|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/852 |
5.5.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/852
tal-14 ta’ April 2025
li tawtorizza lir-Repubblika Slovakka tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu, tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jirregolaw id-dritt li l-persuni taxxabbli jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-provvisti ta’ merkanzija u servizzi użati minnhom għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom. L-Artikolu 26(1), il-punt (a), ta’ dik id-Direttiva fih rekwiżit li tiġi ddikjarata l-VAT meta assi ta’ negozju jintuża għal skopijiet privati ta’ persuni taxxabbli jew tal-persunal tagħhom jew, b’mod aktar ġenerali, għal skopijiet għajr dawk tan-negozju tagħhom. |
|
(2) |
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-5 ta’ Novembru 2024, is-Slovakkja talbet mill-Kummissjoni awtorizzazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 395(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a ta’ dik id-Direttiva biex tillimita għal 50 % id-dritt li titnaqqas il-VAT fuq in-nefqa fuq ċerti vetturi li ma jintużawx kompletament għal skopijiet kummerċjali, u biex ma tittrattax bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas l-użu għal skopijiet mhux kummerċjali ta’ tali vettura inkluża fl-assi kummerċjali ta’ persuna taxxabbli fejn dik il-vettura kienet soġġetta għal tali limitazzjoni (il-“miżura speċjali”). |
|
(3) |
Il-miżura speċjali mitluba tkopri vetturi, li ma jintużawx kompletament għal skopijiet kummerċjali, jiġifieri vetturi bil-mutur fil-kategorija M1, kif speċifikat fir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u muturi fil-kategoriji L1e u L3e, kif speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). It-tranżazzjonijiet koperti huma x-xiri, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta’ tali vetturi, kif ukoll il-lokazzjoni tagħhom. Il-limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tinkludi n-nefqa fuq spare parts, aċċessorji, servizzi u fuelling maħsuba għal tali vetturi. |
|
(4) |
Ċerti vetturi jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali peress li, minħabba t-tip ta’ negozju li jintużaw għalih, kwalunkwe użu mhux kummerċjali tagħhom jitqies bħala negliġibbli. Għalhekk, jenħtieġ li l-miżura speċjali ma tapplikax għal vetturi bil-mutur jew muturi mixtrija għall-bejgħ mill-ġdid, għall-kiri jew għal-lokazzjoni jew użati għat-trasport ta’ passiġġieri bi ħlas, inklużi servizzi tat-taxi, l-għoti ta’ lezzjonijiet tas-sewqan, skopijiet ta’ ttestjar jew bħala sostituzzjoni ta’ vetturi li jkun qed isir xi xogħol fuqhom. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba magħmula mis-Slovakkja lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra datata d-29 ta’ Novembru 2024. Permezz ta’ ittra datata t-2 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lis-Slovakkja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba. |
|
(6) |
Fit-talba s-Slovakkja inkludiet spjegazzjoni tar-raġunijiet għall-iffissar tal-perċentwal għal-limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT għal 50 %. Is-Slovakkja użat għal dak l-għan data miksuba minn attivitajiet ta’ kontroll u awditi, flimkien ma’ stħarriġ imwettaq man-negozji. Skont is-Slovakkja, ir-riżultati tal-analiżi ta’ dik id-data wasslu biex il-perċentwal jiġi stabbilit għal 50 % bħala riflessjoni preċiża tad-distribuzzjoni bejn skopijiet privati u kummerċjali, tal-użu tal-vetturi li għalihom hija maħsuba l-miżura speċjali. |
|
(7) |
Is-Slovakkja ssostni li l-miżura speċjali ser ikollha impatt pożittiv fir-rigward tal-piż amministrattiv tal-kontribwenti u tal-awtoritajiet tat-taxxa billi tissimplifika l-ġbir tal-VAT u tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa permezz ta’ żamma skorretta tar-rekords. Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li s-Slovakkja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sat-30 ta’ Ġunju 2028. |
|
(8) |
Jenħtieġ li l-miżura speċjali tkun limitata għaż-żmien meħtieġ biex tiġi evalwata l-effettività u l-adegwatezza tal-limitazzjoni perċentwali applikata. |
|
(9) |
Il-miżura speċjali hija proporzjonata għall-objettivi mixtieqa, jiġifieri li tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-ġbir tal-VAT u li jiġu evitati ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa, peress li hija limitata fiż-żmien u fil-kamp ta’ applikazzjoni. Barra minn hekk, il-miżura speċjali ma tagħtix lok għar-riskju li l-frodi timxi lejn setturi oħra jew lejn Stati Membri oħra. |
|
(10) |
Fil-każ li s-Slovakkja tqis li tkun meħtieġa estensjoni tal-miżura speċjali lil hinn mit-30 ta’ Ġunju 2028, jenħtieġ li tippreżenta lill-Kummissjoni talba għal tali estensjoni sat-30 ta’ Settembru 2027. Dik it-talba jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali, inkluż rieżami tallimitazzjoni perċentwali applikata. |
|
(11) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mis-Slovakkja, il-miżura speċjali ser ikollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ dħul mit-taxxa li s-Slovakkja tiġbor fl-istadju tal-konsum finali, u mhux ser ikollha impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. B’deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika Slovakka hija awtorizzata tillimita għal 50 % id-dritt li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq in-nefqa fuq il-kategoriji ta’ vetturi li ġejjin, li ma jintużawx kompletament għal skopijiet kummerċjali:
|
(a) |
vetturi bil-mutur fil-kategorija M1, kif speċifikat fl-Artikolu 4(1), il-punt (a)(i), tar-Regolament (UE) 2018/858; |
|
(b) |
muturi fil-kategorija L1e, kif speċifikat fl-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 168/2013; |
|
(c) |
muturi fil-kategorija L3e, kif speċifikat fl-Artikolu 4(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 168/2013. |
2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal vetturi użati jew mixtrija għal dan li ġej:
|
(a) |
il-bejgħ mill-ġdid, il-kiri jew il-lokazzjoni; |
|
(b) |
it-trasport ta’ passiġġieri bi ħlas, inklużi servizzi tat-taxi; |
|
(c) |
l-għoti ta’ lezzjonijiet tas-sewqan; |
|
(d) |
skopijiet ta’ ttestjar; |
|
(e) |
bħala sostituzzjoni ta’ vetturi li jkun qed isir xi xogħol fuqhom. |
Artikolu 2
B’deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika Slovakka hija awtorizzata ma tittrattax bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas l-użu għal skopijiet mhux kummerċjali ta’ vettura kif imsemmi fl-Artikolu 1(1), inkluża fl-assi kummerċjali ta’ persuna taxxabbli, meta dik il-vettura tkun ġiet soġġetta għal limitazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
In-nefqa msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkopri dan kollu li ġej:
|
(a) |
ix-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta’ vetturi kif imsemmi fl-Artikolu 1(1); |
|
(b) |
in-nefqa fuq provvisti ta’ merkanzija jew servizzi mwettqa fir-rigward ta’ vetturi kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) u l-użu tagħhom, inkluż ix-xiri ta’ fjuwil. |
Artikolu 4
1. Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2025 sat-30 ta’ Ġunju 2028.
3. Kull talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2027 u tiġi akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Slovakka.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ April 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/858/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/168/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/852/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)