SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
27 ta’ Marzu 2014 ( *1 )
“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Olandiż tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq — Iffissar tal-prezz gross tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq — Iffissar ta’ tnaqqis għall-bennejja tat-toroq — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Artikolu 27 — Drittijiet tad-difiża — Tnaqqis tal-multa”
Fil-Kawża C‑612/12 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2012,
Ballast Nedam NV, stabbilita f’Nieuwegein (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn A. Bosman u E. Oude Elferink, avukati,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Ronkes Agerbeek u P. Van Nuffel, bħala aġenti, assistiti minn F. Tuytschaever, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas, D. Šváby (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Novembru 2013,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Ballast Nedam NV (iktar ’il quddiem “Ballast Nedam”) titlob l-annullament tas-sentenza Ballast Nedam vs Il‑Kummissjoni (T‑361/06, EU:T:2012:491, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament, sa fejn tikkonċernaha, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4090 finali, tat-13 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] [(Każ COMP/F/38.456 — Bitum — (Il-Pajjiżi l-Baxxi)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u, sussidjarjament, minn naħa, għall-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni sa fejn din tistabbilixxi t-tul tal-ksur li jikkonċernaha u, min-naħa l-oħra, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha. |
Il-kuntest ġuridiku
|
2 |
L-Artikolu 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprovdi: “Qabel ma jiġu meħuda d-deċiżjonijiet kif previsti mil-Artikoli 7, 8, 23 u l-Artikolu 24(2), il-Kummissjoni ħa tagħti l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li huma suġġetti għal proċeduri kondotti mil-Kummissjoni l-opportunità li jiġu msemma’ fuq matterji li l-Kummissjoni kellha oġġezzjoni fuqhom. Il-Kummissjoni ħa tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq l-oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati kienu kapaċi jikkummentaw fuqhom. L-ilmenti ħa jkunu assoċjati mil-viċin mal-proċeduri.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata
|
3 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 7 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej. |
|
4 |
L-appellanti tmexxi l-grupp Ballast Nedam, li jopera fis-settur tal-kostruzzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fl-1995, l-attivitajiet tal-kostruzzjoni tat-toroq tal-grupp ġew ċċentralizzati fil-kumpannija Ballast Nedam Grond en Wegen (iktar ’il quddiem “BNGW”), sussidjarja proprjetà 100 % ta’ Ballast Nedam Infra BV (iktar ’il quddiem “BN Infra”), hija stess proprjetà 100 % ta’ Ballast Nedam. Mill-1 ta’ Ottubru 2000, l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni tat-toroq tal-grupp Ballast Nedam ġew eżerċitati direttament minn BN Infra. |
|
5 |
Wara talba minn British Petroleum plc intiża għall-kisba ta’ immunità minn multi skont id-dispożizzjonijiet tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155) fir-rigward tal-eżistenza allegata ta’ akkordju li jikkonċerna s-suq tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-1 u fit-2 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni wettqet verifiki sorpriża fl-uffiċċji ta’ ċerti kumpanniji u bagħtet talbiet għal informazzjoni lil numru ta’ kumpanniji, fosthom BN Infra, fl-4 ta’ Lulju 2003. Din tal-aħħar irrispondiet fit-12 ta’ Settembru 2003. Fl-10 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni indirizzat talba għal informazzjoni lil Ballast Nedam, li din irrispondiet għaliha fid-9 ta’ Marzu 2004. |
|
6 |
Fit-18 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni bdiet proċedura amministrattiva u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, indirizzata l-għada lil numru ta’ kumpanniji, fosthom Ballast Nedam u BN Infra, li għaliha Ballast Nedam irrispondiet fl-20 ta’ Mejju 2005. |
|
7 |
Fit-13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li biha hija kkonstatat li l-kumpanniji destinatarji tagħha kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE, li jikkonsisti fl-iffissar flimkien b’mod regolari, matul il-perijodi kkonċernati, għall-bejgħ u x-xiri ta’ bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-prezz gross, tnaqqis uniformi fuq il-prezz gross għall-bennejja tat-toroq li jipparteċipaw fl-akkordju u tnaqqis massimu mnaqqas fuq il-prezz gross għall-bennejja l-oħra tat-toroq. |
|
8 |
Ballast Nedam ġiet rikonoxxuta ħatja ta’ dan il-ksur, għall-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sal-15 ta’ April 2002, bħal fil-każ tas-sussidjarja tagħha BN Infra. |
|
9 |
Fid-dawl, minn naħa, tal-parteċipazzjoni diretta ta’ BN Infra fil-ksur matul il-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2000 sal-15 ta’ April 2002 u tal-proprjetà tagħha 100 % tal-kapital ta’ BNGW matul il-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sat-30 ta’ Settembru 2000 u, min-naħa l-oħra, tal-proprjetà diretta jew indiretta ta’ 100 % tal-kapital ta’ BN Infra u ta’ BNGW minn Ballast Nedam, ġiet imposta fuq Ballast Nedam u BN Infra in solidum multa ta’ EUR 4.65 miljun. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
10 |
