SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

27 ta’ April 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Pensjoni tal-irtirar – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, b’effett retroattiv, l-assimilazzjoni ta’ kategorija ta’ uffiċjali preċedentement vantaġġata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar ma’ kategorija ta’ uffiċjali preċedentement żvantaġġata minn din l-istess leġiżlazzjoni”

Kawża C‑681/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Novembru 2021, fil-proċedura

Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter, Eisenbahnen und Bergbau (BVAEB)

vs

BB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal BB, minn M. Riedl, Rechtsanwalt,

–

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u F. Werni, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) u (2)(a), kif ukoll tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter, Eisenbahnen und Bergbau (il-BVAEB) (il-Fond tal-Mard għall-Uffiċjali u Membri tal-Persunal tal-Awtoritajiet Pubbliċi, tal-Linji tal-Ferroviji u tas-Settur tal-Mini, l-Awstrija) u, min-naħa l-oħra, BB dwar l-iffissar tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ din tal-aħħar.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Skop”, jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji […]

[…]”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

6

Skont l-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”:

“1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

[…]

2.   Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”

7

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Id-difiża ta’ drittijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat.”

8

L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-konformità”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li:

a)

kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huma aboliti;

b)

kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija inkluża fil-kuntratti ta’ ftehim kollettiv, ir-regoli interni ta’ impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet indipendenti u l-professjonijiet u organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema u ta’ dawk li jħaddmu huma, jew jistgħu jiġu, ddikjarati nulli u bla effett jew jiġu emendati.”

Id‑dritt Awstrijak

9

L-Allgemeines Pensionsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar il-Pensjonijiet), tal‑15 ta’ Diċembru 2004 (BGBl. I, 142/2004), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“APG”), tapplika għall-uffiċjali li twieldu mill‑1 ta’ Jannar 1955.

10

L-Artikolu 39 tal-Bundesgesetz über die Pensionsansprüche der Bundesbeamten, ihrer Hinterbliebenen und Angehörigen (Pensionsgesetz 1965) (il-Liġi federali dwar id-Drittijiet għall-Pensjoni tal-Uffiċjali Federali, tas-Superstiti Tagħhom u tal-Membri tal-Familja tagħhom, (il-“Liġi dwar il-Pensjonijiet tal‑1965)) tat‑18 ta’ Novembru 1965 (BGBl. 340/1965) (iktar ’il quddiem il-“PG tal‑1965”), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-liġi tat‑30 ta’ Diċembru 2010 (BGBl. I, 111/2010) (iktar ’il quddiem il-“PG tal‑2010”), intitolat “Rimbors ta’ benefiċċji rċevuti indebitament”, kien jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Benefiċċji rċevuti indebitament (ammonti żejda) għandhom, sa fejn dawn ma jkunux ġew irċevuti in bona fide, jiġu rrimborsati lill-Istat Federali.”

11

L-Artikolu 41 tal-PG tal‑2010 huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-emendi ta’ din il-liġi federali li la jemendaw l-ammont tal-benefiċċji skont din l-istess liġi u lanqas il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal dawn il-benefiċċji japplikaw ukoll fir-rigward tal-persuni li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, għandhom dritt għal benefiċċji ta’ kull xahar fi flus taħt din l-istess liġi. L-emendi tar-regoli tal-kalkolu jew tal-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għall-benefiċċji japplikaw biss fir-rigward tal-persuni li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, għandhom dritt għal benefiċċji skont din il-liġi federali, unikament fil-każ ta’ dispożizzjoni espressa f’dan is-sens.

2.   Il-pensjonijiet tal-irtirar u l-pensjonijiet tas-superstiti dovuti skont din il-liġi, bl-eċċezzjoni tal-allowance komplementari tal-livell tal-ħajja prevista fl-Artikolu 26, għandhom jiġu aġġustati fl-istess mument u bl-istess mod bħall-pensjonijiet li jaqgħu taħt l-iskema statutorja ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni,

1) meta d-dritt għall-pensjoni jkun diġà ġie kkostitwit qabel l‑1 ta’ Jannar tas-sena kkonċernata

2) meta dawn ikunu dderivati mill-pensjonijiet tal-irtirar li għalihom ikun ġie kkostitwit dritt qabel l‑1 ta’ Jannar tas-sena kkonċernata.

B’deroga għall-ewwel sentenza, l-ewwel aġġustament ta’ pensjoni tal-irtirar isir biss b’effett mill‑1 ta’ Jannar tat-tieni sena kalendarja wara l-kisba tad-dritt għall-pensjoni tal-irtirar.

