European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3205

19.12.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3205

tal-10 ta’ Diċembru 2024

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu, tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jirregolaw id-dritt ta’ persuni taxxabbli li jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq provvisti ta’ merkanzija u servizzi użati minnhom għal finijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħhom. L-Artikolu 26(1), il-punt (a), ta’ dik id-Direttiva fih rekwiżit biex tiġi ddikjarata l-VAT meta xi assi kummerċjali jintuża għal finijiet privati ta’ persuni taxxabbli jew tal-persunal tagħhom jew, b’mod aktar ġenerali, għal finijiet oħra għajr dawk marbuta man-negozju tagħhom.

(2)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1493 (2), kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1774 (3), tawtorizza lill-Ungerija biex, sal-31 ta’ Diċembru 2024, tillimita għal 50 % id-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq in-nefqa relatata mal-karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal finijiet kummerċjali, u tawtorizza lill-Ungerija biex ma tittrattax bħala provvisti ta’ servizzi bi ħlas l-użu għal finijiet privati ta’ karozza tal-passiġġieri inkluża fl-assi ta’ negozju ta’ persuna taxxabbli, meta dik il-karozza tkun ġiet soġġetta għal limitazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni (il-“miżura speċjali”).

(3)

B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta’ Marzu 2024, l-Ungerija talbet awtorizzazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 395(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, biex tkompli tapplika l-miżura speċjali (“l-estensjoni”).

(4)

F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba lill-Istati Membri l-oħra b’ittri datata d-29 ta’ Mejju 2024. B’ittra datata t-30 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tivvaluta t-talba.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 5, it-tieni paragrafu, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493, l-Ungerija ppreżentat, flimkien mat-talba, rapport li jinkludi r-rieżami tal-perċentwal stabbilit għal-limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT imsemmi fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. Abbażi tal-informazzjoni attwalment disponibbli, jiġifieri l-esperjenza miksuba mill-awditi tat-taxxa u d-data statistika b’rabta mal-użu privat tal-karozzi tal-passiġġieri, l-Ungerija ssostni li l-limitu ta’ 50 % għadu ġustifikabbli u jibqa’ xieraq.

(6)

Peress illi l-miżura speċjali kellha impatt pożittiv fir-rigward tal-piż amministrattiv għall-kontribwenti u l-awtoritajiet tat-taxxa billi tissimplifika l-ġbir tal-VAT u tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa meta r-rekords ma jinżammux kif suppost, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li testendi l-miżura speċjali. Għalhekk, jenħtieġ li l-Ungerija tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2027.

(7)

Jenħtieġ li l-miżura speċjali tkun limitata għaż-żmien meħtieġ biex tiġi evalwata l-effettività tagħha u l-adegwatezza tar-rata tal-perċentwal applikat..

(8)

Il-miżura speċjali hija proporzjonata għall-objettivi mixtieq, jiġifieri, is-simplifikazzjoni tal-proċedura għall-ġbir tal-VAT u l-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa, peress li hija limitata fiż-żmien u fl-ambitu. Barra minn hekk, il-miżura speċjali ma tagħtix lok għal riskju li l-frodi titmexxa lejn setturi oħra jew lejn Stati Membri oħra.

(9)

Fil-każ li l-Ungerija tikkunsidra li tkun neċessarja estensjoni tal-miżura speċjali lil hinn mill-2027, jenħtieġ li tippreżenta talba għal estensjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2027. Dik it-talba jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali, inkluż rieżami tal-perċentwal applikat.

(10)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ungerija, il-miżura speċjali ser ikollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa li l-Ungerija tiġbor fl-istadju tal-konsum finali, u mhux ser ikollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni akkumulati mill-VAT.

(11)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2027.

2.   Kwalunkwe talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2027, u għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 1.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

VARGA M.


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1493 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 252, 8.10.2018, p. 44).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1774 tal-5 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 360, 11.10.2021, p. 108).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/3205/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)