24.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 59/11


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/412

tal-21 ta’ Frar 2023

rigward l-estensjoni tal-perjodu tad-dritt għall-produzzjonijiet awdjoviżivi konġunti kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 tal-1 ta’ Ottubru 2015 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-1 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2015/2169.

(2)

Il-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali (2) (il-“Protokoll”) anness mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (3) (il-“Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles”), jistabbilixxi l-qafas li fi ħdanu l-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiffaċilitaw l-iskambji rigward l-attivitajiet, l-oġġetti u s-servizzi kulturali, inkluż fis-settur awdjoviżiv.

(3)

Il-Protokoll b’mod eċċezzjonali jinkludi dispożizzjonijiet dwar id-dritt għal produzzjonijiet awdjoviżivi konġunti biex jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi li fil-prinċipju huwa riżervat għal pajjiżi li qed jiżviluppaw b’industriji awdjoviżivi li qed jiżviluppaw.

(4)

Skont dawk id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, wara l-perjodu inizjali ta’ tliet snin, dak il-perjodu tad-dritt għandu jiġġedded għal perjodi oħra suċċessivi tal-istess tul, sakemm Parti ma twaqqafx id-dritt b’avviż bil-miktub mill-anqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu inizjali jew ta’ xi perjodu suċċessiv ieħor. F’konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, il-perjodu tad-dritt ġie estiż l-aħħar sat-30 ta’ Ġunju 2023 għax l-ebda Parti ma waqqfitu. L-effetti fattwali tal-Protokoll fir-rigward ta’ produzzjonijiet awdjoviżivi konġunti għandhom jiġu vvalutati fi żmien debitu mill-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali (il-“Kumitat”) u jservu bħala l-bażi għad-deċiżjoni tal-Unjoni dwar jekk għandux jew le jiġi estiż il-perjodu tad-dritt, għal perjodu ulterjuri ta’ tliet snin sa 2023.

(5)

F’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2015/2169, il-Kummissjoni għandha tavża lir-Repubblika tal-Korea bl-intenzjoni tal-Unjoni li ma testendix il-perjodu tad-dritt tal-produzzjoni konġunta, skont il-proċedura stabbilita fil-Protokoll diment li, fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill ma jaqbilx erba’ xhur qabel jintemm dak il-perjodu tad-dritt li jkompli d-dritt. Jekk il-Kunsill jaqbel li jkompli d-dritt, dik il-proċedura għandha terġa’ ssir applikabbli fi tmiem il-perjodu mġedded tad-dritt.

(6)

Fis-17 ta’ Ottubru 2019, il-Grupp Konsultattiv Domestiku tal-Unjoni li huwa previst fil-Protokoll ġie kkonsultat dwar l-estensjoni tal-perjodu tad-dritt, kif previst fid-dispożizzjonijiet dwar id-dritt għal produzzjonijiet awdjoviżivi konġunti tal-Protokoll.

(7)

Fid-dawl tar-relazzjoni mill-qrib, storika u unika bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Korea, il-Kunsill qabel mal-estensjoni tal-perjodu tad-dritt għall-produzzjonijiet awdjoviżivi konġunti biex jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi tal-Partijiet għall-promozzjoni ta’ kontenut kulturali lokali/reġjonali kif previst fil-Protokoll.

(8)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/470 (4) għalhekk estendiet il-perjodu tad-dritt għal produzzjonijiet awdjoviżivi konġunti għal perjodu ta’ tliet snin, mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2023. Madankollu, permezz tas-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2022 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (5), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-Deċiżjoni (UE) 2020/470. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti żammet ukoll l-effetti ta’ dik id-Deċiżjoni (sakemm jiġu rimedjati r-raġunijiet tal-annullament stabbiliti.

(9)

Fit-28 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2022/2335 (6), li emendat id-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 f’konformità ma’ dik is-sentenza.

(10)

Sabiex jitneħħa kull dubju dwar l-impenn tal-Unjoni rigward l-estensjoni tal-perjodu tad-dritt għal perjodu ta’ tliet snin, mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2023, u b’hekk tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tal-Protokoll, jenħtieġ li tiġi adottata deċiżjoni ġdida abbażi tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2169, u tkun tapplika mill-1 ta’ Lulju 2020, f’konformità ma’ dik is-sentenza.

(11)

Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li ma taffettwax il-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri. B’mod partikolari, jenħtieġ li hija ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri li jikkonkludu ftehimiet ta’ produzzjonijiet konġunti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-perjodu tad-dritt għall-produzzjonijiet awdjoviżivi konġunti biex jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi tal-Partijiet għall-promozzjoni ta’ kontenut kulturali lokali/reġjonali, kif previst fl-Artikolu 5, il-paragrafi (4) sa (7), tal-Protokoll, għandu jiġu estiż b’perjodu ta’ tliet snin, mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2023.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2020.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)   ĠU L 307, 25.11.2015, p. 2.

(2)   ĠU L 127, 14.5.2011, p. 1418.

(3)   ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/470 tal-25 ta’ Marzu 2020 dwar l-estensjoni tal-perjodu tad-dritt għal produzzjonijiet awdjoviżivi konġunti kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU L 101, 1.4.2020, p. 1).

(5)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Marzu 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-275/20, ECLI:EU:C:2022:142.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2335 tat-28 ta’ Novembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra. (ĠU L 309, 30.11.2022, p. 6).