3.   Il-metodu ta’ aġġustament tal-pensjonijiet stabbilit fl-Artikolu 634(12) tal-[Allgemeines Sozialversicherungsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali), tad‑9 ta’ Settembru 1955 (BGBl. 189/1955), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“ASVG”)] għas-sena kalendarja 2010 japplika, għall-uffiċjali li twieldu qabel l‑1 ta’ Jannar 1955 li kienu fis-servizz fil‑31 ta’ Diċembru 2006, waqt l-ewwel tliet aġġustamenti tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom, jew tal-pensjonijiet tas-superstiti li jirriżultaw minnhom, ħlief jekk, għas-sena kalendarja kkunsidrata, tapplika dispożizzjoni li tidderoga mill-Artikolu 108(1) tal-ASVG.”

12

L-Artikolu 41(3) tal-PG tal‑1965, kif emendat mit‑2. Dienstrechts-Novelle 2018 (it-Tieni Liġi li Temenda s-Servizz Pubbliku tal‑2018), tat‑22 ta’ Diċembru 2018 (BGB1. I, 102/2018) (iktar ’il quddiem il-“PG tal‑2018”), jipprovdi:

“Il-metodu ta’ aġġustament tal-pensjonijiet stabbilit fl-Artikolu 634(12) tal-ASVG għas-sena kalendarja 2010 japplika, għall-uffiċjali li twieldu qabel l‑1 ta’ Jannar 1955 li kienu fis-servizz fil‑31 ta’ Diċembru 2006, kif ukoll għal dawk li għalihom japplika l-Artikolu 99(6), waqt l-ewwel tliet aġġustamenti tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom, jew tal-pensjonijiet tas-superstiti li jirriżultaw minnhom, ħlief jekk, għas-sena kalendarja kkunsidrata, tkun tapplika dispożizzjoni derogatorja għall-Artikolu 108(1) tal-ASVG.”

13

L-Artikolu 99 tal-PG tal‑1965, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-liġi tas‑27 ta’ Diċembru 2013 (BGBl. I, 210/2013) (iktar ’il quddiem il-“PG tal‑2013”), intitolat “Kalkolu parallel”, kien ifformulat kif ġej:

“1.   It-Taqsima XIII tapplika biss għall-uffiċjali li twieldu wara l‑31 ta’ Diċembru 1954 u qabel l‑1 ta’ Jannar 1976, li ġew irreklutati fis-servizz pubbliku federali qabel l‑1 ta’ Jannar 2005 u li jkunu fis-servizz fil‑31 ta’ Diċembru 2004.

2.   L-uffiċjal ma jibbenefikax mill-pensjoni tal-irtirar jew mill-pensjoni ta’ għalliem tat-tielet ċiklu kkalkolata skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi federali ħlief sa fejn jikkorrispondi għall-perċentwali, imsemmija fl-Artikolu 7 jew fl-Artikolu 90(1), li jirriżulta mit-tul totali tal-karriera li tagħti dritt għal pensjoni li huwa jkun wettaq sal‑31 ta’ Diċembru 2004.

3.   Minbarra l-pensjoni tal-irtirar jew il-pensjoni ta’ għalliem tat-tielet ċiklu, pensjoni hija kkalkolata għall-uffiċjal b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-[APG] u tal-Artikolu 6(3) u tal-Artikolu 15(2) ta’ din il-liġi, kif kienet fis-seħħ fil‑31 ta’ Diċembru 2013 L-Artikolu 15 u l-Artikolu 16(5) tal-[APG] ma humiex applikabbli. Skont [din il-liġi] il-pensjoni dovuta hija ekwivalenti għad-differenza bejn il-perċentwali indikat fit-tieni paragrafu u 100 %.

4.   Il-perijodi vvalidati skont l-Artikolu 9 ma jittieħdux inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-paragrafi 2, 3 u 6. F’dak li jirrigwarda l-perijodi kkunsidrati, huwa ż-żmien effettiv li fih twettaq il-perijodu kkunsidrat li huwa determinanti.

5.   Il-pensjoni totali tal-uffiċjal għandha tikkonsisti mill-pensjoni proporzjonali msemmija fil-paragrafu 2 u mill-pensjoni proporzjonali msemmija fil-paragrafu 3.

6.   Ma hemmx lok li wieħed jipproċedi għal kalkolu parallel jekk it-tul totali tal-karriera li tagħti dritt għal pensjoni li twettaq b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2005 jirrappreżenta inqas minn 5 % tal-karriera totali li tagħti dritt għal pensjoni jew jekk huwa inqas minn 36 xahar. F’dan il-każ, il-pensjoni hija kkalkolata konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi federali, bl-eċċezzjoni ta’ din it-taqsima.”

