15.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 506/74


P9_TA(2021)0156

Il-Bolivja u l-arrest tal-ex President Jeanine Añez u ta' uffiċjali oħra

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2021 dwar il-Bolivja u l-arrest tal-ex President Jeanine Añez u ta' uffiċjali oħra (2021/2646(RSP))

(2021/C 506/11)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja (1),

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-Unjoni Ewropea tat-23 ta' Ottubru 2020 dwar l-elezzjonijiet ġenerali fil-Bolivja, u d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tiegħu tal-14 ta' Marzu 2021 dwar l-aħħar żviluppi fil-Bolivja,

—

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) tas-16 ta' Marzu 2021 dwar ir-rispett tal-istandards Inter-Amerikani għal proċess ġust u aċċess għall-ġustizzja fil-Bolivja,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni attribwibbli lill-Kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bolivja, tat-13 ta' Marzu 2021,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), tal-15 u s-17 ta' Marzu 2021, dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja,

—

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Politika tal-Bolivja,

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (il-Patt ta' San José),

—

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi s-sitwazzjoni politika u soċjali fil-Bolivja għadha ta' tħassib serju mill-elezzjonijiet presidenzjali tal-20 ta' Ottubru 2019; billi mill-inqas 35 ruħ mietu u 833 ndarbu fil-kuntest tal-protesti mifruxa u vjolenti, u ħafna oħrajn ġew detenuti bi ksur tar-regoli ta' proċess ġust, fost rapporti ta' vjolazzjonijiet u abbużi mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-President Evo Morales irriżenja minn President u telaq mill-pajjiż; billi diversi riżenji wasslu għal vojt fil-poter, u t-Tieni Viċi President tas-Senat Jeanine Áñez assumiet il-presidenza ad interim f'konformità mal-kostituzzjoni; billi t-Tribunal Plurinazzjonali Kostituzzjonali tal-Bolivja (TCP) approva l-presidenza ad interim ta' Jeanine Áñez;

B.

billi wara l-mandat kostituzzjonali tagħhom, Jeanine Áñez u l-awtoritajiet ad interim ħadu l-passi meħtieġa biex jorganizzaw elezzjonijiet ġodda demokratiċi, inklużivi, trasparenti u ġusti, li saru f'Ottubru 2020 minkejja l-isfidi li rriżultaw mill-COVID-19; billi Luis Arce mill-partit MAS rebaħ il-Presidenza, u ġie rikonoxxut bħala tali minn Jeanine Áñez, kif ukoll mill-komunità internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea, u b'hekk ġie żgurat trasferiment tal-poter trasparenti u paċifiku;

C.

billi f'dawn l-aħħar xhur il-kanċellazzjoni jew l-irtirar ta' diversi proċessi kontra s-sostenituri tal-MAS ġew ikkonfermati, filwaqt li żdied it-theddid ta' persekuzzjoni ġudizzjarja tal-politiċi li jopponu lill-Gvern tal-MAS; billi fit-18 ta' Frar 2021, id-Digriet Suprem 4461, li huwa vag, ġie approvat mill-Assemblea Plurinazzjonali, u dan ta amnestija ġenerali u maħfra lis-sostenituri tal-gvern tal-President Arce li ġew ipproċessati matul l-amministrazzjoni ta' Áñez għal reati relatati mal-“kriżi politika” li bdiet f'Ottubru 2019;

D.

billi fit-13 ta' Marzu 2021 Jeanine Áñez, tnejn mill-ministri tagħha, l-ex Ministru għall-Enerġija Rodrigo Guzmán u l-ex Ministru tal-Ġustizzja Álvaro Coimbra, u individwi oħra li ffurmaw il-gvern ad interim mill-2019 sal-2020 ġew detenuti fuq akkużi ta' “terroriżmu, sedizzjoni u konfoffa”, u l-prosekuturi qed jakkużawhom li ħadu sehem f'kolp ta' stat fl-2019; billi l-arrest preventiv tagħhom ġie estiż għal sitt xhur, u l-ex President Áñez qed tiffaċċja 24 sena ħabs jekk tinstab ħatja; billi mandat ta' arrest għadu pendenti għal tliet ex ministri oħra; billi l-ex President Jeanine Áñez inizjalment ġiet miċħuda assistenza medika waqt id-detenzjoni;

E.

