27.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 112/46


DEĊIŻJONI (UE) 2023/864 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-13 ta’ April 2023

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/16 dwar l-istabbiliment tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (BĊE/2023/11)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba mit-twaqqif tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, jeħtieġ li jiġu ċċarati u adattati ċerti aspetti tar-Regoli Operattivi tiegħu, li huma stabbiliti fid-Deċiżjoni ECB/2014/16 tal-Bank Ċentrali Ewropew (2), kif emendata bid-Deċiżjoni (UE) 2019/1378 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/27) (3), b’mod partikolari fir-rigward tar-rwol tas-supplenti, l-ambitu tar-rieżami mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, il-valutazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talba għal rieżami mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, il-metodoloġija għat-tqassim tal-ispejjeż tar-rieżami mġarrba mill-applikant u mill-Bank Ċentrali Ewropew fil-kuntest ta’ rieżami mill-Bord Amministrattiv u minn ċerti kwistjonijiet organizzattivi u prattiċi.

(2)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2014/16 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni BĊE/2014/16 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 4 huwa mibdul b’li ġej:

“4.   F’każ ta’ inkapaċità permanenti, mewt, riżenja jew tneħħija mill-kariga ta’ membru tal-Bord Amministrattiv, il-Kunsill Governattiv għandu (a) jaħtar supplenti wieħed bħala membru tal-Bord Amministrattiv u jaħtar supplenti fil-post ta’ dak is-supplenti, jew (b) jaħtar membru ġdid tal-Bord Amministrattiv. Kwalunkwe ħatra magħmula skont dan il-paragrafu għandha ssir skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4(2).”

;

(2)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 huwa mibdul b’li ġej:

“2.   Wara sejħa pubblika għal espressjonijiet ta’ interess ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Bord Eżekuttiv, wara li jisma’ lill-Bord Superviżorju, għandu jippreżenta n-nomini għall-membri tal-Bord Amministrattiv u ż-żewġ supplenti lill-Kunsill Governattiv għall-ħatra.”

;

(3)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 4 huwa mibdul b’li ġej:

“4.   L-avviż ta’ rieżami għandu: (a) jiddikjara r-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat; (b) jekk issir applikazzjoni biex ir-rieżami jkollu effett sospensiv, jiddikjara r-raġunijiet għal tali applikazzjoni; u (c) jkollu mehmuż miegħu kopji ta’ kwalunkwe dokument li l-applikant ikun beħsiebu jibbaża fuqu. L-avviż ta’ rieżami għandu jkollu mehmuż miegħu d-deċiżjoni kkontestata u, jekk l-avviż ta’ rieżami jaqbeż l-10 paġni, għandu jinkludi sommarju tar-raġunijiet u d-dokumenti speċifikati fil-punti (a) sa (c).”

;

(4)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 5 huwa mibdul b’li ġej:

“5.   L-avviż ta’ rieżami għandu jindika b’mod ċar id-dettalji ta’ kuntatt sħaħ tal-applikant sabiex is-Segretarju jkun jista’ jibgħat komunikazzjonijiet lill-applikant jew lir-rappreżentant tiegħu skont il-każ. Is-Segretarju għandu jibgħat minnufih konferma tal-irċevuta lill-applikant fi żmien tlett ijiem tax-xogħol fejn jiddikjara jekk l-avviż ta’ rieżami huwiex komplut. Meta l-avviż ta’ rieżami ma jkunx komplut, is-Segretarju għandu jistabbilixxi limitu ta’ żmien ta’ massimu ta’ ħamest ijiem tax-xogħol li fih l-applikant għandu jimla l-avviż ta’ rieżami.