14

L-Artikolu 634 tal-PG tal-ASVG, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-liġi tat‑23 ta’ Mejju 2013 (BGBl. I, 81/2013), jipprovdi:

“B’deroga mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(1), il-Ministru Federali għall-Affarijiet Soċjali u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi għandu jaġġusta, fir-regolament imsemmi fl-Artikolu 108(5) għas-snin kalendarji 2009 u 2010, il-pensjonijiet b’mod li:

1)

il-pensjonijiet li ma jaqbżux 60 % tal-bażi tal-kontribuzzjonijiet massimi msemmija fl-Artikolu 45 jiġu mmultiplikati bil-fattur 1.034 għas-sena kalendarja 2009 u bil-fattur ta’ aġġustament għas-sena kalendarja 2010, u

2)

il-pensjonijiet l-oħra kollha jiżdiedu b’ammont fiss ugwali għaż-żieda li tirriżulta mill-applikazzjoni, għal 60 % tal-bażi tal-kontribuzzjonijiet massimi msemmija fl-Artikolu 45, tal-fattur 1.034 għas-sena kalendarja 2009 u tal-fattur ta’ aġġustament għas-sena kalendarja 2010.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

15

BB, li twieldet matul is-sena 1946, irtirat mis-servizz pubbliku fil‑31 ta’ Diċembru 2011.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Mejju 2012, il-BVAEB stabbilixxa l-pensjoni tal-irtirar tagħha għal ammont gross fix-xahar ta’ EUR 3 079.57.

17

B’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014, il-pensjoni tal-irtirar ta’ BB ġiet aġġustata u miżjuda għal ammont mensili gross ta’ EUR 3 128.84, konformement mal-Artikolu 41(2) tal-PG tal‑2010.

18

Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Mejju 2015, BB ikkontestat, mal-BVAEB, l-applikazzjoni tal-Artikolu 41(3) tal-PG tal‑2010 fil-kuntest taż-żieda tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tagħha għas-sena 2015, billi talbet li jiġi kkonstatat permezz ta’ deċiżjoni l-ammont gross fix-xahar tal-pensjoni tal-irtirar li għaliha hija kienet intitolata mill‑1 ta’ Jannar 2015 u li jitħallsu lilha l-arretrati tal-pensjoni tal-irtirar. F’dan ir-rigward, BB sostniet b’mod partikolari li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kienet tmur kontra l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, sa fejn kienet tiżvantaġġa lill-uffiċjali ta’ età ikbar (li twieldu qabel l‑1 ta’ Jannar 1955) meta mqabbla mal-uffiċjali ta’ età iżgħar (li twieldu mill‑1 ta’ Jannar 1955) fir-rigward taż-żieda tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Ġunju 2015, il-BVAEB iffissa l-pensjoni tal-irtirar ta’ BB, abbażi tal-Artikolu 41(1),(2) u (3) tal-PG tal‑2010, għal ammont gross fix-xahar ta’ EUR 3 176.27 b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2015. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat l-assenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, minħabba li l-uffiċjali li twieldu mill‑1 ta’ Jannar 1955 huma suġġetti għas-sistema inqas favorevoli tal-“kalkolu parallel” prevista fl-Artikolu 99 tal-PG tal‑2013, li jipprovdi li l-iffissar tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar tagħhom isir, fir-rigward tal-perijodi ta’ assigurazzjoni miksuba qabel is-sena 2005, konformement mal-PG tal‑1965 u, fir-rigward tal-perijodi ta’ assigurazzjoni miksuba mis-sena 2005, skont l-APG, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ servizz imwettqa sabiex dan l-ammont jiġi aġġustat abbażi ta’ dan.

20

Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Awwissu 2016, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn BB kontra d-deċiżjoni tal-BVAEB tal‑24 ta’ Ġunju 2015, minħabba li l-limitu massimu tal-aġġustament tal-pensjonijiet previst fl-Artikolu 41(3) tal-PG tal‑2010, li japplika biss għall-uffiċjali li twieldu qabel l‑1 ta’ Jannar 1955, kien konformi mad-Direttiva 2000/78. Il-fatt li l-uffiċjali li twieldu wara l‑1 ta’ Jannar 1955 ikunu suġġetti, għad-determinazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom, għal kalkolu parallel inqas favorevoli, jiġġustifika d-differenza fit-trattament eżistenti.