B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Diċembru 2006, Ballast Nedam talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, minn naħa, l-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni sa fejn din tistabbilixxi t-tul tal-ksur li jikkonċernaha u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha. |
|
11 |
Insostenn tar-rikors tagħha, Ballast Nedam qajmet żewġ motivi. |
|
12 |
Permezz tat-tieni motiv tagħha, li huwa l-uniku rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-appell, Ballast Nedam sostniet li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u d-drittijiet tad-difiża tagħha billi naqset milli tindika fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija ppreżumiet li Ballast Nedam kienet responsabbli għas-sussidjarja tagħha BNGW peress li tal-ewwel kienet teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq it-tieni, matul il-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sal-1 ta’ Ottubru 2000. |
|
13 |
Fil-punt 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza dwar il-preċiżjoni meħtieġa ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet biex impriża titqiegħed f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tgħarraf l-opinjoni tagħha dwar ir-rilevanza tal-fatti allegati. Skont din il-ġurisprudenza, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tindika f’liema kwalità impriża tkun qed tiġi akkużata bil-fatti allegati (sentenza Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, EU:C:2009:500, punt 39). |
|
14 |
Fil-punti 68 sa 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kif ġej:
|
|
15 |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu. |
It-talbiet tal-partijiet
|
16 |
Ballast Nedam titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
17 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l-appell
|
18 |
Insostenn tal-appell tagħha, Ballast Nedam tqajjem żewġ aggravji bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża, u, fuq applikazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-imputazzjoni lill-kumpanniji parent tal-ksur tad-dritt tal-akkordji mwettaq mis-sussidjarji tagħhom. |
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u d-drittijiet tad-difiża
L-argumenti tal-partijiet
|
19 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, dirett kontra l-punti 68 sa 71 tas-sentenza appellata, Ballast Nedam issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, li, fuq il-bażi tal-informazzjoni li tidher fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-appellanti ma setgħetx ma tkunx taf li hija setgħet tkun id-destinatarja ta’ deċiżjoni finali tal-Kummissjoni inkwantu kumpannija parent ta’ BNGW. |
|
20 |
Permezz tal-appell tagħha, Ballast Nedam issostni li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kien messha identifikat lil BNGW bħala entità li twettaq ksur u kien messha informat espressament lil Ballast Nedam minħabba li hija kienet fir-riskju li tiġi ddikjarata responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq BNGW. Issa, il-punt 342 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jsemmix lil BNGW li ma kinitx, barra minn hekk, destinatarja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. |
|
21 |
Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju ma huwiex fondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
22 |
Huwa mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi li, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza dwar il-preċiżjoni meħtieġa ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet biex impriża titqiegħed f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tgħarraf l-opinjoni tagħha dwar ir-rilevanza tal-fatti allegati. |
|
23 |
Kif jirriżulta mill-punt 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni stabbiliet ir-rabtiet li jeżistu bejn l-appellanti u BN Infra, b’tali mod li, fil-punt 342 ta’ din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellha tintbagħat lil BN Infra għall-parteċipazzjoni tagħha (u dik tal-predeċessuri tagħha) diretta fil-ftehim u lill-appellanti għall-parteċipazzjoni tagħha permezz tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ BN Infra. |
|
24 |
Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ BNGW, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda prova supplimentari dwar l-eżistenza ta’ impriża waħda bejn l-appellanti u BNGW u li, f’dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet setgħet tkun iktar ċara. Madankollu, hija qieset li dan ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma indikatx ċarament li hija kienet bi ħsiebha tapplika l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-appellanti fuq l-aġir kummerċjali ta’ BN Infra u ta’ BNGW. |
|
25 |
B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-ħtieġa ta’ preċiżjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fis-sens li hija għandha tindika f’liema kwalità impriża tkun qed tiġi akkużata bil-fatti allegati (sentenza Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2009:500, punt 39). |
|
26 |
Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ikkunsidrat fil-punt 69 tas-sentenza kkontestata, li l-appellanti ma setgħetx ma tkunx taf li hija x’aktarx kienet id-destinatarja ta’ deċiżjoni finali tal-Kummissjoni bħala kumpannija parent ta’ BNGW, minkejja li jirriżulta mill-istess konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li, fil-punt 342 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ma indikatx li din id-dikjarazzjoni kienet indirizzata lill-appellanti abbażi tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali ta’ BNGW, u li l-Qorti Ġenerali kienet tirrikonoxxi li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx ċara f’dan ir-rigward. |