Meta, fil-fehma tal-Bord Amministrattiv, l-applikant jonqos milli jlesti l-avviż ta’ rieżami fil-limitu ta’ żmien stabbilit, is-Segretarju, wara li jikkonsulta lill-Bord Amministrattiv, għandu jinnotifika minnufih lill-applikant fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mill-iskadenza ta’ dak it-terminu ffissat li l-proċedura ta’ rieżami amministrattiva ma setgħetx tinbeda minħabba li l-applikant ma lestiex l-avviż ta’ rieżami. In-notifika għandha tiddikjara li skont l-Artikolu 24(11) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-proċedura ta’ rieżami amministrattiv hija mingħajr preġudizzju għad-dritt li jitressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont it-Trattati. Meta l-proċedura ta’ rieżami amministrattiva ma tinbediex minħabba n-nuqqas ta’ avviż komplut ta’ reviżjoni, ma għandhiex tiġi adottata opinjoni dwar ir-rieżami.”

;

(5)

fl-Artikolu 10, il-paragrafu 2 huwa mibdul b’li ġej:

“2.   Ir-rieżami tal-Bord Amministrattiv għandu jkun limitat għall-eżami tar-raġunijiet li jkun qagħad fuqhom l-applikant kif stabbilit fl-avviż ta’ rieżami u għall-eżami ta’ ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali.”

;

(6)

L-Artikolu 11 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Ammissibbiltà tat-talba għal rieżami

1.   Qabel ma jeżamina l-konformità proċedurali u sostantiva ta’ deċiżjoni tal-BĊE mar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bord Amministrattiv għandu jiddetermina l-ammissibbiltà tat-talba għal rieżami.

2.   Jekk il-Bord Amministrattiv iqis li t-talba għal rieżami hija manifestament inammissibbli, huwa jista’ jiddikjara t-talba għal rieżami inammissibbli fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol minn meta jirċievi l-avviż sħiħ ta’ rieżami. Il-Bord Amministrattiv għandu jiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata dik il-valutazzjoni.

3.   Meta l-Bord Amministrattiv jiddikjara li t-talba għal rieżami hija inammissibbli skont il-paragrafu 2, is-Segretarju għandu jinnotifika lill-applikant minnufih. In-notifika għandha tiddikjara li skont l-Artikolu 24(11) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-proċedura ta’ rieżami amministrattiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt li jitressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont it-Trattati. Meta t-talba għal rieżami tiġi ddikjarata inammissibbli f’konformità mal-paragrafu 2, ma għandhiex tiġi adottata opinjoni dwar ir-rieżami.

4.   Meta l-paragrafu 2 ma japplikax, il-Bord Amministrattiv għandu jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal rieżami fl-opinjoni dwar ir-rieżami li jadotta skont l-Artikolu 16. F’dan il-każ, is-Segretarju għandu jinnotifika lill-applikant fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi l-avviż komplut ta’ rieżami li l-Bord Amministrattiv għandu jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal reviżjoni fl-opinjoni dwar ir-reviżjoni.

5.   M’għandux ikun ammissibbli avviż ta’ rieżami ppreżentat fir-rigward ta’ deċiżjoni ġdida tal-Kunsill Governattiv kif imsemmi fl-Artikolu 24(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.”

(7)

fl-Artikolu 14, il-paragrafu 3 huwa mibdul b’li ġej:

“3.   Is-seduta għandha ssir fil-bini tal-BĊE jew permezz ta’ vidjokonferenza. Is-Segretarju għandu jkun preżenti. Is-seduta ma għandhiex tkun miftuħa għal partijiet terzi.”

;

(8)

fl-Artikolu 17, il-paragrafu 1 huwa mibdul b’li ġej:

“1.   Il-Bord Superviżorju għandu jivvaluta l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv u jipproponi abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Kunsill Governattiv. Il-valutazzjoni tal-Bord Superviżorju ma għandhiex tkun limitata għall-eżami tar-raġunijiet li jkun qagħad fuqhom l-applikant kif stabbilit fl-avviż ta’ rieżami, iżda tista’ tqis ukoll elementi oħra fil-proposta tiegħu għal abbozz ta’ deċiżjoni ġdida. Meta r-rieżami amministrattiv intern ma jinbediex minħabba n-nuqqas ta’ avviż sħiħ ta’ rieżami skont l-Artikolu 7(4) jew meta l-Bord Amministrattiv jiddikjara t-talba għal rieżami inammissibbli skont l-Artikolu 11(2), il-Bord Superviżorju ma għandux jipproponi abbozz ta’ deċiżjoni ġdida lill-Kunsill Governattiv.”