21

Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, wara r-rikors għal reviżjoni ppreżentat minn BB, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) annullat l-imsemmija sentenza u ddeċidiet li tibgħat il-kawża lura quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), għar-raġuni li l-Artikolu 41(3) tal-PG tal‑2010 kien jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età mhux iġġustifikata għall-uffiċjali mwielda qabel l‑1 ta’ Jannar 1955, sa fejn il-“kalkolu parallel” ma kienx japplika għall-uffiċjali kollha mwielda wara l‑31 ta’ Diċembru 1954, b’mod partikolari għal dawk li t-tul totali tagħhom tal-perijodi li jagħtu dritt għal pensjoni miksuba mill‑1 ta’ Jannar 2005 huwa ugwali għal inqas minn 5 % tat-tul tal-karriera meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-irtirar jew huwa inqas minn 36 xahar, skont l-Artikolu 99(6) tal-PG tal‑2013.

22

Il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) irrilevat li, skont l-Artikolu 41(3) tal-PG tal‑2010 u l-Artikolu 99(1) u (6) tal-PG tal‑2013, kienu jeżistu tliet kategoriji ta’ uffiċjali rtirati, kull waħda suġġetta għal sistema differenti ta’ aġġustament tal-pensjonijiet tal-irtirar: l-ewwel kategorija, li kienet tinkludi l-uffiċjali li twieldu qabel l‑1 ta’ Jannar 1955 li l-aġġustament tal-pensjonijiet tagħhom kellu limitu massimu matul l-ewwel tliet snin ta’ ġbir, konformement mal-Artikolu 41(3) tal-PG tal‑2010; it-tieni kategorija, li kienet tinkludi l-uffiċjali mwielda mill‑1 ta’ Jannar 1955, li fir-rigward tagħhom kien hemm lok li jsir, konformement mal-Artikolu 99(1) tal-PG tal‑2013, kalkolu parallel, u t-tielet kategorija, li kienet tinkludi l-uffiċjali li wkoll twieldu mill‑1 ta’ Jannar 1955, iżda li għalihom ma kien hemm lok li jsir la aġġustament b’limitu massimu tal-pensjoni u lanqas kalkolu parallel, skont l-Artikolu 99(6) tal-PG tal‑2013 (iktar ’il quddiem it-“tielet kategorija”).

23

Permezz ta’ sentenza ta’ sostituzzjoni (Ersatzerkenntnis) tad‑9 ta’ Ottubru 2018, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) laqgħet ir-rikors ta’ BB imsemmi fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, billi kkonstatat li hija kellha dritt, mill‑1 ta’ Jannar 2015, għal pensjoni tal-irtirar ta’ ammont mensili gross ta’ EUR 3 182.03 kif ukoll għall-ħlas tal-arretrati tal-pensjoni korrispondenti, peress li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 kien jipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 41(3) tal-PG tal‑2010 għall-pensjoni tal-irtirar inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

24

Il-PG tal‑2018 emendat l-Artikolu 41(3) tal-PG tal‑2010, b’effett retroattiv mill‑1 ta’ Jannar 2011. Billi tinkludi l-uffiċjali li għalihom japplika l-Artikolu 99(6) tal-PG tal‑2013, b’mod retroattiv, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 41(3) tal-PG tal‑2018, din il-verżjoni l-ġdida tal-PG tal‑1965 kienet intiża li telimina t-tielet kategorija, billi tintegraha fl-ewwel kategorija msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, li hija s-suġġett ta’ aġġustament tal-pensjonijiet tal-irtirar b’limitu massimu ratione temporis.

25

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2019, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors għal reviżjoni ppreżentat mill-BVAEB kontra s-sentenza ta’ sostituzzjoni (Ersatzerkenntnis) tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tad‑9 ta’ Ottubru 2018.

26

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2019, il-BVAEB ikkonstata, wara talba ġdida ta’ BB imressqa fis‑17 ta’ Lulju 2019, li din tal-aħħar kellha dritt għal pensjoni tal-irtirar fl-ammont mensili gross ta’ EUR 3176,27 mill‑1 ta’ Jannar 2015, ta’ EUR 3 211.26 mill‑1 ta’ Jannar 2016, ta’ EUR 3 236.95 mill‑1 ta’ Jannar 2017, ta’ EUR 3 288.74 mill‑1 ta’ Jannar 2018, u ta’ EUR 3 354.52 mill‑1 ta’ Jannar 2019, peress li l-Artikolu 41(3) tal-PG tal‑2018 kien temm, b’effett retroattiv, is-sitwazzjoni diskriminatorja kkonstatata mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Ottubru 2017 imsemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza. Skont din id-dispożizzjoni, l-aġġustament b’limitu massimu tal-pensjoni tal-irtirar japplika wkoll għall-uffiċjali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 99(6) tal-PG tal‑2013, li qabel kienu ġew eżentati minn dan l-aġġustament. Barra minn hekk, il-BVAEB qies li BB kellha tirrimborsa lill-Istat l-ammont żejjed ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ EUR 84.24 għall-perijodu mix-xahar ta’ Jannar sax-xahar ta’ Awwissu 2019; għall-kuntrarju, l-ammonti tal-pensjoni żejda rċevuti minn BB matul il-perijodu ta’ qabel ix-xahar ta’ Diċembru 2018 kienu in bona fide.