|
27 |
B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma tistax tikkunsidra li l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 235 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fis-sens li l-appellanti pparteċipat fl-akkordju permezz tad-direttur ta’ BNGW, kienet tista’ tindikalha ċarament li l-Kummissjoni kien beħsiebha żżommha b’responsabbiltà derivattiva għas-sussidjarja tagħha inkwantu kumpannija parent ta’ BNGW, filwaqt li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet issemmi biss din il-kumpannija tal-aħħar fil-kwalità tagħha ta’ predeċessur ta’ BN Infra. |
|
28 |
Barra minn hekk, l-ambigwità fil-formulazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija msaħħa mill-fatt li l-ebda dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma ġiet indirizzata lil BNGW. |
|
29 |
Fir-rigward tat-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u dwar BNGW, imsemmija fil-punt 70 tas-sentenza appellata, ma jistax jiġi dedott li l-appellanti kienet fehmet mil-qari tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija kienet ser tinżamm responsabbli, mill-Kummissjoni, għall-attivitajiet ta’ BNGW. |
|
30 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti ma ġewx miksura. |
|
31 |
Peress li l-ewwel aggravju ta’ dan l-appell huwa fondat, hemm lok li jintlaqa’ u, konsegwentement, li tiġi annullata s-sentenza appellata sa fejn din tiċħad il-motiv tal-appellanti relatat mall-ksur tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u d-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata. |
Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-imputazzjoni tal-ksur lil Ballast Nedam
|
32 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, dirett kontra l-punti 72 sa 77 tas-sentenza appellata, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li injorat is-sens tal-argumenti mressqa minn din tal-aħħar matul is-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2011 u, konsegwentement, li wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, li “[Ballast Nedam] ma tistax issostni li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li timputalha l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ BNGW għall-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sal-1 ta’ Ottubru [sat-30 ta’ Settembru 2000] u lanqas li tikkundannaha in solidum għall-ħlas tal-multa”, meta ma ġie kkonstatat l-ebda ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha BNGW. |
|
33 |
Billi dan l-aggravju huwa intiż, ċertament għal raġunijiet differenti minn dawk imqajma insostenn tal-aggravju ta’ qabel, ukoll sabiex tiġi kkonfutata l-imputazzjoni lill-appellanti tar-responsabbiltà minħabba l-aġir tas-sussidjarja tagħha, BNGW, huwa, jekk wieħed jassumih fondat, ma jistax iwassal għal annullament tas-sentenza appellata iktar estensiv minn dak li jirriżulta jekk jintlaqa’ l-ewwel aggravju. |
|
34 |
Għalhekk ma hemmx lok li jiġi eżaminat. |
Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
|
35 |
B’mod konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Hija tista’ mbagħad tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. |
|
36 |
Dan huwa l-każ fil-kawża preżenti. |
|
37 |
Għal dan l-għan, l-appellanti, filwaqt li tirreferi għall-osservazzjonijiet li hija ppreżentat fl-ewwel istanza, titlob l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha u ssostni li l-multa in solidum, tal-ammont ta’ EUR 4.65 miljun, imposta fuqha fl-Artikolu 2(a) ta’ din id-deċiżjoni, għandha titnaqqas. |
|
38 |
F’dan il-każ, minn naħa, peress li l-appellanti ma tpoġġietx f’pożizzjoni li tiżgura b’mod utli d-difiża tagħha matul il-proċedura amministrattiva f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent li kellha 100 % tal-ishma ta’ BNGW, hemm lok li jiġi annullat l-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-imputazzjoni tal-aġir ta’ BNGW lill-appellanti għall-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sat-30 ta’ Settembru 2000. |
|
39 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-aġir ta’ BN Infra li għalih id-deċiżjoni kontenzjuża żżomm lill-appellanti responsabbli, il-Qorti Ġenerali naqqset il-multa imposta għal ammont ta’ EUR 3.45 miljun, filwaqt li kkonstatat li l-aġir ta’ BNGW matul il-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sal-1 ta’ Ottubru 2000 ma setax jiġi imputat lil BN Infra (sentenza Ballast Nedam Infra vs Il‑Kummissjoni, T‑362/06, EU:T:2012:492). |
|
40 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq l-appellanti fl-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata huwa ffissat għal EUR 3.45 miljun. |
Fuq l-ispejjeż
|
41 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
42 |
Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn tal-aħħar, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. |
|
43 |
Billi l-appell ippreżentat minn Ballast Nedam intlaqa’ u l-multa imposta fuqha tnaqqset mill-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha relatati ma’ dawn il-proċeduri. Barra minn hekk, fid-dawl tal-motivi mqajma minn Ballast Nedam quddiem il-Qorti Ġenerali li parti minnhom ġiet definittivament miċħuda, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.