billi l-prosekuturi ressqu akkużi abbażi ta' lment minn ex Membru tal-Kungress tal-MAS, u jallegaw li l-individwi msemmija hawn fuq “ippromwovew, mexxew, appoġġjaw u kienu membri” ta' organizzazzjonijiet li l-objettiv tagħhom kien li jkissru l-“ordni kostituzzjonali” tal-Bolivja; billi l-prosekuturi akkużaw lil Jeanine Áñez bħala President ad interim iżda mhux bħala ċivili jew fil-kapaċità ta' kwalunkwe rwol pubbliku ieħor; billi l-Artikoli 159(11), 160(6), 161(7) u 184 (4) tal-Kostituzzjoni tal-2009 u l-Liġi tat-8 ta' Ottubru 2010 jipprevedu proċedura speċjali għall-proċess tal-President, tal-Viċi President u tal-awtoritajiet għolja ta' tribunali differenti; billi l-proċedura ġudizzjarja kontra l-President Áñez, segwita bil-prosekuzzjoni, ma tikkonformax mad-dritt kostituzzjonali Bolivjana; billi l-evidenza fid-dokumentazzjoni ta' akkumpanjament ma tidhirx li hi ċara;

F.

billi dawk akkużati b'dawn ir-reati kriminali jallegaw li qed jiġu ppersegwitati; billi dawk li ġew arrestati s'issa jsostnu li ma ġewx debitament notifikati dwar l-akkużi, għalkemm l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali saħaq li l-mandati ta' arrest inħarġu f'konformità mal-liġi u mingħajr ma nkisru d-drittijiet tad-detenuti; billi l-Uffiċċju tal-Ombudsperson iddeċieda li jimmonitorja l-azzjonijiet tal-Pulizija tal-Bolivja u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku biex jiżgura li l-proċess ġust u d-dritt għal difiża tal-individwi arrestati kienu qed jiġu rispettati;

G.

billi l-Artikolu 3 tal-Karta Demokratika Inter-Amerikana jiddefinixxi s-separazzjoni u l-indipendenza tal-poteri pubbliċi bħala element essenzjali tad-demokrazija rappreżentattiva; billi l-Artikolu 8 tal-Patt ta' San José jenfasizza l-garanziji ġudizzjarji u l-proċess ġust; billi diversi organizzazzjonijiet internazzjonali esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-abbuż tal-mekkaniżmi ġudizzjarji fil-Bolivja, u dwar il-fatt li qed jintużaw dejjem aktar bħala strumenti ripressivi mill-partit fil-gvern; billi l-President il-ġdid Arce wiegħed li matul il-gvern tiegħu mhu se jkun hemm l-ebda pressjoni politika fuq il-prosekuturi u l-imħallfin;

H.

billi l-kredibilità tas-sistema ġudizzjarja Bolivjana qed tiġi affettwata minn rapporti kontinwi ta' nuqqas ta' indipendenza, interferenza politika mifruxa u korruzzjoni;

I.

billi l-IACHR saħqet li ċerti liġijiet Bolivjani kontra t-terroriżmu jiksru l-prinċipju tal-legalità minħabba li jinkludu, fost affarijiet oħra, definizzjoni komprensiva tat-terroriżmu li inevitabbilment hija wisq wiesgħa jew vaga; billi l-istati għandhom jirrispettaw il-prinċipju tal-legalità meta jkunu qed jiddefinixxu r-reati; billi l-ilmenti mressqa quddiem it-TCP li jitolbu bi dritt li l-Artikolu 123 tal-Kodiċi Kriminali dwar ir-reat tas-sedizzjoni, u l-Artikolu 133 tiegħu dwar it-terroriżmu, jiġu ddikjarati bħala mhux kostituzzjonali talli allegatament jiksru l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kostituzzjoni Bolivjana, qed jistennew riżoluzzjoni mit-TCP;

J.

billi l-UE ilha żmien twil sieħba tal-Bolivja, u għandha tkompli tappoġġja l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħha, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħha; billi l-UE qdiet rwol importanti bħala faċilitatur fil-paċifikazzjoni tal-pajjiż fl-2019 u l-2020, u b'appoġġ għall-elezzjonijiet;

1.

Jiddenunzja u jikkundanna d-detenzjoni arbitrarja u illegali tal-ex President ad interim Áñez, tnejn mill-Ministri tagħha, u priġunieri politiċi oħra; jistieden lill-awtoritajiet Bolivjani jeħilsuhom minnufih u jwaqqgħu l-akkużi motivati politikament li saru kontrihom; jitlob li jkun hemm qafas ta' ġustizzja trasparenti u imparzjali ħielsa mill-pressjoni politika, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jipprovdu l-assistenza medika kollha meħtieġa biex jiżguraw il-benesseri tagħhom;

2.