27

Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Ġunju 2020, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), adita mill-ġdid minn BB, laqgħet ir-rikors ippreżentat minnha kontra d-deċiżjoni indikata fil-punt preċedenti, minħabba li l-Artikolu 41(3) tal-PG tal‑2018 kien għadu jikser l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, il-modifika leġiżlattiva adottata abbażi tal-PG tal‑2018 ma biddlitx is-sitwazzjoni tal-uffiċjali li twieldu qabel l‑1 ta’ Jannar 1955, li baqgħu żvantaġġati, b’tali mod li d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età baqgħet teżisti. Fid-dawl tal-awtorità ta’ res judicata, din il-qorti madankollu ċaħdet dan ir-rikors fir-rigward tas-sena 2015. Għalhekk hija ddeċidiet li BB kellu dritt għal pensjoni tal-irtirar ta’ ammont gross fix-xahar ta’ EUR 3 217.02 mill‑1 ta’ Jannar 2016, ta’ EUR 3 242.76 mill‑1 ta’ Jannar 2017, ta’ EUR 3 294.64 mill‑1 ta’ Jannar 2018, ta’ EUR 3 360.53 mill‑1 ta’ Jannar 2019 u ta’ EUR 3 421.02 mill‑1 ta’ Jannar 2020, liema ammonti ma kinux jikkostitwixxu ammonti żejda.

28

Sussegwentement, il-BVAEB ippreżenta rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva).

29

F’dan il-kuntest, din il-qorti tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà, mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-Artikolu 41(3) tal-PG tal‑2018, li permezz tiegħu l-kategorija ta’ uffiċjali preċedentement vantaġġata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fir-rigward tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar tagħhom (iktar ’il quddiem il-“kategorija preċedentement vantaġġata”), ġiet assimilata mal-kategorija ta’ uffiċjali preċedentement żvantaġġati minn din l-istess leġiżlazzjoni (iktar ’il quddiem il-“kategorija preċedentement żvantaġġata”).

30

Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi, minn naħa, jekk din id-dispożizzjoni hijiex konformi mal-obbligu, li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2019, Safeway (C‑171/18, EU:C:2019:839, punti 34 u 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li titwettaq l-eliminazzjoni immedjata u kompleta ta’ diskriminazzjoni kkonstatata, kif ukoll mal-projbizzjoni tat-tneħħija, għall-passat, tal-vantaġġi li minnhom kienet tibbenefika l-kategorija preċedentement vantaġġata. Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi dwar il-possibbiltà li din il-ġurisprudenza tiġi trasposta għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

31

In-neċessità li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti u tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-kategorija preċedentement vantaġġata tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, b’mod partikolari mis-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019,Leitner, (C‑396/17, EU:C:2019:375, punt 49). Issa, f’dan il-każ, huma preċiżament id-drittijiet kweżiti tal-kategorija preċedentement vantaġġata li ma humiex protetti mill-Artikolu 41(3) tal-PG tal‑2018.

32

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tat‑28 ta’ Jannar 2015, Starjakob (C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 49), li ma hemmx neċessarjament lok, fil-każijiet kollha ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li jingħata kumpens finanzjarju li jikkorrispondi għad-differenza tal-ammonti tal-benefiċċji skont jekk teżistix jew le diskriminazzjoni. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk din il-ġurisprudenza tistax tiġi trasposta għal ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, id-drittijiet kweżiti tal-uffiċjali li jaqgħu taħt il-kategorija preċedentement vantaġġata kienu ġew ippreżervati, kuntrarjament għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

33

Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni dwar jekk huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni li emenda ta’ dispożizzjoni nazzjonali, b’effetti retroattivi, fl-aħħar mill-aħħar tqiegħed il-kategorija preċedentement vantaġġata fuq livell ta’ ugwaljanza mal-kategorija preċedentement żvantaġġata, bit-tneħħija tal-element li wassal għad-differenza fit-trattament b’tali mod li l-persuni li preċedentement kienu suġġetti għal diskriminazzjoni abbażi tal-età ma jkollhom ebda dritt finanzjarju.

