European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2478

11.11.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2478

tad-9 ta’ Novembru 2026

li tirrifjuta applikazzjoni għall-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

“Kale Biberi” (DOP)

(notifikata bid-dokument C(2026) 7838)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Kale Biberi” bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP), ippreżentata mit-Turkija fid-19 ta’ Lulju 2024 (PDO-TR-03298).

(2)

Wara l-eżami tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, fl-13 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha, filwaqt li enfasizzat in-nuqqasijiet fl-applikazzjoni, b’mod partikolari rigward l-applikant, il-kwalità tal-lingwa Ingliża użata, il-prova ta’ protezzjoni, id-deskrizzjoni tal-prodott, id-deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni, id-definizzjoni taż-żona ġeografika, il-prova tal-oriġini, u r-rabta ta’ kawżalità maż-żona ġeografika. L-applikant intalab jagħmel aġġustamenti fl-applikazzjoni u jipprovdi kjarifiki wkoll.

(3)

L-applikant ma weġibx.

(4)

Fis-27 ta’ Ottubru 2025, il-Kummissjoni infurmat lill-applikant bl-intenzjoni tagħha li tniedi l-proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni formali tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143, sakemm ma titressaqx verżjoni riveduta tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, jew l-applikazzjoni tiġi rtirata. L-ittra semmiet diversi nuqqasijiet ta’ konformità.

(5)

L-applikant la pprovda kummenti u lanqas talab l-irtirar tal-applikazzjoni fi żmien il-perjodu preskritt ta’ xahrejn minn wara li waslet l-ittra.

(6)

L-applikazzjoni fiha diversi nuqqasijiet ta’ konformità. B’mod partikolari, ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2024/1143 mhuwiex rispettat, peress li l-applikant huwa l-Muniċipalità ta’ Kale (“KALE BELEDİYESİ”) li la hija produttur uniku skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 u lanqas grupp ta’ produtturi li jaħdem bil-prodott, li l-isem tiegħu huwa propost għar-reġistrazzjoni.

(7)

Il-prova tal-protezzjoni fit-Turkija u t-traduzzjoni tagħha b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, meħtieġa mill-Artikolu 13(2)(d) u (4) tar-Regolament (UE) 2024/1143, huma neqsin.

(8)

Ir-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott fi tmiem id-dokument uniku taħt “Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott”, hija nieqsa wkoll. Għalhekk, ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament (UE) 2024/1143 u fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/26 (2) ma huwiex issodisfat.

(9)

Barra minn hekk, l-applikazzjoni ma tidentifikax il-proċeduri li jiżguraw li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika ddefinita; b’hekk, ir-rekwiżit stipulati fl-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/26 ma ġiex issodisfat.

(10)

Id-deskrizzjoni tal-prodott mhijiex ċara u kompluta peress li ma tidentifikax jekk l-isem imfittex għall-protezzjoni jkoprix biss il-prodott frisk jew ukoll preparazzjonijiet oħra msemmija fit-test (imnixxfa, pejst, mitħuna, moqlija, eċċ.). Barra minn hekk, il-karatteristiċi morfoloġiċi tal-prodott mhumiex speċifikati biżżejjed bl-użu ta’ karatterizzazzjonijiet vagi filwaqt li jiġu nnutati inkonsistenzi fir-rigward ta’ dawn il-karatteristiċi bejn it-taqsimiet differenti tad-Dokument Uniku. Għalhekk, id-deskrizzjoni tal-prodott ma tikkonformax mal-Artikolu 49(1)(b) tar-Regolament (UE) 2024/1143.

(11)

Id-deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni mhijiex kompluta peress li l-informazzjoni sottomessa ma tiddeskrivix kif isir il-ħsad u lanqas liema passi ulterjuri ta’ pproċessar huma meħtieġa għall-kisba ta’ forom oħra ta’ prodott (imnixxef, pejst, mitħun, eċċ.). Għalhekk, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 49(1)(e) tar-Regolament (UE) 2024/1143 mhumiex issodisfati.

(12)

Iż-żona ġeografika mhijiex definita b’mod preċiż: il-limiti amministrattivi mhumiex definiti b’mod ċar u huma nnotati inkonsistenzi dwar dan il-punt bejn it-taqsimiet korrispondenti tad-dokument uniku u l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Għalhekk, ma jkunx hemm konformità mal-Artikolu 49(1)(c) tar-Regolament (UE) 2024/1143 u l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/26.

(13)

Fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott u fid-dokument uniku, it-taqsima “rabta” ma tinkludi l-ebda deskrizzjoni ta’ karatteristiċi partikolari tal-ambjent ġeografiku, f’termini ta’ fatturi naturali jew umani, li essenzjalment jew esklużivament jattribwixxu jew jinfluwenzaw il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott, u lanqas ma hija spjegata r-rabta bejn l-elementi tal-ambjent ġeografiku u l-ispeċifiċitajiet tal-prodott finali. Għalhekk, ir-rabta kawżali bejn il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott u ż-żona ġeografika definita mhijiex stabbilita f’konformità mal-Artikolu 49(1)(f) (i) tar-Regolament (UE) 2024/1143.

(14)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-“Kale Biberi” bħala IĠP ma tissodisfax ħafna mir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1143.

(15)

Għalhekk jenħtieġ li l-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Kale Biberi” bħala DOP tiġi rrifjutata.

(16)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità għal prodotti agrikoli, inbid u xorb spirituż,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Kale Biberi” bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) hija rifjutata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-applikant:

KALE BELEDİYESİ

Cumhuriyet Mah. İstiklal 1 Blv. No:22

Kale / DENİZLİ, Türkiye

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Christophe HANSEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/26 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet, l-emendi, il-kanċellazzjonijiet, l-infurzar tal-protezzjoni, it-tikkettar u l-komunikazzjoni fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/34 fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-settur tal-inbid, u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014 u (UE) 2021/1236 (ĠU L, 2025/26, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/26/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2478/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)