European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2284

15.10.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2284

tal-15 ta’ Ottubru 2026

li tistabbilixxi d-data minn meta l-Istati Membri jistgħu jibdew idaħħlu, jaġġornaw u jħassru allerti ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-interess tal-Unjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen skont ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 79(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti (UE) 2018/1860 (2), (UE) 2018/1861 (3) u (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS).

(2)

Ir-Regolament (UE) 2022/1190 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) introduċa regoli dwar allerti ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-interess tal-Unjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen. Jenħtieġ li dan jippermetti lill-Istati Membri, fuq proposta mill-Europol, abbażi ta’ informazzjoni pprovduta minn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, idaħħlu tali allerti fis-SIS sabiex dik l-informazzjoni dwar persuni involuti f’kriminalità serja jew terroriżmu, issir disponibbli direttament u f’ħin reali, lill-uffiċjali tal-ewwel linja fl-Istati Membri.

(3)

Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2022/1190, il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) ilhom ilestu l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa biex jimplimentaw ir-regoli l-ġodda li jippermettu d-dħul ta’ allerti ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-interess tal-Unjoni fis-SIS kif ukoll l-aġġornamenti meħtieġa għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari.

(4)

Il-Kummissjoni vverifikat li ġew adottati l-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa għall-operat tal-allert ta’ informazzjoni; li l-eu-LISA ddikjarat li tlestew b’suċċess tal-attivitajiet kollha ta’ ttestjar fir-rigward tas-CS-SIS u tal-interazzjoni bejn is-SIS Ċentrali (CS-SIS) u s-sistemi nazzjonali (N.SIS); li l-Istati Membri u l-Europol innotifikaw lill-Kummissjoni li għamlu l-arranġamenti tekniċi u proċedurali neċessarji biex jipproċessaw id-data tas-SIS u biex jiskambjaw informazzjoni supplimentari skont ir-Regolament (UE) 2018/1862 kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/1190.

(5)

Huwa għalhekk xieraq li tiġi stabbilita d-data minn meta l-Istati Membri jistgħu jibdew idaħħlu, jaġġornaw u jħassru allerti ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-interess tal-Unjoni fis-SIS f’konformità mal-Artikolu 37a tar-Regolament (UE) 2018/1862.

(6)

Peress li r-Regolamenti (UE) 2018/1862 u r-Regolament (UE) 2022/1190 jibnu fuq l-acquis ta’ Schengen, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka nnotifikat l-implimentazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2018/1862 u (UE) 2022/1190 fil-liġi nazzjonali tagħha. Għaldaqstant hija marbuta b’din id-Deċiżjoni.

(7)

L-Irlanda qed tieħu sehem f’din id-Deċiżjoni sa fejn tikkonċerna r-Regolament (UE) 2018/1862, f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (5), moqri flimkien mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1745 (6).

(8)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Iżlanda u mir-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn l-Istati mal-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt (G), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (8).

(9)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9), li jaqgħu fi ħdan il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt (G), tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri b’mod konġunt mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI (10).

(10)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (11) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt (G), tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE (12).

(11)

Fir-rigward ta’ Ċipru, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

(12)

Minħabba li l-Kummissjoni għandha tiddetermina d-data minn meta l-Istati Membri jistgħu jibdew idaħħlu, jaġġornaw u jħassru allert ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-interess tal-Unjoni, ma hemm bżonn ta’ ebda perjodu ta’ żmien intermedju bejn id-data tal-pubblikazzjoni u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-allerti ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-interess tal-Unjoni għandhom jiddaħħlu, jiġu aġġornati u jitħassru fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) skont ir-Regolament (UE) 2018/1862 mill-15 ta’ Ottubru 2026.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1862/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1860/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1861/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2022/1190 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1862 fir-rigward tad-dħul ta’ allerti ta’ informazzjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-interess tal-Unjoni (ĠU L 185, 12.7.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1190/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/192/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1745 tat-18 ta’ Novembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen dwar il-protezzjoni tad-data u dwar l-implimentazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fl-Irlanda (ĠU L 393, 23.11.2020, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1745/oj).

(7)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1999/439(1)/oj.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/437/oj).

(9)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2008/178(1)/oj.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/149/oj).

(11)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat b’mod partikolari mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/349/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2284/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)