34

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li d-dritt għal rimedju effettiv huwa ggarantit mhux biss mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea iżda wkoll mid-Direttiva 2000/78, li l-Artikolu 9 tagħha jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna li tqis li ġiet iddiskriminata tkun tista’ tinvoka d-drittijiet tagħha. Issa, id-dritt għal rimedju effettiv jiġi mċaħħad minn kull effettività sa fejn jitqies li hija konformi mad-dritt tal-Unjoni l-emenda ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi eliminata b’mod retroattiv diskriminazzjoni bbażata fuq l-età mingħajr ma tiġi ggarantita lill-persuni ddiskriminati l-possibbiltà li jibbenefikaw minn kumpens finanzjarju li jikkorrispondi għall-ħlas tad-drittijiet pekunjarji li huma jkunu kisbu fl-assenza tad-diskriminazzjoni inkwistjoni.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 2(1) u (2)(a) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [2000/78], kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ żamma tad-drittijiet kweżiti u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali – bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali – li tipprovdi li, abbażi ta’ aġġustament tal-pensjonijiet, uffiċjali ta’ kategorija preċedentement vantaġġata ma jibbenefikawx iktar, retroattivament, mill-ammonti ta’ pensjonijiet li kellhom dritt għalihom, u li, b’dan il-mod (tneħħija retroattiva tal-kategorija preċedentement vantaġġata permezz tal-ekwiparazzjoni mal-kategorija preċedentement żvantaġġata), għandha bħala effett li l-kategorija ta’ uffiċjali li kienu preċedentement żvantaġġati ma jibbenefikawx (iktar), wara l-aġġustament tal-pensjonijiet, minn ammonti ta’ pensjonijiet li kien ikollhom dritt għalihom minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li kienet diġà ġiet ikkonstatata (ripetutament) mill-qrati minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-ekwiparazzjoni mal-kategorija preċedentement vantaġġata?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja

36

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Lulju 2022, tressqet talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju fejn talbitha tippreċiża, fid-dawl tal-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari, b’liema mod preċiż ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula, sa fejn din tal-aħħar hija bbażata fuq il-premessa ta’ applikazzjoni retroattiva tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, hija utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

37

Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Settembru 2022, il-qorti tar-rinviju wieġbet għal din it-talba għal informazzjoni billi tenniet, qabelxejn, l-espożizzjoni tar-raġunijiet li juru r-rilevanza tat-talba għal deċiżjoni preliminari għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Sussegwentement hija sostniet, l-ewwel, li hija għandha, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, tiddetermina jekk l-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar li l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) stabbilixxiet bħala dovut lil BB għas-snin 2015 sa 2018, minn naħa, u mill‑1 ta’ Jannar 2019, min-naħa l-oħra, huwiex konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Din il-qorti enfasizzat, it-tieni, li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda għalhekk, qabel kollox, l-iffissar tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar dovut, u mhux jekk kienx hemm lok jew le li jintalab l-irkupru ta’ benefiċċji eventwali rċevuti indebitament fil-passat. Għalhekk, hija ppreċiżat, it-tielet, li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 41(3) tal-PG tal‑2018, l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar dovut lil BB ikun għoli wisq u, konsegwentement, illegali, li jimplika aġġustament tal-imsemmija pensjoni. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti kkonstatat, ir-raba’, li tali aġġustament kellu jsir indipendentement minn jekk BB kellhiex eventwalment tirrimborsa benefiċċji rċevuti indebitament fil-passat jew jekk setgħetx iżżommhom billi tinvoka l-bona fide tagħha. Il-ħames, il-qorti tar-rinviju rrilevat li l-kwistjoni ta’ eventwali rkupru tal-benefiċċji rċevuti indebitament tqum biss fil-każ li l-applikabbiltà tal-Artikolu 41(3) tal-PG tal‑2018 tkun ġiet stabbilita. Din il-qorti kkonkludiet, is-sitt, li, anki jekk l-effett retroattiv tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni jimmaterjalizza ruħu fir-rigward tal-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2019, il-kompatibbiltà tal-imsemmija leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni tibqa’ deċiżiva sabiex tkun magħrufa l-bażi legali applikabbli li tippermetti li jiġi ffissat l-ammont kif ukoll l-aġġustament annwali tal-pensjoni tal-irtirar ta’ BB kemm għall-passat kif ukoll għall-futur, indipendentement mill-eventwali rkupru tal-benefiċċji rċevuti indebitament.