;

(9)

fl-Artikolu 21, il-paragrafu 2 huwa mibdul b’li ġej:

“2.   Wara n-notifika tad-deċiżjoni l-ġdida mill-Kunsill Governattiv jew wara li l-applikant ikun irtira l-avviż ta’ rieżami jew wara li l-Bord Amministrattiv ikun iddikjara li t-talba għal rieżami hija inammissibbli, il-Bord Superviżorju għandu jipproponi l-proporzjon tal-ispejjeż li għandu jġarrab l-applikant. L-applikant għandu jkun intitolat li jagħmel rappreżentazzjonijiet f’dan ir-rigward.”

;

(10)

l-Anness huwa ssostitwit bl-Anness għal din id-Deċiżjoni;

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-13 ta’ April 2023.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Id-Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta’ April 2014 dwar l-istabbiliment ta’ Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU L 175, 14.6.2014, p. 47).

(3)  Deċiżjoni (UE) 2019/1378 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-9 ta’ Awwissu 2019 dwar l-istabbiliment ta’ Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (BĊE/2019/27) (ĠU L 224, 28.8.2019, p. 9).


ANNESS

L-Anness għad-Deċiżjoni BĊE/2014/16 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS

Metodoloġija għat-tqassim tal-ispejjeż tar-rieżami mġarrba mill-applikant u mill-Bank Ċentrali Ewropew fil-kuntest ta’ rieżami mill-Bord Amministrattiv

F’każijiet fejn il-Kunsill Governattiv jirrevoka d-deċiżjoni inizjali jew jemenda l-parti operattiva tagħha bħala konsegwenza tal-avviż ta’ rieżami, il-BĊE għandu jirrimborża l-ispejjeż imġarrba mill-applikant fil-kuntest tar-rieżami, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe spejjeż sproporzjonati mġarrba mill-applikant meta jippreżenta evidenza bil-miktub jew orali u fir-rigward ta’ rappreżentanza legali, li għandhom jitħallsu mill-applikant. Fi kwalunkwe każ, ir-rimborż mill-BĊE ta’ spejjeż imġarrba mill-applikant m’għandux jaqbeż EUR 50 000 għal kull rieżami individwali mill-Bord Amministrattiv.

F’każijiet fejn il-Kunsill Governattiv jissotitwixxi d-deċiżjoni inizjali b’deċiżjoni ta’ kontenut identiku jew jemenda biss il-parti mhux operattiva tad-deċiżjoni inizjali bħala konsegwenza tal-avviż ta’ rieżami, u f’każijiet fejn il-Bord Amministrattiv jiddikjara talba għal rieżami bħala inammissibbli, l-applikant għandu jikkontribwixxi għall-ispejjeż imġarrba mill-BĊE fil-kuntest tar-rieżami. Il-persuni fiżiċi għandhom iħallsu somma f’daqqa ta’ EUR 500. Il-persuni ġuridiċi għandhom iħallsu somma f’daqqa ta’ EUR 5 000. Il-ħlas ta’ din is-somma f’daqqa jibqa’ mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 ta’ din id-Deċiżjoni.

F’każijiet fejn l-applikant jirtira avviż ta’ rieżami skont l-Artikolu 7(6) ta’ din id-Deċiżjoni, kif ukoll f’każijiet fejn dan ikun iġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi, l-applikant u l-BĊE għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, jekk ikun hemm.

”