Jissottolinja li l-ex President Áñez ikkonformat bis-sħiħ mad-dmir tagħha skont il-Kostituzzjoni Bolivjana bħala t-Tieni Viċi President tas-Senat meta kienet qed timla l-vojt presidenzjali kkawżat mir-riżenja tal-ex President Evo Morales wara l-irvellijiet vjolenti li ġew skattati minħabba l-attentat ta' frodi elettorali; jenfasizza li t-Tribunal Plurinazzjonali tal-Bolivja approva t-trasferiment tal-poter lil Jeanine Áñez; jinnota li l-elezzjonijiet tat-18 ta' Ottubru 2020 saru mingħajr inċidenti u b'garanziji demokratiċi sħaħ;

3.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' indipendenza u imparzjalità tas-sistema ġudizzjarja Bolivjana u l-prevalenza ta' problemi strutturali; jinnota li dan in-nuqqas ta' indipendenza jaffettwa l-aċċess għall-ġustizzja, u, b'mod aktar ġenerali, inaqqas il-fiduċja taċ-ċittadini fis-sistema tal-ġustizzja nazzjonali; jikkundanna l-pressjoni politika mpoġġija fuq il-ġudikatura biex tippersegwita l-avversarji politiċi, u jissottolinja l-importanza li jiġu rispettati l-garanziji ta' proċess ġust u li jiġi żgurat li l-ġudikatura tkun ħielsa minn kull pressjoni politika; jisħaq li l-vittmi jistħoqqilhom ġustizzja reali u imparzjali, u li dawk kollha responsabbli għandhom jinżammu responsabbli, mingħajr ma tingħata l-ebda amnestija jew maħfra minħabba l-opinjoni politika tagħhom; jitlob ir-rispett sħiħ tal-indipendenza tal-fergħat tal-poter u t-trasparenza sħiħa fil-proċedimenti legali kollha;

4.

Jenfasizza li l-proċedimenti ġudizzjarji kollha jridu jitmexxew b'rispett sħiħ tal-prinċipju ta' proċess ġust minqux fid-dritt internazzjonali; jenfasizza li għandhom jipprovdu garanziji ġudizzjarji, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja u l-aċċess għall-ġustizzja, bħala parti minn sistema tal-ġustizzja indipendenti u imparzjali li tkun ħielsa mill-indħil minn istituzzjonijiet statali oħra;

5.

Iħeġġeġ lill-Bolivja twettaq bidliet u riformi strutturali fis-sistema ġudizzjarja mingħajr dewmien, b'mod partikolari fil-kompożizzjoni tagħha, sabiex tiżgura l-garanziji ta' proċessi ġusti u kredibbli, imparzjalità u proċess ġust; jistieden lill-Gvern Bolivjan jindirizza l-problema mifruxa tal-korruzzjoni fil-pajjiż; jistieden lill-Gvern Bolivjan jemenda l-artikoli fil-Kodiċi Kriminali dwar id-delitti ta' sedizzjoni u terroriżmu, li jinkludu definizzjonijiet wiesgħa żżejjed tat-terroriżmu, u b'hekk iwasslu għal ksur possibbli tal-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità;

6.

Jistieden lill-Prosekutur Pubbliku tal-Bolivja jerġa' jiftaħ l-investigazzjoni dwar l-allegat kanalizzar mill-gvern ta' Morales ta' USD 1,6 miljun f'fondi pubbliċi permezz ta' pagamenti irregolari lill-kumpanija ta' konsulenza Neurona;

7.

Ifakkar fl-indispensabilità ta' kanali ta' djalogu mtejba u effettivi fil-qafas tal-istituzzjonijiet Bolivjani sabiex jiġu promossi l-valuri demokratiċi, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet Bolivjani jmexxu proċess ta' rikonċiljazzjoni bil-għan li jdgħajfu t-tensjoni u l-ostilità li hemm moħbija fis-soċjetà Bolivjana;

8.

Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni soċjali u politika mwiegħra li ilha tevolvi u tiddeterjora fil-Bolivja mill-2019, u jiddeplora profondament it-traġedja li waqgħet fuq il-vittmi kollha tad-diżordni fil-Bolivja, min-naħat kollha; jissottolinja l-ħtieġa kritika li l-karattru plurietniku u plurilingwi għalkollox legali tal-istat jiġi rispettat; jistieden lill-Bolivja twettaq bidliet u riformi strutturali, inkluża l-ħatra ta' Ombudsperson indipendenti u imparzjali, biex tindirizza l-kawżi ewlenin tal-kriżijiet li faqqgħu fil-pajjiż;

9.

Jemmen li l-UE u l-Bolivja għandhom ikomplu u jsaħħu l-impenn u d-djalogu tagħhom fil-kuntest tan-negozjati SĠP +, peress li l-Bolivja hija l-uniku pajjiż fil-Komunità Andina li m'għandux ftehim mal-UE; jemmen li l-UE għandha tkompli tappoġġja lill-Bolivja, u tkun lesta timpenja ruħha aktar, dment li jittieħdu passi ċari biex tittejjeb is-sitwazzjoni u dment li d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern tal-Bolivja, lill-Qorti Kostituzzjonali Plurinazzjonali tal-Bolivja, lill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Parlament Andin u lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2019)0077.