Fuq id‑domanda preliminari

38

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) u (2)(a) kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, sabiex tintemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-assimilazzjoni, b’effett retroattiv, tal-iskema ta’ pensjoni tal-irtirar tal-uffiċjali li jaqgħu taħt il-kategorija preċedentement vantaġġata mal-iskema ta’ pensjoni tal-irtirar tal-uffiċjali li jaqgħu fil-kategorija preċedentement żvantaġġata.

39

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija bbażata fuq il-premessa li, minn naħa, l-Artikolu 41(3) tal-PG tal‑2010 kien jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età għall-uffiċjali mwielda qabel l‑1 ta’ Jannar 1955, u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni tal-Artikolu 41(3) tal-PG tal‑2018 mil-leġiżlatur nazzjonali kienet intiża sabiex telimina l-imsemmija diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Huwa biss fid-dawl ta’ din il-premessa li l-Qorti tal-Ġustizzja ser teżamina d-domanda magħmula.

40

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar qabelxejn li kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-għan tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li din hija intiża li tistabbilixxi kuntest ġenerali sabiex tiżgura lil kull persuna l-ugwaljanza fit-trattament “fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol”, billi toffrilu protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom tidher l-età (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero della Giustizia (Nutara), C‑914/19, EU:C:2021:430, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din għandha tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi kkonferiti lill-Unjoni, “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi”, f’dak li jirrigwarda “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

42

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimponi b’mod partikolari l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-età. L-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva jippreċiża li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 2, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta, fost affarijiet oħra, persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni simili, fuq il-bażi ta’ waħda mill-motivi indikati fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva.

43

Minkejja l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri jistgħu, b’mod konformi mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età ma għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, ikun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, b’mod partikolari minn għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi intiżi sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu jkunu xierqa u neċessarji.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta diskriminazzjoni, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, tkun ġiet ikkonstatata u sakemm miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament ma ġewx adottati, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jista’ biss jiġi żgurat permezz tal-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi bħal dawk li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija pprivileġġata. Il-persuni żvantaġġati għandhom għalhekk jitqiegħdu fl-istess pożizzjoni tal-persuni li jibbenefikaw mill-vantaġġ ikkonċernat (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Konsegwentement, ikun kuntrarju għall-għan ta’ ugwaljanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll għall-prinċipju ta’ ċertezza legali li l-persuni responsabbli għall-iskema ta’ pensjoni kkonċernata jitħallew jeliminaw diskriminazzjoni bl-adozzjoni ta’ miżura li tarmonizza, b’effett retroattiv, l-iskema tal-persuni preċedentement vantaġġati fil-livell tal-iskema tal-persuni preċedentement żvantaġġati. Fil-fatt, l-aċċettazzjoni ta’ tali soluzzjoni jkollha l-effett li dawn il-persuni responsabbli jitneħħielhom l-obbligu li jwettqu, wara l-konstatazzjoni tad-diskriminazzjoni, l-eliminazzjoni immedjata u kompleta tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2019, Safeway, C‑171/18, EU:C:2019:839, punti 34 u 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Issa, il-kunsiderazzjonijiet indikati fil-punt preċedenti japplikaw biss sakemm miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament ma jkunux ġew adottati mil-leġiżlatur nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Safeway, C‑396/17, EU:C:2019:375, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-perijodu ta’ wara l-adozzjoni tal-miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament mil-leġiżlatur kompetenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 119 KE (li sar l-Artikolu 157 TFUE) ma jipprekludix li tali miżuri jipprevedu li l-vantaġġi tal-persuni preċedentement privileġġati jitnaqqsu għal-livell tal-iskema tal-persuni preċedentement żvantaġġati. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2019, Safeway, C‑171/18, EU:C:2019:839, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

It-tagħlim tal-imsemmija sentenza huwa intiż, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li japplika wkoll fil-kuntest tad-Direttiva 2000/78, f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, sa fejn din kienet ikkaratterizzata, għall-perijodu qabel id-dħul fis-seħħ tal-PG tal‑2018, mill-eżistenza ta’ sistema ta’ referenza valida, jiġifieri t-tielet kategorija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Minn dan isegwi li l-leġiżlatur nazzjonali seta’, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, mill-mument li fih seħħet il-konformità leġiżlattiva, f’dan il-każ bl-adozzjoni tal-PG tal‑2018, jassimila l-iskema tal-pensjoni tal-irtirar ta’ uffiċjali li jaqgħu fil-kategorija preċedentement vantaġġata ma’ dik ta’ uffiċjali li jaqgħu taħt il-kategorija preċedentement żvantaġġata.

