixxiet legalment u b’hekk jippermetti preċiżament li jerġa’ jiġi stabbilit il-bilanċ kompetittiv fis-suq. |
|
37 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għajnuna individwali meqjusa li ngħatat fid-data li fiha l-awtorità kompetenti indebitament irrifjutatha lil individwu li applika għaliha fit-terminu previst għall-għoti tagħha, iżda mħallsa lil dan l-individwu b’eżekuzzjoni ta’ att amministrattiv favorevoli adottat fuq ordni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata n-natura illegali tar-rifjut wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu. |
Fuq l-ispejjeż
|
38 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.