50

Fil-fatt, għandu jitqies li, għalkemm l-Istati Membri, konformement mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, għandhom l-obbligu li jneħħu l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, dan l-artikolu madankollu ma jimponilhomx jadottaw miżuri speċifiċi fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, iżda jħallilhom il-libertà jagħżlu, minn fost is-soluzzjonijiet differenti intiżi sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, dak li huma jqisu bħala l-iktar adatt għal dan il-għan, skont is-sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Leitner, C‑396/17, EU:C:2019:375, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi, bħala regola ġenerali, li att li jimplimenta d-dritt tal-Unjoni jingħata effett retroattiv. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-imsemmi prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom (sentenza tat‑13 ta’ Frar 2019, Human Operator, C‑434/17, EU:C:2019:112, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, huwa biss b’mod eċċezzjonali li att li jimplimenta d-dritt tal-Unjoni jista’ jingħata effett retroattiv, meta r-rekwiżit ta’ interess ġenerali jirrikjedi dan u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jiġu debitament osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2019, Safeway, C‑171/18, EU:C:2019:839, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-rekwiżit ta’ interess ġenerali, għandu jiġi rrilevat li riskju li jiġi ppreġudikat serjament il-bilanċ finanzjarju tal-iskema ta’ pensjoni kkonċernata jista’ jikkostitwixxi tali rekwiżit ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2019, Safeway, C‑171/18, EU:C:2019:839, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, mill-atti tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li tali rekwiżit ta’ interess ġenerali ġie invokat sabiex jiġġustifika l-effett retroattiv tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalkemm il-Gvern Awstrijak jafferma, ċertament, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-Artikolu 41(3) tal-PG tal‑2018 huwa intiż li jiggarantixxi bilanċ ġust bejn l-uffiċjali ta’ età ikbar u l-uffiċjali ta’ età iżgħar fil-kuntest tat-tqassim tal-ispejjeż intiżi sabiex jiżguraw il-finanzjament fit-tul tal-iskema tal-pensjonijiet tal-irtirar, jidher madankollu li tali kunsiderazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika li l-assimilazzjoni retroattiva tal-iskema tal-irtirar tal-uffiċjali li jaqgħu fil-kategorija preċedentement vantaġġata ma’ dik tal-uffiċjali li jaqgħu fil-kategorija preċedentement żvantaġġata kienet neċessarja sabiex jiġi evitat ksur gravi tal-bilanċ finanzjarju tal-iskema ta’ pensjoni kkonċernata. L-osservazzjoni magħmula minn dan l-istess gvern li tgħid li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għanijiet li jikkonsistu fil-garanzija tal-finanzjament sostenibbli tal-pensjonijiet tal-irtirar u fit-tnaqqis tad-differenza bejn il-livelli tal-pensjonijiet iffinanzjati mill-Istat jistgħu jitqiesu, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li għandhom l-Istati Membri, bħala li jikkostitwixxu għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali, ma tistax, fl-assenza ta’ elementi rilevanti oħra li jippermettu li jiġi konkluż li jeżistu tali għanijiet, tistabbilixxi li l-miżura inkwistjoni kienet effettivament tissodisfa tali rekwiżit ta’ interess ġenerali. Minn dan isegwi li ġustifikazzjoni oġġettiva tar-retroattività ta’ din il-miżura tidher li hija nieqsa, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

53

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-osservanza tal-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati, għandu jitfakkar li mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mir-risposta tal-qorti tar-rinviju mogħtija għat-talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 39 tal-PG tal‑2010, huma biss “benefiċċji rċevuti indebitament (ammonti żejda) għandhom, sa fejn dawn ma jkunux ġew irċevuti in bona fide, jiġu rrimborsati lill-Istat Federali.” Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża li għandha quddiemha, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tosserva l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati permezz ta’ applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 39 tal-PG tal‑2010.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1) u (2)(a) kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, fl-assenza ta’ rekwiżit ta’ interess ġenerali, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, sabiex tintemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-assimilazzjoni, b’effett retroattiv, tal-iskema ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ kategorija ta’ uffiċjali preċedentement vantaġġata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda d-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar ma’ dik tal-kategorija ta’ uffiċjali preċedentement żvantaġġata minn din l-istess leġiżlazzjoni.

Fuq l‑ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(1) u (2)(a) kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

jipprekludu, fl-assenza ta’ rekwiżit ta’ interess ġenerali, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, sabiex tintemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-assimilazzjoni, b’effett retroattiv, tal-iskema ta’ pensjoni tal-irtirar ta’ kategorija ta’ uffiċjali preċedentement vantaġġata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda d-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar ma’ dik tal-kategorija ta’ uffiċjali preċedentement żvantaġġata minn din l-istess leġiżlazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.